L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Pontifikali fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu


L-Erbgħa 22 ta’ Ġunju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Pontifikali fl-okkażjoni tat- Tifkira tas-sejħa tal-Madonna lil Karmni Grima, fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, Għawdex.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Santwarju Madonna ta’ Pinu
“Tinfirex f’kull żmien” ‑ Dawn huma l‑kliem li aħna nirrepetu kull filgħaxija kif il‑jum ikun riesaq fit‑tmiem tiegħu, u l‑Knisja tinfexx fil‑għanja ta’ filgħaxija. Ningħaqdu ma’ Sidtna Marija u l‑ħsieb tagħna jmur fil‑villaġġ ħelu tal‑Lhudija, Ein Karem, u ningħaqdu ma’ Marija hija u tfaħħar il‑kobor tal‑Mulej, bil‑kantiku li nafuh bħala Il‑Kantiku ta’ Marija jew il‑Magnificat: “ruħi tfaħħar il‑kobor tal‑Mulej u l‑ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is‑Salvatur tiegħi.”

Nimmaġinaw lill‑Marija li f’dan it‑titlu li bih tfaħħar lill‑Mulej, qiegħda tobdi wkoll il‑kmand tal‑Anġlu Gabrijel “inti jkollok iben u ssemmih Ġesù, Alla jsalva, Alla Salvatur”. Mhux ta’ b’xejn qalet li “l‑ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s‑Salvatur tiegħi.” It‑tarbija li kellha fil‑ġuf f’dak il‑mument, hekk kien jisimha, Alla Salvatur, Yeshua, Ġesù.

Faħħret lill‑Mulej il‑Madonna għax xeħet għajnejh fuq iċ‑ċokon tal‑qaddejja tiegħu imma għarfet li minn issa ’l quddiem, kull nisel isejħilha hienja u l‑hena tal‑Madonna hija l‑umiltà tagħha, u l‑kobor tagħha huwa frott l‑intervent tal‑ħniena tal‑Mulej. L‑istess qawwa li biha l‑Mulej lilna jeħlisna mid‑dnub, lilha ħarisha minn kull tebgħa ta’ dnub.
F’din is‑sena tal‑Ġublew tal‑Ħniena, f’dan is‑santwarju nazzjonali u għażiż, li huwa wkoll magħżul mill‑Isqof ta’ Għawdex, ir‑ragħaj ta’ din id‑djoċesi għażiża, ħija Mario, bħala Bieb tal‑Ħniena, f’dan is‑santwarju, bir‑raġun aħna l‑Maltin u l‑Għawdxin illum intennu ma’ Marija, il‑ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien.

Għaliex aħna u nikkontemplaw lill‑Madonna, titlob flimkien mad‑dixxipli tal‑Mulej, mal‑appostli, nafu li hi hija omm li t‑talb tagħha huwa qawwi ħafna quddiem Alla, bħat‑talb ta’ kull omm għal uliedha; aħna li sirna uliedha taħt is‑salib meta binha Ġesù afdana fi ħsiebha u lilha afdaha wkoll fi ħsiebna, aħna nħossu l‑interċessjoni tagħha.
Ir‑rakkont tal‑Evanġelju skont San Ġwann, illum ifakkarna fil‑qawwa tal‑interċessjoni tal‑Madonna hi li ndunat li l‑għarejjes ta’ Kana ma kienx għad baqgħalhom inbid. Tfakkar lil binha, u Ġesù jobdiha, għalkemm is‑siegħa tieghu kienet għadha ma waslitx u l‑kmand tagħha, lill‑qaddejja, huwa kmand ukoll lilna l‑qaddejja tal‑Mulej, “agħmlu kull ma jgħidilkom hu.”

Il‑Mulej iġiegħel lill‑qaddejja jimlew ġarar kbar li kienu jintużaw għar‑rit tal‑purifikazzjoni tal‑Lhud u l‑kmand tieghu hu li dawn il‑ġarar kbar, sitta, li kull waħda minnhom kienet tesa’ xi 100 jew 120 litru, jimlewhom bl‑ilma. Il‑Papa Franġisku jisħaq f’waħda mill‑katekeżi li għamel bi preparazzjoni għas‑Sinodu tal‑Familja, li l‑ammont ta’ ilma li Ġesù ordna, li allura jiġu madwar 720 litru, huwa sinjal ta’ abbundanza, sinjal ta’ ġenerożità. Dan l‑ilma, li huwa ilma fqir għax għall‑purifikazzjoni biex isir il‑ħasil ir‑riġlejn b’mod speċjali, isir inbid mill‑iżjed fin, imma l‑Papa Franġisku jridna nimmeditaw bil‑ferħ kbir ta’ qalbna kemm hu ġeneruż magħna Alla.

Forsi ma kellhomx bżonn 720 litru ta’ nbid dawn l‑għarejjes, xi erba’ damiġġjani kien isalvahom minn sitwazzjoni skabruża, imma il‑Mulej iħares lejn iċ‑ċokon tagħhom u lejn il‑faqar tagħhom u jroddilhom bil‑ħafna iżjed.

