L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa lejliet il-festa ta’ Santa Marija fl-Imġarr


Is-Sibt 20 ta’ Awwissu 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa lejlet il-festa ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema, fl-Imġarr.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Knisja Parrokkjali tal-Imġarr

“Imbierka inti fost in-Nisa, imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq 1, 42). Santa Eliżabetta hi u tilqa’ liż-żgħażugħa, Marija ta’ Nazzaret, mimlija bl-Ispirtu s-Santu, tinfexx f’għajta kbira. Dawn il-kelmiet li għadna kemm smajna mill-Evanġelju ta’ San Luqa, ifissru propju għaliex qegħdin nagħmlu din il-festa solenni. “Malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf, qabżet bil-ferħ. Iva, ħienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej” (vv. 44-45).

Permezz ta’ Marija seħħ il-Misteru tal-Inkarnazzjoni
Dan l-Evanġelju li għadu kemm qara l-kappillan, sikwit jissemmew tliet kelmiet għeżież: ‘imbierka’, ‘hienja’, u ‘ħniena’. Kemm-il darba l-Madonna hija msejħa ‘mbierka’; Eliżabetta tgħidilha: “iva, inti hienja għax emmint dak li jseħħ kull ma bagħat jgħidlek il-Mulej”, u l-istess Marija ta’ Nazzaret, Marija tgħid: “kull nisel isejjaħli hienja” (v. 47). Kull nisel isejjaħli hienja, u imbierka. Ir-raġuni hija għaliex “Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (v.48) imma “għamel magħha ħwejjeġ kbar” (v. 49). Għażilha biex tkun l-għamara li biha Ibnu jsir bniedem; għażilha biex fil-ġuf tagħha għal disa’ xhur Ibnu jsir bniedem li jitwieled minnha. Emmnet il-kelma tal-anġlu, u qaltlu: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek” (v. 38) u seħħ fiha dan il-misteru kbir: li l-Iben t’Alla jsir bniedem.
Darba waħda mara, hi u tisma’ lil Ġesù, issaħret bil-kobor tal-għerf tiegħu, bit-tjubija tiegħu, u qaltlu: “imbierek il-ġuf li ġabek u s-sider li rdajt”. Dik il-barka li din il-mara qalet għal ommu Marija, il-Mulej ma ċaħadhiex, qalilha: “imberkin iżjed dawk li jisimgħu l-kelma ta’Alla u jagħmluha” (Lq 11, 27-28). Din hi l-barka li Eliżabetta qalet lil Marija: “hienja int, imberka għax emmint li jseħħ kull ma bagħat jgħidlek il-Mulej”.

Ġesù ried li l-ġisem ta’ Ommu ma jitħassarx
Il-ġisem ta’ Marija, imnissla mingħajr tebgħa, huwa ġisem safi u għażiż, huwa ġisem ta’ Omm Alla. Dan il-ġisem ma setax jara t-taħsir, mhux għax ma kienx soġġett għall-liġi tal-mewt u tat-taħsir, kif aħna aħna, imma għax Binha ried hekk, ried li ġisem Ommu ma jitħassarx mal-mewt, mat-tmiem ta’ ħajjitha, kif ma tħassarx ġismu wara l-passjoni kiefra li għadda minnha. F’Ħadd il-Għid, id-dixxipli u n-nisa kollha sabu l-qabar vojt kif tgħid it-tradizzjoni, reġa’ ġara wara l-mewt tal-Madonna: reġa’ nstab qabar vojt. Il-Madonna ħadd ma raha tiela s-sema, tiela ħafif ħafif, hija biss l-immaġinazzjoni tagħna li tgħinna nifhmu dan il-misteru kbir tal-irxoxt ta’ Omm Ġesù. Aħna li nafu żgur hu li hi kienet rieqda fil-qabar, imbagħad il-qabar kien vojt.
Meta l-Ortodossi jpinġu t-Tlugħ is-Sema tal-Madonna jippreżentaw lil Binha Ġesù jżommha qisu qed iżomm tarbija ċkejkna, f’dirgħajh, naraw parallel sabiħ: dik li ġarritu fi ħdana u ħaddnitu magħha tarbija ċkejkna, issa wasal iż-żmien li jpattilha hu, fejn jilqagħha fl-Għamajjar tas-Sema irxuxtata, aħna ngħidu ‘Imtellgħa s-Sema’, l-‘Assunta’.
Dan huwa privileġġ kbir għal Sidtna Marija, mhux ta’ b’xejn nagħmlu festa kbira llum, mhux ta’ b’xejn inġibuha fl-istatwa sabiħa li għandkom, b’ħarsitha lejn is-sema anke xieraq ngħidulna: “erfgħu qlubkom ’l fuq” bħalma jgħid is-saċerdot qabel l-Ewkaristija. “Nerfgħu qlubna ’l fuq” għaliex dak li ġara lilha mhux xi ħaġa li għalina m’għandhiex messaġġ.
Aħna b’dulur kbir naraw il-fdalijiet ta’ l-għeżież tagħna, jindifnu u jitħassru, bir-regola tal-bnedmin. Meta nħarsu lejha nemmnu li dak li aħna ngħidu fil-Kredu jgħodd ukoll għalina: “Nemmen fil-qawma mill-imwiet”. Nemmen bir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt għax jiena nista’ ngħid: imma Ġesù irxoxta għax l-Iben ta’ Alla, imma l-irxoxt ta’ Marija, it-tlugħ is-sema tagħha, jgħidilna li dak id-destin huwa tagħna wkoll, ta’ kull wieħed u waħda minna. Għalhekk, aħna li nolfqu u nibku meta ninfatmu fl-għeżież tagħna fil-mewt, inħarsu lejn Sidtna Marija u niftakru li hi verament hienja għax il-Mulej “ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu u għamel magħha ħwejjeġ kbar”.

