L-Arċisqof jiltaqa’ maż-żgħażagħ li waslu lura mill-Jum Dinji taż-Żgħażagħ


Il-Ħamis 11 ta’ Awwissu 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna iltaqa’ mal-pellegrini żgħażagħ li waslu lura mill-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Polonja. Ħafna żgħażagħ, ġejjin minn gruppi u komunitajiet differenti taż-żgħażagħ, qasmu l-esperjenzi tagħhom ta’ Krakovja mal-Arċisqof, li kien milqut mit-testimonjanzi tagħhom.

L-attivita’ bdiet b’sessjoni ta’ talb u meditazzjoni, li kompliet bil-qsim tal-esperjenzi mill-pellegrini nfushom. Ħafna żgħażagħ qasmu l-esperjenzi tagħhom u t-tema rikurrenti kienet il-Knisja Universali u li wieħed jgħix il-ħajja Nisranija b’mod awtentiku. Il-laqgħa ntemmet b’messaġġ finali mill-Arċisqof, fejn fakkar lill-pellegrini fuq l-għeruq tal-fidi tan-Nazzjon Malti, u li ma jibżgħux jiddefendu l-fidi tagħhom.

Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Oratorju MSSP, Birkirkara
L-ewwel nett niringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom illejla, grazzi ħafna talli ġejtu, perswaz li kellkom affarijiet oħra x’tagħmlu u napprezza ħafna l-isforz tal-preżenza tagħkom kull meta nippruvaw niltaqgħu. Naf li diffiċli imma nixtieq li nkunu nistgħu niltaqgħu regolarment biex nismagħkom u tisimgħuni.
Illum smajtkom wara li għamiltu din l-esperjenza memorabbli, ma tinsewha qatt anke għaliex hija dejjem esperjenza ta’ nuqqas kbir ta’ kumdità, ta’ sforz fiżiku notevoli imma hija esperjenza tal-Knisja. esperjenza ta’ Knisja Kattolika, katholou bil-Grieg tfisser universali. Il-Mulej takom din il-grazzja li taraw b’għajnejkom u tmissu b’idejkom il-Kattoliċità tal-Knisja, il-Knisja imferrxa mad-dinja kollha. Inti forsi sa xahar ilu, jew xahrejn ilu kont tista’ taħseb fiha din l-idea; illum m’għadhiex iżjed idea, hija esperjenza u intom tirrealizzaw meta l-esperjenza tiftaħlek beraħ perspettivi differenti, inkluż, per eżempju, is-sejħa missjunarja. Min jaf ’il quddiem il-Mulej ikunx qiegħed iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbek biex inti tagħti ħajtek lid-dinja, mhux biss hawnhekk.
It-tieni esperjenza hija mhux biss għall-universalità tal-Knisja, il-Kattoliċità tagħha, imma bħalma bħalma għedtilkom qabel, tirrelizza li m’intix waħdek. Issa inti ser tirritorna fl-ambjenti tal-istudju, l-università, tax-xogħol, forsi anke tad-dar. Tgħix bħala Nisrani tħossok f’minoranza, jekk ma tħossokx ukoll imwarrab. F’dawk il-mumenti taqtax qalbek, ftakar fl-esperjenza li għaddejt minnha u għid: ‘imma jien m’inix waħdi’.
Kellkom ukoll esperjenza sabiħa, għalkemm forsi mill-bogħod, imma kontu fl-istess Campus Misericordiae mal-Papa Franġisku. Il-kelma tiegħu kienet kelma sempliċi imma profonda. Intom tikkonfermawli kemm kienet kelma wkoll diretta mingħajr liwi, anke mingħajr kantunieri. Qalielkom fil-Velja li rridu ninsew, bħala Nsara, il-kumdità tas-sufan u rridu nixhdu, inkunu xhieda għall-Ġesù.
