Katekeżi Ħniena, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-ħniena tagħti dinjità


27. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 31 ta’ Awwissu 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-Vanġelu li għadna kemm smajna jippreżentalna figura li tispikka għall-fidi u l-kuraġġ tagħha. Qed nirriferi għall-mara li kienet tbati mit-tnixxja tad-demm u li Ġesù fejjaqha (ara Mt 9:20-22). Hi għaddiet minn qalb il-folla, u resqet wara Ġesù biex tmiss it-tarf tal-mantar tiegħu. “Bejnha u bejn ruħha qalet: ‘Imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq’” (v. 21). X’fidi dik! X’fidi kellha din il-mara! Tirraġuna hekk għax għandha ħafna fidi u ħafna tama u, għax moħħha jilħqilha, jirnexxielha twettaq ix-xewqa ta’ qalbha.

 

Ix-xewqa li tiġi mifdija minn Ġesù hi hekk kbira li ġġagħalha tmur lil hemm minn dak li titlob il-liġi ta’ Mosè. Din il-mara fqajra fil-fatt kienet ilha s-snin mhux biss marida, imma meqjusa mniġġsa minħabba fit-tnixxja tad-demm (ara Lev 15:19-30). Għalhekk kienet eskluża mil-liturġiji, mill-ħajja miżżewġa, mir-relazzjonijiet normali mal-proxxmu. L-evanġelista Mark iżid li kienet marret għand ħafna tobba, u rat kif għamlet biex tħallashom milli kellha, u kellha toqgħod għal ħafna kura u tbatija, imma għall-agħar biss marret. Kienet mara mormija mis-soċjetà. Importanti nagħtu kas ta’ din il-qagħda tagħha – ta’ mormija – biex nifhmu x’kienet qed tħoss: hi tħoss li Ġesù seta’ jeħlisha mill-mard u mill-qagħda ta’ emarġinazzjoni u ta’ mistħija li kienet ilha s-snin fiha. F’kelma waħda: taf, tħoss li Ġesù jista’ jsalvaha.

Dan il-każ jgħinna nirriflettu fuq kif spiss inħarsu lejn il-mara u kif hi rrappreżentata. Kollha għandna noqogħdu attenti, anki l-komunitajiet Insara, minn viżjonijiet ta’ femminiltà imxejna minn preġudizzji u suspetti perikolużi tad-dinjità intanġibbli tagħha. F’dan is-sens huma sewwasew il-Vanġeli li jerġgħu jeħduna għall-verità u jmexxuna lejn perspettiva li teħlisna. Ġesù stagħġeb bil-fidi ta’ din il-mara li kulħadd kien jaħrabha u bidel it-tama tagħha f’salvazzjoni. Ma nafux isimha, imma l-ftit versi li bihom il-Vanġeli jfissrulna l-laqgħa tagħha ma’ Ġesù juruna mixja ta’ fidi li kapaċi treġġa’ lura għall-verità u l-kobor tad-dinjità ta’ kull persuna. Fil-laqgħa ma’ Kristu tinfetaħ quddiem kulħadd, irġiel u nisa ta’ kull post u ta’ kull żmien, it-triq tal-ħelsien u tas-salvazzjoni.

Il-Vanġelu ta’ Mattew jgħid li meta l-mara messet mal-mantar ta’ Ġesù, hu “dar” u “lemħaha” (v. 22), u allura kellimha. Kif għidna, minħabba fil-qagħda ta’ eskluża, il-mara għamlet li għamlet bil-moħbi, minn wara dahar Ġesù, kienet xi ftit imbeżżgħa, biex ma jaraha ħadd, għax kienet imwarrba u mormija. Imma Ġesù jaraha u l-ħarsa tiegħu mhix waħda ta’ ċanfir, ma jgħidilhiex: “Mur ’l hemm, int mormija!”, qisu qed jgħidilha: “Int imġiddma, itlaq lil hemm!”. Le, ma jċanfarx, imma l-ħarsa ta’ Ġesù hi ta’ ħniena u ħlewwa. Hu jaf x’ġara u jfittex il-laqgħa personali magħha, dak li fl-aħħar mill-aħħar il-mara stess xtaqet. Dan ifisser li Ġesù mhux biss jilqagħha, imma jżommha b’denja ta’ din il-laqgħa hekk li jagħtiha d-don tal-kelma u l-attenzjoni tiegħu.