Ilum u nfakkru lilna nfusna li l‑ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien, irridu nfakkru f’din l‑abbundanza ta’ ħniena, irridu naħsbu kemm hi ħafna ikbar il‑ħniena tiegħu mid‑dnub tagħna u mid‑dgħufija tagħna. Il‑ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. X’biża’ hu dan li ssemmi Sidtna Marija? Hi kienet irċeviet il‑kmand ħelu tal‑Anġlu Gabriel “la tibżax, la tibżax Marija”, hi li laqgħet din l‑istedina li ma tibżgħax mill‑proposta tal‑Mulej, xorta tgħid li l‑ħniena ta’ Alla tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Mhuwiex il‑biża’ tat‑terrur tal‑kastig, mhuwiex il‑biża ta’ qaddej għal tirann sidu, imma l‑biża li lili jipperswadini li l‑Kelma tal‑Mulej hija aqwa minn kull kelma oħra li tista’ tvenven ma’ widnejja. Jekk jiena lill‑Mulej ngħidlu “inti taf kemm jien dgħajjef imma għinni nobdik”, jekk jiena lill‑Mulej ngħidlu “jiena dgħajjef biex nobdik, għinni biex nobdik”, jiena għandi l‑biża’ tiegħu għax qed nagħraf li hu s‑sid ta’ ħajti, li l‑kelma tiegħu hi l‑Kelma tal‑Ħajja, li ibnu huwa t‑triq, il‑verità u l‑ħajja.

Il‑biża’ tal‑Mulej huwa l‑għajn tal‑għerf, il‑bidu ta’ kull għerf, il‑biża’ tal‑Mulej huwa don tal‑Ispirtu s‑Santu. Il‑ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu, fuq dawk li fuq it‑tron ta’ qalbhom ipoġġu lilu u mhux l‑idoli ta’ din id‑dinja, għax hu wera l‑qawwa ta’ driegħu u juri l‑qawwa ta’ driegħu sewwasew fejn hemm id‑dgħajjef. Hu juri l‑qawwa ta’ driegħu billi juri ħniena magħna. Fil‑fatt, l‑attribut l‑iżjed għoli kif jgħallimna l‑Papa Franġisku tal‑Mulej, hija l‑ħniena tiegħu. Bil‑ħniena tiegħu l‑Mulej juri s‑setgħa tiegħu, dik li jibdel il‑kors tal‑istorja ta’ kull wieħed u waħda minna, dik li jagħtina bil‑qawwa tiegħu, fil‑ħniena tiegħu, bidu ġdid. Aħna wkoll imsejħin biex nipparteċipaw minn din il‑qawwa ta’ Alla billi nuru ħniena ma’ xulxin. Meta aħna nħennu għal xulxin, nagħdru lil xulxin, naħfru lil xulxin, aħna nkunu tassew ulied il‑missier li hu fis‑smewwiet. Aħna nieħdu ftit mill‑qalb tiegħu; il‑qalb tagħna ssir tixbah lil tiegħu, aħna wkoll nibnu futur isbaħ lil xulxin, aħna wkoll nipparteċipaw fis‑setgħa tal‑Mulej.

Il‑Madonna ta’ Pinu nisslet kelma, il‑leħen ħelu tagħha stedinna biex nersqu lejha: “ejja”. Din hija stedina biex nimxu warajha u nsegwu lil binha Ġesù. Se tgħaddina wkoll mit‑tieġ ta’ Kana tal‑Galilija imma minnha wkoll tgħaddina fit‑toroq ta’ Kafarnaum sal‑għolja tal‑Golgota.

Il‑Madonna sseħibna u tgħidilna ‘ejja’ anke fit‑toroq tas‑slaleb tagħna. Qiegħda magħna, imma ssejħilna wkoll biex ħarsitna tissammar fiha, glorjuża, fil‑misteru tat‑tlugħ tagħha fis‑sema.

Il‑privileġġ li kien taha lil ommu, li hi dduq il‑glorja tal‑qawmien mill‑imwiet, hu għalina l‑ikbar ħniena. Sidtna Marija mtellgħa s‑sema hija konferma għalina, li dak li l‑Mulej għamel f’ibnu u fl‑irxoxt tiegħu, hu kapaċi jagħmlu magħna, u se jagħmlu ma’ kull wieħed u waħda minna; beda minn ommu biex aħna nindunaw li din hija opra tal‑ħniena, opra ta’ mħabba, u li aħna wkoll se jkollna sehem minn din il‑glorja, bil‑ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien.

Jalla l‑ħniena tal‑Mulej permezz tal‑indiema tagħna, permezz tal‑wasla tagħna għas‑Sagrament tal‑Qrar, permezz tal‑opri tal‑ħniena li aħna nużaw ma’ xulxin, jalla din il‑ħniena wkoll tinfirex fi żmienna biex hekk tassew il‑ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.