Il-Kelma taċ-Champions

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Naħseb li bħali tgħaxxaqtu taraw il-logħba kbira li saret fl-Istadium San Siro f’Milan, nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju, jiġifieri l-finali taċ-Champions League bejn ir-rivali eterni Real Madrid u Atlético Madrid. Personalment spiċċajt bla kliem meta rajt l-Istadium, li jesa’ mas-71,500 spettatur, mimli daqs bajda għal din il-logħba li kull team tal-football għad joħlom li jilgħab.

Iż-żewġ formazzjonijiet kienu mħejjija sa’ snienhom għall-partitissma. It-tnejn li huma ma kellhomx x’jitilfu. Wara kollox La Liga kien issa mar għal darb’oħra għand il-Katalani, il-Barcellona. Kien il-penalty li xxutja l-leġġendarju Cristiano Ronaldo, wara li l-player ta’ Atlético Juanfran laqat in-naħa tal-lemin, li ta lil Blancos (Il-Bojod) l-aqwa titlu li jista’ joffri l-football Ewropew fuq livell ta’ club. Dan kien il-ħdax-il trijonf tagħhom f’din il-kompetizzjoni.

Imbagħad, hekk kif il-players tar-Real Madrid ġew ippremjati bit-tazza taċ-Champions, instema’ jidwi mal-erbat irjieħ ta’ San Siro l-innu uffiċċjali tal-Blancos li għandu bħala titlu Hala Madrid y Nada Más li t-traduzzjoni għaliha bil-Malti hi “Hala Madrid u xejn iżjed”. Meta inżilt fil-kliem ta’ dan l-innu bqajt affaxxinat b’dak li qrajt.

Il-folla mitlufa f’dagħdieha ta’ ferħ tal-Blancos kantat minn qiegħ qalbha hekk kif it-team ġie ippremjat b’dan it-trofew prestiġġjuż: “L-istorja int għamilt, l-istorja għad isseħħ, l-għaliex ħadd ma jista’ jieqaf kontra r-rieda tiegħek li tirbaħ! Il-kwiekeb qiegħdin jixirfu għażiż Chamartín (jiġifieri kif kien imsejjaħ l-Istadium tas-Santiago Bernabéu minħabba li kien fid-Distrett ta’ Madrid imsejjaħ Chamartín). Mill-bogħod u mill-viċin int tiġborna ilkoll hawn! Nilbes il-flok tiegħi, issikkat, ma’ qalbi! Il-jiem li tilgħab huma dak kollu li jien! ‘Il-Vleġġa’ (jew aħjar “la saeta rubia”, il-laqam li l-ġurnalisti kienu taw lill-leġġendarju Arġentin Alfredo DiStefano) qiegħed jiġri! Il-Madrid tiegħi qed jattakka! Jiena taqbida! Jiena sbuħija. L-għajta li tgħallimt: Madrid! Madrid! Madrid! Hala Madrid! (Għalihom Madrid!) U xejn iżjed! U xejn iżjed! Hala Madrid!”

Iqabbdek il-bard hux! Almenu hekk ġrali jien meta smajtu u kull darba li nisimgħu jitkanta dan l-innu. U, bdejt ngħid bejni u bejn ruħi: “Miskin min se jazzarda jilgħab kontra r-Real Madrid!” Kollox juri l-qawwa ta’ dan it-team rejali ta’ Madrid. Dik il-qawwa fil-kelma real li ta lil Club is-Sultan Alfonso XIII fl-1920 kif imfissra tant tajjeb fil-kuruna rjali fl-emblema ta’ dan it-team kbir.

Issa jekk qed nagħmlu dan l-istorbju kollu għal tazza li, prestiġjuża kemm hi prestiġjuża, xorta waħda r-Real iridu jilgħabu għaliha inkella t-titlu jaħarbilhom minn idejhom kemm irridu nitħabtu aħna ħbieb għall-ħajja ta’dejjem? Dik il-ħajja li ma tispiċċa qatt? Għalhekk il-Mulej tana l-Kelma tal-Ħajja ta’ dejjem. Il-Bibbja! Din hija tassew il-Kelma taċ-Champions!

Fi kliem Ġesù nara kemm din il-Kelma hija fil-verità l-Kelma taċ-Champions. Fil-fatt, meta Ġesù sfida lit-tnax u qalilhom: “Tridux titilqu intom ukoll?” (Ġw 6:67) Xmun Pietru fil-pront wieġbu: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla” (Ġw 6:68-6:69). Għax il-Kelma ta’ Alla hija bħall-Innu tar-Real Madrid: għamlet u għad tagħmel l-istorja, ħadd ma jista’ jieqaf kontra tagħha, għaliha l-kwiekeb jixirfu, tiġborna flimkien mill-bogħod u mill-viċin, tinsab marsusa ma’ qalbna, tattakka l-avversarju (lix-xitan u l-ħażen), hija sbuħija.

Mela bir-raġun ngħajjat: Kelma ta’ Alla! Kelma ta’ Alla! Kelma ta’ Alla! U xejn iżjed! Hala! Kelma ta’ Alla!

Nissielet biex ngħixha! Għax biha għad nirbaħ l-aqwa League possibbli: is-salvazzjoni ta’ ruħi! Il-Kelma ta’ Alla! Il-Kelma ta’ dawk li issa qiegħdin fil-ġenna għal dejjem! Il-Kelma taċ-Champions!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading