Il-Madonna hija qrib tagħna bħalma kienet qrib Sidna Ġesù


L‑Erbgħa 6 ta’ Lulju 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil‑festa tal‑Madonna tal‑Karmnu, fl‑Isptar Monte Carmeli, Ħ’Attard.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Sptar Monte Carmeli, Ħ’Attard

Flimkien ma’ pellegrini oħra kelli x-xorti mmur l-Art Imqaddsa. Ħadt miegħi lill-mama u ż-żewġ ħuti u kien hemm ukoll ir-raġel t’oħti u morna diversi postijiet sbieħ fosthom żorna żewġ għoljiet li ssemmew fil-Qari tal-lum.

L-Ewwel Qari (1 Slat 18, 42-45) ħadna fi żmien il-profeta Elija meta tela’ fuq il-quċċatta tal-Karmel. Din mhix muntanja waħda imma ħafna muntanji, katina ta’ muntanji li t-tmiem tagħhom għandu veduta mill-isbaħ fuq il-Baħar Mediterran. Fil-quċċata ta’ din l-għolja llum hemm knisja sabiħa ħafna, iddedikata lill-Madonna Stella Maris, kewkba tal-baħar, għax il-knisja ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu, tħares propju fuq il-Baħar Mediterran, mill-għoli ħafna. Hemm ukoll l-għar fejn it-tradizzjoni tgħid li kien il-post fejn il-profeta Elija kien jitlob. U għalhekk it-tradizzjoni qawwija tal-Mount Carmel, il-‘Monte Carmelo’, jew ‘l-Għolja’ jew ‘il-muntanja tal-Karmelu’ li hija marbuta mal-profeta Elija u ma diversi eremiti jew rħieb. Almenu elf sena ilu żgur kienu reġgħu bdew jgħammru fuq dawn il-muntanji sbieħ, kollha mimlija siġar. Propju xena meraviljuża u li tqarrbek lejn Alla.

Aħna llum qegħdin inħarsu lejn il-Madonna bħala dik li timlina bil-ferħ tal-preżenza tagħha hi u twasslilna lil Binha Ġesù. Fil-Qari li smajna mill-Ktieb tas-Slaten, Elija jmur fuq il-quċċata tal-muntanja jew tal-għolja Karmel biex jara jekk hux se tiġi x-xita wara snin ta’ nixfa. U l-Mulej ħenn għall-poplu tiegħu u bagħat xita kbira. Il-qaddej tiegħu beda jara sħaba żgħira tiela mill-Mediterran u sakemm waslet fuq Israel kienet xita kbira.

Fil-Qari tal-lum issemmiet għolja oħra. Fl-Evanġelju (Ġw 19, 25-27) smajna li l-Madonna kienet wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù fuq l-għolja tal-Kalvarju. Illum l-għolja tal-Kalvarju hija parti minn knisja kbira li tfakkar ukoll il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet, għaliex l-għolja fejn issallab Ġesù u l-qabar fejn indifen ma kinux il-bogħod min xulxin, anzi kienu qrib li propju huma fi knisja kbira saret parti mill-kumpless.

Il-Madonna hi u turina s-sbuħija tal-Karmelu ma tinsiex ukoll tieqaf magħna fuq il-għolja tal-Kalvarju. U meta nħossuna iżjed bħal Ġesù msallab mgħobbijin bit-toqol tal-ħajja, forsi bl-ansjetà jew bi ftit dipressjoni, ma ninsewx li l-Madonna hija qrib tagħna bħalma kienet qrib Sidna Ġesù. Aħna u nagħmlulha festa bit-titlu sabiħ tal-Madonna tal-Karmelu, l-isem ta’ din il-muntanja sabiħa, ma ninsewx li hi wkoll il-Madonna tal-Kalvarju. Hija l-Madonna tal-Karmelu imma hija wkoll il-Madonna tal-Kalvarju. Kienet hemm.

Il-Madonna tal-Karmnu tfakkarna fis-sbuħija tal-Mediterran li aħna tant ngħożżu, tat-talb ta’ profeti kbar bħal Elija u l-Karmelitani li tnisslu minn dik l-esperjenza ta’ talb. Il-Madonna tal-Kalvarju hija ħdejna meta nkunu għaddejjin minn tbatija kbira. Noffrulha t-talb tagħna li twennsu bil-ħarsa tagħha filwaqt li nirringrazzjaw lil kull min jieħu ħsiebna u nitolbu ħafna għalihom ukoll biex il-Mulej iżejjinhom bil-paċenzja, bi spirtu ta’ vokazzjoni, bi spirtu ta’ qadi u bi spirtu ta’ karità vera.

F’din is-Sena tal-Ħniena huwa privileġġ għalija li nkun f’dan il-post, fejn Ġesù ħafna drabi jkun fuq l-għolja tal-Kalvarju iżjed milli l-għolja tal-Karmelu. Nixtieq nirringrazzja lil kull min, mhux biss minħabba x-xogħol tiegħu imma anke bil-karità tiegħu, bil-mod kif jaħdem, bil-mod kif iħaddem il-professjoni tiegħu, mhux biss id-diliġenza, il-professjonisti, imma anke l-istaff tekninku kollu u anċillari, bil-mod kif intom tħaddmu l-iskills tagħkom, turu vera karità Nisranija. Jiena nirringrazzja lil kull minn din is-sena ħadem biex din il-ġurnata tkun memorabbli għal kulħadd b’mod speċjali għar-residenti għeżież tagħna. Ejjew nitolbu t-talba li għallmitna l-Knisja: Sliem għalik Marija.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.