L-Erbgħa 29 ta’ Ġunju 2016: Festa ta’ San Pietru u San Pawl, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra l-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ tmien saċerdoti ġodda, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
Is-saċerdoti l-ġodda huma:
Patri Allister Marija Aquilina tal‑Ordni tal‑Minuri Konventwali,
Patri Robert Falzon, Salesjan ta’ Don Bosco,
Dun Sergio Fenech mill‑Parroċċa ta’ San Sebastjan Martri, Ħal Qormi,
Dun Mark Mallia Pawley mill‑Parroċċa ta’ San Sebastjan Martri, Ħal Qormi,
Dun Claude Mifsud mill‑Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s‑Sema, il‑Mosta,
Dun James Saydon mill‑Parroċċa ta’ Marija Bambina, in‑Naxxar,
Dun Andrew Schembri mill‑Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi, u
Dun Gilbert Scicluna mill‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, il‑Kalkara.
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
Għeżież Djakni, jiena nixtieqkom li f’dan il-jum Solenni, ikollkom il-persważjoni li bħalma ġara meta Pietru kien mitfugħ fil-ħabs, il-Knisja kienet qiegħda titlob għalih ħerqana. Illum il-Knisja tifraħ bikom, u magħkom u għalikom titlob lil Alla b’mod ħerqan.
Intom se tiġu ordnati saċerdoti, presbiteri, bit-talba tal-Knisja u bit-tqegħid tal-idejn tal-Isqof, is-suċċessur tal-appostli. Il-providenza għażlitilkom dan il-jum solenni li fih niċċelebraw ix-xhieda u l-martirju ta’ żewġ kolonni tal-Knisja: Pietru u Pawlu. Għalina dawn iż-żewġ appostli nħossuhom ħafna qrib. Pawlu, il-missier li nissilna fil-fidi, u Pietru, il-pedament tal-fidi tagħna.
L-Ispirtu Qaddis jagħtikom poter u qawwa spiritwali li tkunu fid-dinja
“Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” (Mt 16, 38). Il-qawwa tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej se tnissel f’ruħkom karattru li ma jitħassar qatt u li jagħtikon poter u qawwa spiritwali li tkunu fid-dinja mhux biss xandara tal-Evanġelju, imma wkoll dawk li twasslu l-ħelsien ta’ Ġesù Kristu. “Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16, 19).
Intom imsejħin biex taħdmu fuq l-art. Tinsew qatt li mit-trab tal-art kontu magħmulha u terġgħu tirritornaw għat-trab tal-art għax intom bnedmin tad-demm u l-laħam, imżejnin b’talenti kbar li l-Knisja llum tirrikonoxxi u tilqa’ b’rigal sabiħ minn Alla. Imma intom għandkom ukoll id-dgħufija ta’ kull wieħed u waħda minna. Intom se taħdmu fuq l-art. It-talba tal-Knisja llum hi li dak li taħdmu fuq l-art, intom u tmiddu jdejkom fuq il-moħriet mingħajr ma tħarsu lura, ikun ukoll ikkonfermat u maħdum fis-sema.
Intom imsejħa biex twasslu l-kelma tal-ħelsien li hija l-kelma tal-ħniena
Din hi l-qawwa li se tingħatalkom. Intom se jkollkom f’idejkom il-frott tal-art u xogħol il-bniedem, u bil-kelma li tnisslu intom u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-ħobż u l-inbid, frott tal-art u xogħol il-bniedem, isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Intom tilqgħu l-art, intom li ġejtu mill-art, u dak li tagħmlu f’isem Kristu jiġi kkonfermat fis-sema. Intom imsejħa biex twasslu l-kelma tal-ħelsien li hija l-kelma tal-ħniena. Għall-kelma tagħkom bħala presbiteri, bħala saċerdoti tal-Knisja, ix-xitan jintrabat, jitlef il-qawwa tiegħu, u min hu mxekkel bil-ktajjen tal-ħażen, jinħallulu l-ktajjen tiegħu u dak li tagħmlu intom fil-faqar tal-ministeru tagħkom, ikun ikkonfermat fis-sema.
Min jaf kemm-il darba, dak li se tagħmlu lil ħaddieħor fil-qrar se jkollkom bżonn tgħaddu minnu intom ukoll. Tinsew qatt li aħna lkoll midinbin, li l-merti tagħna huma frugħa quddiem il-ħniena t’Alla u li l-qdusija tas-saċerdozju hija waħda mill-ikbar għeġubijiet, mhux tal-bravura tagħna imma tal-ħniena tal-Mulej.