Forsi intom ma kellkomx ċans issegwu imma kienet interesanti ħafna, nissuġerilkom issegwuha mbagħad fuq YouTube ’il quddiem, il-laqgħa li kellu mal-voluntiera, għoxrin elf fit-Tauron Arena u hemmhekk il-Papa kellu diskors, u qalilhom tliet kelmiet: il-memorja, il-kuraġġ u t-tama. Jiena u nisimgħu, għedt: ‘dawn huma kelmiet li ż-żgħażagħ Maltin għandhom bżonn jisimgħu’. Jekk ma smajtuhomx intom għax intom min jaf fejn kontu dak il-ħin, forsi kontu għadkom qed tippruvaw toħorġu mill-Campus Misericordiae, imma meta qal il-memorja, x’jiġifieri? Aħna l-Kattoliċi, aħna l-Kattoliċi Maltin, ma nistgħux ninsew l-għeruq tagħna.
Il-Papa qal: ‘tkellmu man-nanniet tagħkom dwar il-fidi’. Ħafna drabi mal-ġenituri ma tantx ikollok ċans, forsi min għad għandu nanniet u min m’għandux nanniet, l-anzjani tagħna. Irridu niskopru l-għeruq tal-fidi tagħna, imma l-għeruq vera, mhux biss it-tradizzjonijiet li bihom aħna nimmarkaw il-ħin, l-età, il-ħajja u l-mewt. Imma anke l-istorja Nisranija ta’ pajjiżna li wħud jixtiequ jerġgħu jiktbu, fejn uħud minhom jixtiequ li qatt ma kienet teżisti. Aħna qegħdin biex ngħidu: ‘aħna neżistu, aħna għandna memorja, aħna għandna storja’. Kemm kien hemm pajjiżi, kemm kien hemm bnadar, staqsu lilkom infuskom minn dawk il-pajjiżi kemm saru Nsara bil-predikazzjoni ta’ San Pawl. Ftit! Ftakru min intom, ftakru minn fejn ġejtu. U aħna l-memorja tagħna hija: San Pawl, dak kollu li jgħid ikellem lill-qalb tiegħi.
Imbagħad il-Papa tkellem fuq il-kuraġġ. Aħna l-Maltin, bħala Nsara, għandna bżonnu ħafna l-kuraġġ għaliex hemm barra hemm min meta niftħu qalbna, bħalma jgħid San Pawl lil Timotju, “widnejh tiddarras, agħlqu ħalqkom”. Imma aħna jrid ikollna l-kuraġġ biex inkunu xhieda.
Intom rajtu espressjonijiet li huma paradoss għalija. Paradoss ifisser xi ħaġa, bħalma kien jagħmel Ġesù bil-parabboli, jgħid: “Iżjed faċli li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed li marbut mal-għana tiegħu, jidħol fis-sema”. Kien hemm Martha qalet: ‘ħadd ma refagħni’ u aħna ċapċapnilha għax nimmaġinaw dak il-povru li ried jerfagħha. Imma kien qed jerfagħkom, anke lilek Martha, xi ħadd li huwa setgħan, il-Mulej. Tista’ tgħidli, ‘ħadd ma refagħni’ imma tassew li l-Mulej jerfagħkom il-ħin kollu u f’kull jum ta’ ħajjitkom.
Il-Papa semma l-paċenzja u l-ġuħ. Warren, inti għaddejt mill-ġuħ, apprezzajt ukoll xi tfisser li tipprova tmur tixtri l-ikel u jgħidulek: ‘spiċċa’. Bħalma ġralhom anke f’Kana, li kien spiċċalhom l-inbid. Imma mbagħad tkellem fuq ġuħ spiritwali, il-ġuħ għall-Ewkaristija. Jiena impressjonajt ruħi ħafna, kull darba tiġri, li meta jkun hemm is-Sagrament waqt il-Velja allavolja quddiem mijiet ta’ eluf ta’ żgħażagħ, jaqa’ s-silenzju. U għalija – imma dik hija xi ħaġa personali – għalija dak is-silenzju – għax tirrepeti ruħha f’kull World Youth Day – huwa l-ikbar att ta’ fidi taż-żgħażagħ tagħna għaliex ħin minnhom – u din fl-ebda kunċert tad-dinja ma tiġri – f’ħin minnhom iż-żgħażagħ jindunaw li qegħdin fil-preżenza reali ta’ Ġesù Ewkaristija u li hu huwa ċ-ċentru.
