Il-Ħniena għodda ta’ Komunjoni


26. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 17 ta’ Awwissu 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum nixtieq li nirriflettu fuq il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. Fil-bidu tar-rakkont li jagħtina Mattew (ara 14:13-210, Ġesù kien għadu kemm ħa l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, u jaqsam l-għadira bid-dgħajsa jfittex “post imwarrab” (v. 13) biex ikun waħdu. Imma n-nies tinduna u tmur qablu bil-mixi hekk li “xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom” (v. 14).

Hekk kien Ġesù: dejjem jitħassar in-nies, dejjem jaħseb fl-oħrajn. Timpressjonana d-determinazzjoni tan-nies, li tibża’ tibqa’ waħidha, bħal mitluqa. Imut Ġwanni l-Battista, profeta kariżmatiku, u tafda ruħha f’idejn Ġesù, li dwaru l-istess Ġwanni kien qal: “Min ġej warajja hu aqwa minni” (Mt 3:11). Hekk il-folla timxi warajh kull fejn imur, biex tisimgħu u biex teħodlu l-morda tagħha. U meta jara dan, Ġesù tiġih ħasra minnhom. Ġesù ma jibqax indifferenti, ma għandux qalb bierda. Ġesù kapaċi jitqanqal. Minn naħa, hu jħossu qalbu marbuta ma’ din il-folla u ma jridhiex titlaq; min-naħa l-oħra, iħoss il-bżonn ta’ mumenti waħdu, fit-talb, mal-Missier. Ħafna drabi jqatta’ l-lejl jitlob lil Missieru.

Mela anki dakinhar l-Imgħallem iddedikah għan-nies. Il-ħniena tiegħu mhix xi sentiment vojt; imma tikxef ir-rieda qawwija tiegħu li jkun qrib tagħna u jifdina. Kemm iħobbna Ġesù! U kemm jixtieq ikun qrib tagħna!

Meta sar filgħaxija, Ġesù ried jagħti x’jieklu lil dawk in-nies kollha, għajjenin u mġewħin, u jieħu ħsieb ta’ dawk li kienu mexjin warajh. U f’dan jara kif idaħħal lid-dixxipli tiegħu. Fil-fatt jgħidilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu” (v. 16). U wriehom kif il-ftit ħobżiet u ħutiet li kellhom, bil-qawwa tal-fidi u tat-talb, setgħu jinqasmu ma’ dawn in-nies kollha. Ġesù jagħmel miraklu, imma dan hu l-miraklu tal-fidi, tat-talb, imqanqal mill-ħniena u mill-imħabba. Hekk Ġesù “qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies” (v. 19). Il-Mulej ifittex x’għandu bżonn il-bniedem, imma jrid li kull wieħed u waħda minna jkollu sehem konkret fil-ħniena tiegħu.

Nieqfu issa fuq il-ġest tal-barka ta’ Ġesù. Hu “ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom” (v. 19). Kif nistgħu naraw, dawn huma l-istess sinjali li Ġesù għamel fl-Aħħar Ċena; u huma wkoll l-istess li kull saċerdot iwettaq meta jiċċelebra l-Ewkaristija Mqaddsa. Il-komunità Nisranija titwieled u terġa’ titwieled kontinwament minn din il-komunjoni Ewkaristika. Għalhekk li ngħixu f’komunjoni ma’ Kristu jfisser ħafna iżjed milli nibqgħu passivi u barranin għall-ħajja ta’ kuljum, anzi, bil-maqlub, idaħħalna dejjem iżjed f’relazzjoni mal-bnedmin ta’ żmienna, biex noffrulhom is-sinjal konkret tal-ħniena u tal-attenzjoni ta’ Kristu. Waqt li titmagħna bi Kristu, l-Ewkaristija li niċċelebraw ftit ftit tibdel lilna wkoll fil-ġisem ta’ Kristu u f’ikel spiritwali għall-aħwa. Ġesù jrid jilħaq lil kulħadd, biex lil kulħadd iwassal l-imħabba ta’ Alla. Għalhekk jagħmel minn kull min jemmen qaddej tal-ħniena. Ġesù lemaħ il-folla, tħassarha u kattar il-ħobż; l-istess jagħmel bl-Ewkaristija. U aħna li nemmnu u nirċievu dan il-ħobż Ewkaristiku, aħna mħeġġa minn Ġesù biex inwasslu dan il-qadi lill-oħrajn, bl-istess ħniena tiegħu. Din hi l-mixja li rridu nagħmlu.

Ir-rakkont tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut jagħlaq billi jgħid li lkoll xebgħu u nġabar il-ħobż li kien fadal (ara v. 20). Meta Ġesù fil-ħniena u l-imħabba tiegħu jagħtina grazzja, jaħfrilna dnubietna, jgħannaqna, iħobbna, ma jagħmilx l-affarijiet b’nofs kedda, imma b’mod sħiħ. Kif ġara hawn: kulħadd xeba’. Ġesù jimla l-qalb u l-ħajja tagħna bi mħabbtu, bil-maħfra tiegħu, bil-ħniena tiegħu. Hekk Ġesù ppermetta lid-dixxipli tiegħu jwettqu l-kmand tiegħu. B’dan il-mod huma jafu xi triq għandhom jaqbdu: jitimgħu lill-poplu u jżommuh magħqud; jiġifieri jkunu għall-qadi tal-ħajja u tal-komunjoni. Mela ejjew nitolbu lill-Mulej biex lill-Knisja tiegħu jagħmilha dejjem iżjed kapaċi twettaq dan is-servizz imqaddes, u li kull wieħed u waħda minna jista’ jkun strument ta’ komunjoni fil-familja tagħna, fuq ix-xogħol, fil-parroċċa u fil-gruppi tagħna, sinjal viżibbli tal-ħniena ta’ Alla li ma trid tħalli lil ħadd waħdu fis-solitudni u fil-bżonn, biex iseħħu l-komunjoni u l-paċi bejn il-bnedmin u l-komunjoni tal-bmedmin ma’ Alla, għax din il-komunjoni hi ħajja għal kulħadd.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.