Raġġ ta’ dawl

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Jum minnhom, eżattament kien il-Ħadd, fi tmiem il-ġimgħa, fettilli ninżel ftit sal-Marsa. Mill-kunvent tagħna t’Għajn Dwieli.

Imxejt. Tlabt. Sellimt. Tkellimt. Insomma. Is-soltu storja ta’ mixja pjuttost fit-tul u sabiħa. U wara ħafna minuti wasalt fil-post. Fil-Marsa. Fil-korsa taż-żwiemel. Dħalt, bħalma soltu nagħmel, u bdejt inkellem lil xi nies. U rajt xi tiġrijiet ukoll. Sakemm f’mument minnhom, minħabba li kienet ix-xitwa, fettilli nħares sewwa lejn xena sabiħa. Ix-xena tax-xemx nieżla.

Ix-xena saħħrittni. L-għaliex, minkejja s-swiedija li bdiet tinġama fis-sema, bdejt nilmaħ ix-xemx nieżla. Nieżla, nieżla, lejn ir-raqda tagħha. “Kos hux!” għedt lil wieħed dilettant bħali tat-tiġrijiet taż-żwiemel. “Ara ftit kemm hi sabiħa! Avolja għandha daqshekk sħab iswed miġmugħ magħha. Xorta waħda ma nrexxielux jgħatti r-raġġi qawwija tagħha”.

Għax tassew! Ġmiel tal-ġmiel! Il-qawwa tad-dawl! Kemm hi kbira! Setgħana! Li timlik u timlini bit-tama. Mela mhux ta’ b’xejn li l-ewwel ħaġa li ħalaq il-Mulej kien id-dawl! Id-dawl juri l-verità! Dak li hu! U, sa mill-ewwel paġni tal-Bibbja, il-Mulej apposta firdu mid-dlam. Mill-qawwa ta’ dak li m’humiex. Id-dawl iġib l-ordni. Fih naraw fejn għandna nimxu. Id-dawl iġegħlna napprezzaw dak li hemm madwarna. Jgħinna nifirħu. Nagħmlu kuraġġ. F’kelma waħda, nieħdu r-ruħ!

Imma d-dlam le! Ifixiklna. Iħarbatna. Jiftagħna fejn m’għandniex immorru. Fid-dlam mhux talli ma mmorrux ‘il quddiem talli nirriskjaw li nweġġgħu. U forsi immutu. Id-dawl norbtuh mal-għerf. L-għaqal. “Isma’ minni sieħbi! Ħallini niftaħlek għajnejk”. Jiġfieri, “ħallini nurik il-verità. Is-sewwa!” L-għaliex ma naf bl-ebda għajnejn, almenu ta’ bniedem, li ġew maħluqa biex jgħixu fid-dlam. Fid-dalma tad-dlamijiet. L-għajnejn ġew maħluqa biex jgħixu fid-dawl. Jaħdmu fid-dawl. U jagħtu s-servizz mistħoqq lill-ġisem permezz tad-dawl.

Id-dawl! Il-gwida! Li ma tiġix mix-xejn ħbieb. Iżda tiġi minn ħajja mimlija esperjenza. Mill-iżbalji li ilkoll nagħmlu ta’ bnedmin. Imma, u hawn hu tassew importanti, id-dawl jiġi wkoll mid-deċiżjoni li int u jien nagħmlu biex ninfetħu għat-tagħlim. Għat-titjib f’ħajjitna. L-għaliex x’inhi ħajti u ħajtek mingħajr il-progress? Speċjalment dak tar-ruħ?

Id-dawl, bħal xemgħa fir-riħ, irridu wkoll inħarsuh. Inkella malajr jgħib. Bħalma jgħib jum sabiħ u l-għada jkollna tempesta iddoqq l-iskotti. Id-dawl inħarsuh kull darba li nsibu ftit ħin fejn nirriflettu ftit fuq ħajjitna. Dak il-ħin fejn inkunu waħedna mal-Ħallieq. Il-ħin ta’ qabel norqdu. Ta’ meta npoġġu rasna fuq l-imħadda. Qabel nagħlqu għajnejna għal dik in-nagħsa ħelwa.

Id-dawl insibuh meta mmorru nimxu għall-kwiet. Fil-kampanja. Inkella, f’dan iż-żmien tassew sabiħ tas-sajf, insibuh meta noqgħodu bilqiegħda quddiem il-baħar. Nosservaw is-sbuħija tiegħu. U, imsaħħra mill-imwieġ sbieħ tiegħu, nidħlu f’meditazzjoni mill-isbaħ ta’ x’hemm lil hinn minnu.

Id-dawl tista’ tagħtiehuli int. Meta tgħidli kelma waħda. Li ma tiswiex flus. Imma tiswa mitqlu deheb. Hija l-kelma “kuraġġ!” Kuraġġ! Meta ħaddieħor telaqni u ma riedx jaf biha iżjed. Kuraġġ! Meta ħaddieħor, fuq xejn, ma ħarisx aktar lejn wiċċi waqt li int bqajt temmen fija. Kuraġġ! Meta issa, li l-boqxiex spiċċali, ma bqajtx nikkwalifika aktar mal-kumpanija tal-ħbieb. Imma int, l-għaliex tara ħafna aktar mill-but, aktar bżajt għall-ħbiberija tagħna milli kemm se tgawdi minn fuq dahri.

Għaliex dawn ħbieb huma n-nies tad-dawl. In-nies li jgħixu fil-verità u mhux fl-aljenazzjoni. Dawn huma n-nies li, iswed kemm hu iswed l-orizzont ta’ ħajjithom, dejjem se jibqgħu jaraw il-pożittiv. Is-sabiħ. Dak li jagħti l-ħajja. L-għaliex huma n-nies tad-dawl. Li jdawwlu bid-dawl li hemm dejjem jiddi fihom lill-oħrajn.

Tibżax meta jkollok id-diżappunti fil-ħajja. Lanqas meta, ta’ bniedem u bniedma, tiddiżappunta lil ħaddieħor. Ibqa’ sod u soda! L-aqwa li tagħmel kuraġġ u tibqa’ tħares lejn id-dawl. Dawk id-dawl li ma jintemm qatt. Id-dawl li jismu IMĦABBA BLA KUNDIZZJONI.

Hija din l-imħabba li lili u lilek iġġagħlna ngħixu bit-tbissima. Hija din l-imħabba li għalina għandha isem: Ġesù Kristu! Li raġġ biss minn tiegħu huwa biżżejjed biex ifejjaqna!

Leave a Reply

%d bloggers like this: