L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa mal-gradwati l-ġodda tal-Kulleġġ De La Salle fil-Birgu


It‑Tnejn 4 ta’ Lulju 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl‑okkażjoni tal‑gradwazzjoni tal‑istudenti tas‑6th Form tal‑Kulleġġ De La Salle, il‑Birgu. L-Arċisqof kellu l-opportunita’ li jiltaqa’ mal-istudenti filwaqt li ppreżenta l-premjijiet lill-gradwati l-ġodda tal-Kulleġġ.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
De La Salle College, il-Birgu

Nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom għal dan il-mument tas-serata ta’ din il-lejla għalkemm għadha ma niżlitx ix-xemx, għax dan huwa mument ta’ ringrazzjament. Ħafna minnkom ilkom hawn ħafna snin f’din l-iskola – qed nitkellem għall-ġuvintur, ix-xebbiet qed jispiċċaw is-sentejn tas-6th Form. Hawn ukoll ħafna ġenituri, ħafna ħbieb li segwewkom, kemm f’dawn is-sentejn tas-6th Form kif ukoll fil-mixja tagħkom edukattiva fil-familja De la Salle.

Ilqajna hawnhekk biex nibdew din is-serata billi ngħidu grazzi lil Alla bl-Ewkaristija li l-kelma tfisser minna nfisha ‘ringrazzjament’, anke bil-Grieg modern, meta trid tgħid ‘thank you’ tgħid ‘ewkaristo’. L-Ewkaristija hija ringrazzjament lil Alla anke għaliex il-kelma li ngħidu fuq il-ħobz u inbid hija kelma wkoll ta’ barka lil Alla u ta’ ringrazzjament tad-doni tiegħi. Dan għax aħna nilqgħu minn għand Alla l-frott ta’ l-art, u Hu jittrassformah fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnu.

Jiena d-domanda li nixtieq nagħmel lilkom iż-żgħażagħ hija domanda sempliċi. Għaddejtu minn esperjenza fi skola Kattolika. Intom illum se tħallu l-fidi tagħkom hawn u titilqu minn hawn atei prattiċi? Din l-aħħar quddiesa li se tisma’ qabel tiżżewweġ, jekk tiżżewweġ bil-Knisja? Din l-aħħar Ewkaristija li ddeċidejt li tattendi għaliha għax hija parti minn serata, għax inti, bħal meta tmur cruise u kollox ikun ipprogrammat? Id-domanda nagħmilhielek mhux għax nixtieq nimponi xi stil ta’ ħajja fuqek, nagħmilhielek għaliex tinteressani r-risposta libera tiegħek u qed nagħmilhielek quddiem il-ġenituri, għax il-ġenituri ormaj nispera li għajjew jippruvaw jipperswadukom.

Intom adulti biżżejjed biex tieħdu d-deċiżjonijiet tagħkom, imma xi kwalita’ ta’ deċiżjoni se tieħu wara li għamilt snin jew almenu fl-istess grupp ta’ esperjenza ta’ edukazzjoni fi skola tal-Knisja? Sirtu iżjed anti-klerikali milli kontu qabel għax kieku ngħid allura li hija falliment. Bil-fidi tiegħek fejn qiegħed? Tgħid li ma jinterassanix, allura nifhem li l-istilla tal-fidi ta’ De la Salle għalik ormaj ma tfisser xejn ħlief badge tal-iskola u li se tkun fuq iċ-ċertifikat li se jagħtuk illum. Tista’ tgħidli: ‘imma ifhimni, Father, il-kwistjoni li jiena għaddejt minn skola tal-Knisja ma jfisser xejn ħlief li nispera li jiena persuna aħjar’. Jiena nawgura li inti persuna aħjar għax kien hemm fl-aħħar tal-Evanġelju: “għalik intqal mhumiex kategorija ta’ nies li tiddisprezzahom imma li tgħinhom”.

Intom tistgħu tqisukom bħala grupp ta’ nies pivileġġati u din il-kelma tweġġagħni għax l-iskejjel tal-Knisja m’għandhomx ikunu għall-privileġġjati. Huwa privileġġ tal-komunità li toffri l-edukazzjoni, imma aħna m’aħniex hawn biex noħolqu elite li jkasbar il-fqir. Allura kieku jiena nagħlaq l-iskejjel, għax minflok ma nkun qed neduka l-qalb, jkun biss li kkrejajt mostri bla qalb. Dan il-kliem qed ngħidu biex ngħabbikom bir-responsabbiltà. L-edukazzjoni Kattolika trid tkun edukazzjoni mhux biss biex titgħallem tisma’ l-quddiesa u tapprezzaha, imma qabel xejn tirrispetta lilek inifsek u l-proxxmu. Jekk student li għadda minn De la Salle huwa razzist u jiddisprezza lil min mhux bħalu, De La Salle ma sewa xejn għalih. Jekk inti m’intix kapaċi tgħid li l-vokazzjoni tiegħek trid tkun ta’ servizz, De la Salle kien ħela ta’ ħin u flus li taw il-ġenituri tiegħek li sostnew din l-iskola, ma kienx investiment tajjeb.

Qed ngħid hekk mhux biex inkun negattiv, imma biex ngħabbikom bir-responsabbiltà. Fl-istess ħin jiena nifraħ magħkom ta’ dak kollu li qegħdin toħolmu bih u tippjanaw għall-futur. Nimmaġina li diġa qed tistennew b’ħerqa r-riżultati tal-eżamijiet, nawguralkom li tiddeverti ftit u tistrieħu sakemm jaslu r-riżultati, u li ma taqgħux f’depression meta tiftħu r-riżultati li tirċievu, nittamaw li kollox imur sew. Inutli tixgħel ix-xemgħat lil Sant Antin ta’ Padova u li San Giovanni Battista De La Salle għax issa li hemm hemm. Imma nawguralkom li, ir-riżultati jkunu tajbin u d-deċiżjonijiet li tagħmlu għall-futur tagħkom tagħmluhom b’responsabbiltà kbira, mhux biss li tuża’ t-talenti tiegħek tajjeb, imma li tagħżel li tkun ta’ servizz għas-soċjetà. Huwa dan il-privileġġ li tkun Nisrani: li tkun ta’ servizz għas-soċjetà, imbagħad il-Mulej ibierkek bl-għana, bil-ġid ħa tgawdi int u l-familja tiegħek u għamel minn kollox biex tgħin lil min hu inqas privileġġat.

Jien nixtieq nirringrazzja lill-Brothers ta’ De La Salle tad-dedikazzjoni tagħkom, intom ormaj an endangered species, anke għaliex vokazzjonijiet għal De La Salle ma tantx qed nara jien fuq ix-xefaq, biex ma ngħidtx fuq l-orizzont, imma fuq ix-xefaq. Imma jiena nawgura li jkollkom gruppi ta’ lajċi bħall-Brothers mill-Colombia li hawn magħna. Jiena nawgura li gruppi ta’ lajċi jiġu entużjażmati bl-eżempju u anke bix-xogħol li qegħdin tagħmlu, nawgura biex din l-opra tkompli.

Lill-istudenti nixtieq nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom illejla u nawgura wkoll li meta nerġgħu niltaqgħu forsi fil-graduation tal-Università, minn hawn u ftit snin oħra, tkompli din il-karriera, dan il-proċess ta’ suċċess li ġabkom illejla hawnhekk.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.