U ftakruh dak il-mument, ftakru wkoll f’dawk ix-xemgħat li eluf ta’ żgħażagħ kellhom f’idejhom, id-dawl fid-dlam, u l-fidi tagħna li qawwija fis-skiet mingħajr storbju, imma fl-għotja tal-ħajja, tlieta li mietu qabel u fiż-żmien il-World Youth Day. Il-Pollakk, ninsa x’ismu li kien designer ta’ ħafna affarijiet li miet bil-cancer. Ħuh ta testimonjanza li kien ipprepara diġà u ma laħaqx qraha, quddiem il-Papa meta kellem il-voluntiera l-Papa. Ma kienx għall-World Youth Day seminarista li miet l-Amerka li pprova jsalva lil xi ħadd u ntilef fix-xmara, imbagħad sabuh il-ġimgħa li għaddiet. Seminarista li kien qed jistudja għas-saċerdozju li ta ħajtu biex isalva persuna oħra. Waħda minnkom, Taljana, li mietet kif irritornat mill-World Youth Day l-Italja, mietet minħabba l-meninġite, marret għall-World Youth Day għall-pellegrinaġġ għall-Polonja u mill-Polonja hi u sejra Ruma, marret il-ġenna.
Aħna għandna l-passaport Malti, kburin bih, imma għandna passaport ieħor: tal-ġenna, is-sema pajjiżna. Kemm rajtu bnadar inkluż tal-Panama, kemm rajtu bnadar, hemm bandiera waħda li ma kienitx rappreżentata ħlief waqt l-adorazzjoni tas-Sagrament, u waqt il-quddiesa, hija dik tal-ġenna. It-triq għall-ġenna hija iebsa u fl-istess ħin faċli. Hija iebsa jekk tipprova tagħmilha waħdek, impossibli, tippruvax; hija faċli hekk tiggranfa ma’ Ġesù u mhux biss tgħidlu: ‘I need you’ imma ‘forgive me, have mercy’.
Mela min għamel din l-esperjenza ma jinsa qatt lil San Ġwanni Pawlu II u Santa Faustina Kowalska, dawn iż-żewġ appostli tal-ħniena ta’ Alla. Ftakru li din l-esperjenza kienet ukoll biex tikkonvinċik li tagħmel x’tagħmel, tkun min tkun, Alla jħobbok u jħenn għalik. Dan huwa messaġġ li ż-żgħażagħ Maltin għandhom bżonnu u intom li ngħatajtu din il-grazzja b’ħafna strapazz, intom li ngħatajtu din il-grazzja, ippermettuli ngħidilkom li għandkom ukoll responsabbilta’. Bħalma qalilkom il-Papa: ‘b’xejn ħadtu, b’xejn nagħtu’. Tgħidli mhux ‘b’xejn eżattament’ għax jiena naf dik l-għadma kemm għadha tuġagħni, b’xejn in inverted commas, imma inti tifhem meta tirrealizza li ħadt ħafna iżjed milli qatt stennejt.
Intom iltqajtu ma ħafna nies, min għal ħames minuti u min waqt li qed tistkenn mix-xemx. Kien hemm ix-xita u kien hemm ix-xemx. Dik ix-xita qabditkom anke fil-Campus Misericordiae, jiġifieri kellkom il-four seasons. Waqt li tifakru f’dawn, nispera li ċertu ħbiberijiet jibqgħu anke permezz tas-Skype, tal-internet illum hemm faċilità. Importanti ħafna li minn din l-esperjenza tiltaqgħu verament ma’ Ġesù. “Ejjew għandi intom ukoll li intom imħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli”. Jiena nberikkom, nawguralkom, nagħmlilkom kuraġġ. Tinsewx il-memorja, tinsewx tkunu ta’ kuraġġ għax hekk intom it-tama tad-djoċesi. Kunu mberkin.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.