Fil-qalba tar-rakkont it-terminu fejqan hu mtenni tliet darbiet. “‘Imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq’. Ġesù dar, lemaħha, u qalilha: ‘Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejqitek’. U minn dak il-ħin stess il-mara fieqet” (vv. 21-22). Din l-“agħmel il-qalb, binti” tesprimi l-ħniena kollha ta’ Alla għal dik il-persuna. U għal kull persuna mwarrba u mormija. Kemm drabi ġewwa fina nħossuna li aħna mormija minħabba fi dnubietna, għax għamilna ħafna, għamilna ħafna… U l-Mulej jgħidilna: “Kuraġġ! Ejja! Għalija int m’intix mormi, mormija. Agħmel il-qalb, binti. Int ibni, binti”. U dan ikun il-mument tal-grazzja, hu l-mument tal-maħfra, hu l-mument tal-inklużjoni fil-ħajja ta’ Ġesù, fil-ħajja tal-Knisja. Hu l-mument tal-ħniena. Illum, lilna lkoll, midinbin, li aħna midinbin kbar jew midinbin żgħar, imma lkoll aħna, lilna lkoll il-Mulej qed jgħidilna: “Kuraġġ, ejja! M’għadekx mormi, m’għadekx mormija: jien naħfrilek, jien ngħannqek miegħi”. Hekk hi l-ħniena ta’ Alla. Irid ikollna l-kuraġġ li mmorru għandu, nitolbuh jaħfrilna dnubietna u nibqgħu mexjin ’il quddiem. Bil-kuraġġ, kif għamlet din il-mara. Imbagħad, is-“salvazzjoni” għandha bosta tifsiriet: qabelxejn trodd lill-mara l-fejqan; imbagħad teħlisha mid-diskriminazzjonijiet soċjali u reliġjużi; iżjed minn hekk, twettaq it-tama li kellha f’qalbha u tneħħilha kull biża’ u dwejjaq; fl-aħħar nett, troddha lura lill-komunità u teħlisha mill-bżonn li taġixxi minn taħt. U din l-aħħar ħaġa hi importanti: persuna mormija taġixxi dejjem bil-moħbi, xi kutant jew ħajjitha kollha: aħsbu fl-imġiddmin ta’ dawk iż-żminijiet, f’dawk li llum huma bla saqaf fuq rashom…; naħsbu fil-midinbin, fina midinbin: dejjem nagħmlu xi ħaġa bil-moħbi, inħossu l-bżonn li nagħmlu xi ħaġa bil-moħbi, għax nistħu minna nfusna… U hu jeħlisna minn dan, Ġesù jeħlisna u jreġġagħna lura fuq saqajna: “Qum, ejja, fuq saqajk!”. Kif ħalaqna Alla: Alla ħalaqna wieqfa fuq riġlejna, mhux umiljati. Fuq riġlejna. Dik li jagħti Ġesù hi salvazzjoni sħiħa, li terġa’ tintegra l-ħajja tal-mara fl-isfera tal-imħabba ta’ Alla u, fl-istess ħin, terġa’ tagħtiha d-dinjità sħiħa tagħha.

Insomma, mhux il-mantar li messet il-mara li jagħtiha l-fejqan, imma l-kelma ta’ Ġesù, milqugħa bil-fidi, li kapaċi tfarraġha, tfejjaqha u terġa’ tibniha fir-relazzjoni ma’ Alla u mal-poplu tiegħu. Ġesù hu l-għajn waħdanija ta’ barka li minnha tnixxi s-salvazzjoni għall-bnedmin kollha, u l-fidi hi d-dispożizzjoni fundamentali biex nilqgħuha. Ġesù, għal darb’oħra, bl-imġiba tiegħu mimlija ħniena, qed juri lill-Knisja l-mixja li għandha tagħmel biex toħroġ tiltaqa’ ma’ kull persuna, biex kulħadd jista’ jiġi mfejjaq fil-ġisem u fir-ruħ u jerġa’ jikseb id-dinjità ta’ iben u bint ta’ Alla. Grazzi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s