Katekeżi Ħniena, Papa Franġisku

Ħniena u konverżjoni


7. Katekeżi mill-Papa Franġisku waqt l-Udjenzi Straordinarji tal-Ġublew tal-Ħniena. 18 ta’ Ġunju 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Wara l-qawmien mill-mewt, Ġesù deher kemm-il darba lid-dixxipli tiegħu, qabel tela’ fil-glorja tal-Missier. Is-silta tal-Vanġelu li għadna kemm smajna (Lq 24:45-48) tirrakkonta waħda minn dawn id-dehriet, fejn il-Mulej juri x’għandu jkun il-kontenut fundamentali tal-predikazzjoni li l-Appostli għandhom joffru lid-dinja.

Fil-qosor nistgħu niġbruh f’żewġ kelmiet: “konverżjoni” u “maħfra tad-dnubiet”. Huma żewġ aspetti li jikkwalifikaw il-ħniena ta’ Alla li, bi mħabba, jieħu ħsiebna. Il-lum ejjew inħarsu ftit lejn il-konverżjoni.

X’inhi l-konverżjoni? Hi preżenti tul il-Bibbja kollha, u b’mod partikulari fil-predikazzjoni tal-profeti, li kontinwament jistiednu lill-poplu “jerġa’ lura għand il-Mulej” biex jitolbu maħfra u jibdel l-istil ta’ ħajtu. Li nikkonvertu, skond il-profeti, ifisser li nibdlu d-direzzjoni li nkunu mexjin fiha u nduru għal għand il-Mulej, bil-konvinzjoni li hu jħobbna u mħabbtu hi dejjem fidila. Nerġgħu nduru għal għand il-Mulej.

Ġesù għamel mill-konverżjoni l-ewwel kelma tal-predikazzjoni tiegħu: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-tajba” (Mk 1:15). Hu b’din it-taħbira li hu jidher quddiem il-poplu, isejjaħlu biex jilqa’ l-kelma tiegħu bħala l-aħħar kelma defenittiva li l-Missier ilissen lill-bnedmin (ara Mk 12:1-11). Meta nqabbluh mal-predikazzjoni tal-profeti, Ġesù jinsisti wisq aktar fuq id-dimensjoni interjuri tal-konverżjoni. Fil-fatt, fiha hemm il-persuna sħiħa involuta, b’qalbha u ruħha kollha, biex issir ħolqien ġdid, persuna ġdida. Tibdel il-qalb, u dak li jkun, jiġġedded.

Meta Ġesù jsejjaħ għall-indiema ma jridx jidher bħala mħallef tal-persuni, imma jagħmel dan billi jibda joqgħod jkun qrib tagħhom, jaqsam fil-qagħda tagħhom ta’ bnedmin, u allura tat-triq, tad-dar, tal-mejda… Il-ħniena lejn dawk li kellhom bżonn jibdlu ħajjithom dehret fil-preżenza tiegħu kollha mħabba, biex kulħadd iħossu jagħmel parti mill-istorja tiegħu ta’ salvazzjoni. Ġesù kien jipperswadi lin-nies bl-imħabba, u b’din l-imġiba tiegħu Ġesù kien imiss il-qiegħ nett tal-qalb tal-persuni u huma kienu jħossuhom miġbuda mill-imħabba ta’ Alla u ħerqana li jibdlu ħajjithom. Ngħidu aħna, il-konverżjonijiet ta’ Mattew (ara Mt 9:9-13) u ta’ Żakkew (ara Lq 19:1-10) seħħu propju hekk, għax ħassew lil Ġesù jħobbhom u, permezz tiegħu, ħassewhom maħbuba mill-Missier. Il-konverżjoni vera sseħħ meta nilqgħu d-don tal-grazzja; u sinjal ċar ta’ l-awtentiċità tagħha hu li nintebħu bil-ħtiġijiet ta’ ħutna u nkunu lesti li nersqu lejhom.

Għeżież ħuti, kemm drabi aħna wkoll inħossu l-bżonn ta’ bidla li tinvolvi l-persuna sħiħa tagħna! Kemm drabi ngħidu lilna nfusna: “Hemm bżonn ninbidel, ma nistax nibqa’ sejjer hekk… Ħajti, f’din it-triq, m’hix se tagħti frott, sa tkun ħajja bla siwi u jien mhux sa nkun kuntent”. Kemm drabi jiġuna dawn il-ħsibijiet, kemm drabi!… U Ġesù, maġenbna, b’dirgħajh miftuħa għalina, qed jgħidilna: “Ejja, ejja għandi. Ix-xogħol ħalli lili nagħmlu: jien nibdillek qalbek, jien nibdillek ħajtek, jien nagħmlek ferħan”. Imma aħna, dan nemmnu fih jew le? Nemmnu jew le? Intom x’taħsbu: dan temmnu fih jew le? Inqas ċapċip u iktar leħinkom: temmnu jew ma temmnux? [in-nies: “Iva!”] Hekk hu. Ġesù li jinsab magħna qed jistedinna nibdlu ħajjitna. Huwa hu li, bl-Ispirtu s-Santu, jiżra’ fina dan it-tħassib serju biex nibdlu ħajjitna u nkunu xi ftit aħjar. Mela ejjew nisimgħu l-istedina tal-Mulej u ma nagħmlulux reżistenza, għax huwa biss jekk ninfetħu għall-ħniena tiegħu li aħna nsibu l-ħajja vera u l-ferħ veru. Jeħtieġ biss niftħu beraħ il-bieb, u nħallu lilu jagħmel il-bqija. Hu kollox jagħmel, imma aħna rridu nkunu li niftħu beraħ il-qalb tagħna biex hu jista’ jfejjaqna u jmexxina ’l quddiem. Niżgurakom li nkunu ħafna iżjed ferħanin. Grazzi.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s