Itolbu d-don kbir tal-umiltà, tal-paċenzja, tal-ubbidjenza
Intom għad tgħidu ħafna drabi fil-ministeru tagħkom dak li tenna Pawlu hu u jikteb lil Timotju: “Il-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha” (2Tim 4, 17). Intom se tagħmlu wkoll l-esperjenza tal-ħniena ta’ Alla li teħliskom “minn ħalq l-iljun”, minn ħalq l-iljun li jisseduċikom bil-karririżmu, bl-għira u bis-suppervja. Itolbu d-don kbir tal-umiltà, tal-paċenzja, tal-ubbidjenza biex tkunu meħlusa minn ħalq l-iljun. Għax il-Mulej, bħalma ħeles lil Pawlu, jeħles lilkom ukoll minn kull deni sa ma taslu fis-Saltna tiegħu tas-sema.
Fl-Ewwel Qari (Atti 12, 1-11) illum, il-Knisja ftakret mhux biss fl-interċessjoni tagħha waqt li Pietru kien fil-ħabs, imma wkoll ftakret li l-Mulej sema’ t-talb tagħa u ħeles lil Pietru mill-ħabs kiefer ta’ Erodi. L-anġlu lil Pietru jgħidlu: “Qum malajr, tħażżem u ilbes il-qorq, dawwar il-mantar miegħek u ejja warajja” (ara Atti 12, 7-8). Illum, il-Mulej itenni dan il-kliem lilkom. Qumu malajr, tibżgħux mill-ħalel tal-baħar, tibżgħux mill-persekuturi, tibżgħux minn min jobgħod l-Evanġelju tal-Mulej. Qumu malajr għax hemm urġenza, hemm ħerqa fil-poplu t’Alla, għall-ministeru qaddis tagħkom. Tħazzmu u ilbsu l-qorq bħal wieħed li ħiereġ minn daru wara lejl ta’ mistrieħ biex jibda ġurnata xogħol. Qisu li jkollkom ukoll iċ-ċans tinżgħu l-qorq u sserħu riġlejkom. Tagħmluhiex ta’ heroes inutilment ħalli ngawdukom għal ħafna snin. Trid ħafna umiltà biex tistrieħ, imma jiena rridkom umli u mhux qed ngħidilkom għażżenin, umli!
“Ejja Warajja”
“Dawwar il-mantar tiegħek u ejja warajja”. Presbiteri li għażiltu intom illum se jlibbsukom bil-pjaneta li hija l-mantar tas-saċerdozju, se jlibbsukom bil-ġieħ tal-Knisja. Bħalma tlibbistu bil-libsa tal-Magħmudija li hija sinifikata mill-alba li tilbsu, dik il-libsa bajda, hekk illum titħażżmu għall-ewwel darba u ddawru l-mantar tal-pjaneta fuq spallejkom. Imma magħha hemm stedina: “ejja warajja”. Imma min qed jgħidilkom hekk huwa Ġesù jġorr is-salib. Ġesù jġorr is-salib b’ubbidjenza lejn il-Missier, imma biċ-ċerteżża tal-qawmien. Ġesù li ma jibżax jieħu l-kalċi morr għaliex jaf li jrid jitgħammed bil-Magħmudija tat-tbatija, imma li jasal ukoll Sibt il-Glorja, kif jasal għalikom.
Tibżgħux tagħtu ħajjitkom għal Ġesù u l-Knisja
“Issa naf tassew li l-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni” (Atti 12, 11). Jalla intom ikollkom din il-grazzja li ħafna drabi f’ħajjitkom bħala saċerdoti tirrealizzaw kemm il-Mulej iħobbkom u kemm irid jeħliskom, mhux biss billi jħenn għalikom imma billi jagħmel li ma tibżgħux quddiem il-għawġ tad-dinja għax bħalma jgħid is-Salm 34, “Jiena fittixt il-Mulej u weġibni, minn kull biża’ tiegħi ħelisni”.
Mela kuraġġ, l-appostli Pietru u Pawlu jkunu xempju, eżempju u mera għalikom, Tħeġġu bis-sens kbir ta’ appostolat, tibżgħux tagħtu ħajjitkom għal Ġesù u l-Knisja tiegħu u jalla l-Mulej jimla l-qalb tagħkom b’ħafna paċi u b’ħafna ferħ.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta