Ftit Ħsibijiet ta’ Joe Farrugia
Għadni kif qrajt l-aħħar aħbar mill-Ġappun. “Jidħol b’sikkina f’ċentru tal-persuni b’diżabilità u joqtol 19”. Ma nafx jekk sakemm inlesti dil-kitba qasira jitfaċċawx traġedji oħra aktar riċenti li jnessuna din. Attakk terroristiku premeditat u organizzat? Ġenn ta’ mument minn bniedem b’moħħu marid? Traġedji bħal din illum saru parti mill-bullettini tal-aħbarijiet ta’ kuljum, kemmxejn ma nibqħux sorpriżi jekk tgħaddi ġurnata u ma nisemghu b’xejn ġdid. U l-ewwel domanda li tqum spiss tkun jekk dak jew dik li wettqu l-attakk kienux waħedhom inkella kienx hemm warajhom xi grupp infami.
Xi jwassal raġel ta’ 31sena li jaqbad trakk daqsiex u jsuqu fuq il-folla waqt li jifraħ jara t-tfal żgħar jitgħafġu taħt ir-roti kbar tal-mostru li kellu f’idejh?
Xi jwassal żgħażugħ ta’ 18-il sena li jidħol fi stabbiliment tal-ikel bħal dawk li tant iħobbu jmorru fihom t-tfal, anke dawk tagħna, u hemm jagħmel straġi bl-arma tan-nar li kien qed iġorr.
Xi jwassal żgħażugħ ta’ 26 sena li jidħol b’sikkina f’idu ġewwa ċentru tal-kura għall-persuni vulnerabbli b’diżabilità u jibda joqtol u jfieri bl-addoċċ? Qal li jrid jeqred lill-persuni b’diżabilità minn wiċċ id-dinja. Ma nafx għaliex, imma f’moħħi ġew dawk li jgħidu li lil dawn u oħrajn li qed isofru jridu jagħtuhom mewta ta’ ħniena – mercy killing. Il-metodi li jużaw dawn l-individwi, forsi huma inqas imdemmija u l-għodod li jkollhom f’idejhom mhumiex dejjem is-sikkina, madankollu r-riżultat aħħari huwa dejjem il-mewt.
Daqshekk mewt! Ma jkun qatt u qatt aktar.
Kif kien iwissi spiss il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, qegħdin inrawwmu kultura tal-mewt. Qegħdin niżergħu sikrana qerrieda. Kien hemm żmien wara l-olokawst imdemmi tat-tieni gwerra dinjija, meta l-popli tad-dinja qalu, “Daqshekk mewt! Ma jkun qatt u qatt aktar”. Imma bħal donnu l-bniedem ma jitgħallem qatt.
It-terrur tal-gwerrer kbar dinjija qed nerġgħu ngħixuh bil-biċċiet, illum mhux aktar f’isem in-nażiżmu, il-faxxiżmu, il-komuniżzmu u l-iżmijiet l-oħra, imma paradosalment f’isem l-istess dinjità umana, f’isem il-ħniena u f’isem id-drittijiet tal-bniedem.
Ngħinnek tagħmel suwiċidju u nsejħilha mewt b’dinjità. Bħal li kieku s-suwiċidju, kemm jekk assistit u kemm jekk le, qatt jistax ikun mod dinjituż kif wieħed imut!
Nagħtik injezzjoni valenuża biex taparsi neħilsek mit-tbatija ta’ hawn u nsejħilha qtil ħanin – mercy killing.
Indaħħal l-għodod qerrieda ġol-bejta kennija tal-ġuf, u ngħid li dan huwa mod kif nippjana l-familja. Ngħid li jiena libera nagħżel, li għandi dritt nagħmel li rrid b’dak li qed jikber fija. Daqslikieku l-iben jew il-bint li hemm fil-ġuf huma xi kankru li rrid neħles minnu b’kull mezz possibli.
Żrajna kultura tal-mewt! U allura kif nista’ nkun onest miegħi nnifsi niftaħar li qed noħodha kontra d-droga qerrieda u t-traffikar tagħha u fl-istess waqt nikkummerċja jew nippermetti l-kummerċ ta’pilloli li l-għan tagħhom huwa propju t-terminazzjoni tal-ħajja?
Żrajna kultura tal-mewt! U allura kif ser tispjega lil dak li dalgħodu daħal fi klinika u qabad ibiċċer bl-addoċċ lil persuni li sab quddiemu, meta f’bosta pajjiżi tad-dinja hekk imsejħa żviluppata u progressiva, għandek kliniċi moderni li huma liċenzjati bħala biċċerija umana, u fejn dawk li jaħdmu fihom, minkejja li jissejħu tobba u infermiera mhumiex għajr biċċiera bla qalb?
Żrajna kultura tal-mewt! U allura kif ser taqbad tispjega lil minn daħal fi stabbiliment tal-ikel u beda jispara fuq it-tfal li dak qed jagħmel huwa ħażin, meta l-istati tad-dinja jippermettu li omm toqtol it-tarbija tagħha f’ġufha stess?
Żrajna kultura tal-mewt u llum imbeżżgħin u mwerwrin għax ix-xitla saret siġra u issa bdiet tagħti l-frott.
U issa fin-Normandija
Kif bsart li ser jiġri propju fil-bidu ta’ dil-kitba qasira tiegħi, għadha kif daħlet aħbar oħra, dik tal-qtul brutali ta’ saċerdot fil-knisja tan-Normandija. U sakemm inti tkun qed taqra dawn il-ftit ħsibijiet, min jaf x’għad irid iseħħ aktar!
Minn jum għal jum, madwar id-dinja, qed naraw jikbru dejjem aktar il-miżuri tas-sigurtà, imma bosta għadhom jistaqsu, kif nistgħu nilqgħu għal dawn l-attakki, li la taf meta se jsiru, la fejn se jsiru u wisq anqas min ser jagħmilhom? It-tweġiba mhix faċli imma nemmen li hemm soluzzjoni waħda. Nieqfu niżergħu dil-kultura tal-mewt. Ejjew flimkien nerġgħu inxettlu l-kultura tal-ħajja fejn it-terroriżmu huwa ħażin daqskemm huma ħżiena wkoll l-ewtanasja, is-suwiċidju assistit jew le, l-abort u kull mezz ieħor li jtemm il-ħajja umana.
Meta nieqfu aħna niżergħu dubji dwar is-sagralità tal-ħajja tal-bniedem, forsi dawk li llum qed jiżergħu il-mewt, kemm jekk jissejħu terroristi u kemm jekk taparsi tobba, forsi huma wkoll jibdew jaħsbuha darbtejn qabel ikomplu jwettqu l-atti barbari tagħhom. Imma sadakinhar minn qatt jista’ jemminna meta ngħidu li aħna soċjetà favur il-ħajja?