L-irxoxt tagħna huwa frott il-ħniena tal-Mulej
U hekk ikollna mhux biss barka u hena, imma hemm il-kelma ‘ħniena’. Hi stess tgħid: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien” (v.50), għax l-irxoxt tagħna huwa frott il-ħniena tal-Mulej. L-irxoxt ta’ kull wieħed u waħda minna u ta’ dawk li ġew qabilna u li telqu qabilna, hija l-ħniena tal-Mulej li tirbaħ fuq il-mewt. Għalhekk jixxotta kull demgħa minn għajnejna, għalhekk “jiftakar fil-ħniena tiegħu bħalma wiegħed lil missierijitna b’risq Abraham u nislu għal dejjem” (v.55), għaliex hu jwegħdna li jagħtina, aħna u nħarsu lejn l-Assunta, lejn Sidtna Marija mtellgħa s-sema, iwettaqgħa f’kull ġenerazzjoni, ma’ kull nisel. Aħna nsejħulek hienja Marija, int li int Omm il-Ħniena, Mater Misericordiae għaliex inti tgħallimna anke fi tlugħ tiegħek fis-sema, bil-ħarsa ħanina tiegħek li Alla tant jgħożżna li jridna miegħu għal dejjem.
Il-ħarsa tiegħek lejn is-sema, idejk mtellgħa lejn is-sema jistednuna biex nittamaw u nixxenqu għas-sema pajjiżna. “Bħalma l-bnedmin kollha li jmutu f’Adam, hekk ukoll jiksbu l-ħajja fi Kristu”. “Kulħadd skont kif imissu” jgħid San Pawl, “jibda l-ewwel frott li hu Kristu, wara dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu” (1Kor 15, 22-23). Aħna u nħarsu lejh u nifirħulek, Marija, bil-privileġġ singolari li ġismek ma rax it-taħsir tal-qabar, aħna noqgħodu fil-kju. Meta jasal il-mument fil-ħniena t’Alla, aħna ulied Alla u dawk li telqu qabilna, meta jasal il-mument, naf li ħadd mhu mgħaġġel, aħna ngħidulu l-Mulej, jien hekk inħobb ngħidlu: ‘meta trid, sinjur, imma kun af li miniex mgħaġġel’. Jekk ma jafx infakkru. Tardare si, scappare no, jgħidu t-Taljani. Aħna ħarsu lejn il-Madonna biex il-mewt tagħna ma tbeżżagħniex, tbeżżagħna mhux ma tbeżżagħniex, imma fiha naraw tama.
Nagħlaq b’dan il-ħsieb, miċ-ċokon, meta ma nkunux nafu x’aħna ngħidu, ngħidulha: “iltob għalina, midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna”. Għax aħna u nħarsu , nifhmu li n-niggieża tal-mewt m’għandhiex qawwa fuqna. Bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ukoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Il-frott imqaddes tal-ġuf imbierek u hieni ta’ Sidtna Marija.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.