Il-Ħniena tnaddaf il-qalb


24. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 22 ta’ Ġunju 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

“Mulej, jekk trid, tista’ tnaddafni!” (Lq 5:12): din hi t-talba li għadna kemm smajna ssir lil Ġesù minn wieħed imġiddem. Dan ir-raġel mhux biss qed jitlob li jiġi mfejjaq, imma li jiġi “mnaddaf”, jiġifieri mogħti lura s-saħħa sħiħa, fil-ġisem u fil-qalb. Fil-fatt, il-ġdiem kien meqjus għamla ta’ saħta minn Alla, tinġis qawwi minn ġewwa.

L-imġiddem kellu jżomm bogħod minn kulħadd; ma setax jidħol fit-Tempju u fl-ebda servizz divin. Imbiegħed minn Alla u mbiegħed mill-bnedmin. X’ħajja ta’ dwejjaq kienu jgħixu dawn in-nies!

Madankollu, dak l-imġiddem ma jirrassenjax ruħu għall-mard u lanqas għal dawn ir-regolamenti li kienu jagħmlu minnu bniedem eskluż. Biex jilħaq lil Ġesù, ma beżax jikser il-liġi u qabad u daħal fil-belt – ħaġa li ma kellux jagħmel, dan kien ipprojbit –, u meta sabu, “mar u nxteħet wiċċu fl-art quddiemu jitolbu u jgħidlu: ‘Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni’” (v. 12). Dak kollu li jagħmel u jgħid dan il-bniedem, meqjus impur, hu espressjoni tal-fidi tiegħu! Jagħraf il-qawwa ta’ Ġesù: hu żgur li għandu s-setgħa li jfejqu u jaf li kollox jiddipendi fuq ir-rieda tiegħu. Din il-fidi li tatu l-qawwa jikser kull norma u jfittex li jiltaqa’ ma’ Ġesù u, għarkubbtejh quddiemu, isejjaħlu “Mulej”. It-talba ta’ l-imġiddem turi li meta nersqu għand Ġesù m’hemmx bżonn nagħmlu diskorsi twal. Biżżejjed ftit kliem, basta msieħba mill-fiduċja sħiħa fil-qawwa tiegħu bla tarf u fit-tjieba tiegħu. Fil-fatt, li nafdaw ruħna fir-rieda ta’ Alla jfisser li nintelqu f’idejn il-ħniena bla tarf tiegħu. Anki jien ħa naqsam magħkom xi ħaġa personali. Fil-għaxija, qabel nidħol fis-sodda, jien nagħmel din it-talba qasira: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni!”. U nitlob għal ħames darbiet il-Missierna, waħda għal kull pjaga ta’ Ġesù, għax Ġesù saffiena bil-pjagi tiegħu. U jekk dan nagħmlu jien, tistgħu tagħmluh intom ukoll, id-dar, u tgħidu: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni!” u ġġibu f’moħħkom il-pjagi ta’ Ġesù u tgħidu Missierna f’ġieħ kull waħda minnhom. U Ġesù dejjem jismagħna.

Ġesù jħossu profondament milqut minn dan il-bniedem. Il-Vanġelu ta’ Mark josserva li, “imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: ‘Irrid, kun imnaddaf’” (1:41). Il-ġest ta’ Ġesù jmur id f’id ma’ kliemu u jagħmel tagħlimu iżjed espliċitu. Kontra dak li kienet tamar il-Liġi ta’ Mosè, li kienet tipprojbixxi li xi ħadd jersaq lejn wieħed imġiddem (ara Lev 13:45-46), Ġesù jnewwillu idu u saħansitra jmissu. Kemm drabi niltaqgħu ma’ xi fqir li jiġi jiltaqa’ magħna! Kapaċi nkunu wkoll ġenerużi, tista’ tiġina ħniena, imma s-soltu ma mmissuhx. Noffrulu xi munita, nixħtuhielu hemm, imma nevitaw li mmissu ma’ jdejh. U ninsew li dak hu l-ġisem ta’ Kristu! Ġesù jgħallimna ma nibżgħux immissu lill-fqir u lill-imwarrab, għax hu jinsab fihom. Jekk immissu lill-fqir, dan jista’ jnaddafna mill-wiċċ b’ieħor u jġagħalna ninkwetaw għall-qagħda tiegħu. Immissu lill-imwarrbin. Il-lum għandi miegħi lil dawn iż-żgħażagħ. Ħafna jaħsbu li aħjar kieku baqgħu f’arthom, imma hemm kienu qed ibatu wisq. Dawn huma r-rifuġjati tagħna, imma ħafna jżommuhom b’esklużi. Nitlobkom, dawn huma ħutna! In-Nisrani ma jista’ jħalli lil ħadd barra, għandu post għal kulħadd, iħalli lil kulħadd jidħol.

Wara li fejjaq lill-imġiddem, Ġesù ordnalu ma jitkellem ma’ ħadd, imma jgħidlu: “Mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek, kif ordna Mosè, biex hekk tagħtihom xhieda li inti fiqt” (v. 14). Dan li ried Ġesù jurina ta’ l-inqas tliet affarijiet. L-ewwel: il-grazzja li taġixxi fina ma tfittixx is-sensazzjonaliżmu. Hi mdorrija tiċċaqlaq b’diskrezzjoni u bla ħafna storbju. Biex tfejjaq il-ġrieħi tagħna u tmexxina fit-triq tal-qdusija hi taħdem billi ssawwar bis-sabar il-qalb tagħna fuq il-Qalb ta’ Ġesù, biex hekk nagħmlu dejjem iżjed tagħna l-ħsibijiet u s-sentimenti tiegħu. It-tieni: bil-verifika uffiċjali tal-fejqan li seħħ fuqu quddiem il-qassisin u ċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju ta’ tpattija, l-imġiddem jerġa’ jiġi milqugħ fil-komunità ta’ dawk li jemmnu u fil-ħajja soċjali. Jerġa’ jiġi integrat b’mod sħiħ u dan iwettaq għal kollox il-fejqan. Kif kien talab hu stess, issa hu mnaddaf għal kollox! Fl-aħħar, meta jippreżenta ruħu quddiem il-qassisin, l-imġiddem jagħtihom xhieda ta’ Ġesù u ta’ l-awtorità messjanika tiegħu. Il-qawwa tal-kompassjoni li biha Ġesù fejjaq lill-imġiddem wasslet il-fidi ta’ dan il-bniedem biex tinfetaħ għall-missjoni. Hu kien imwarrab, issa hu wieħed minna.

Ejjew naħsbu fina, fil-miżerji tagħna… Kull wieħed u waħda minna għandu tiegħu. Naħsbu b’sinċerità. Kemm drabi ngħattuhom bil-wiċċ b’ieħor tal-“manjieri tajba”. U sewwa sew hemm jeħtieġ li noqogħdu waħidna, ninżlu għarkubbtejna quddiem Alla u nitolbu: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni!”. U agħmluha, agħmluha qabel tidħlu torqdu, kull fil-għaxija. U issa ejja llissnu flimkien din it-talba sabiħa: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni!”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.