L-Arċisqof imexxi Velja ta’ Talb għall-Isqof-elett Mons. Carmel Zammit


It-Tlieta 6 ta’ Settembru 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa Velja ta’ Talb bi tħejjija għall‑Ordinazzjoni Episkopali ta’ Mons. Carmelo Zammit, Isqof-elett ta’ Ġibiltà. Matul il-Velja, Monsinjur Arċisqof bierek l-Insinji Episkopali li ser jintużaw dakinhar tal-Ordinazzjoni Episkopali. Il-Velja ta’ Talb saret fil-Knisja Parrokkjali tal-Gudja. Mons. Zammit twieled il-Gudja, u jgħix hemmhekk.

Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Knisja Parrokkjali tal-Gudja

Insellem lill-Isqof-elett, Mons. Carmel Zammit f’din il-Velja ta’ Talb illejla, fil-parroċċa tiegħu. Qabel bdejna, kont qed ngħid lill-Arċipriet – inħoss li meta f’parroċċa l-Mulej jagħżel wieħed minn uliedha biex ikun Isqof, suċċessur tal-Appostli, u jkun wassalha għall-maturità sħiħa ta’ dak li huwa maternità u frott. Nerġgħu ngħidu li din il-parroċċa, waħda mill-iżjed antiki ta’ dawn il-ġżejjer għeżież tagħna, ta’ Malta, illum qiegħda tagħti lill-Knisja, lill-Mons. Carmelo Zammit li tkun bit-tqegħid ta’ l-idejn tal-Kardinal Nichols, tal-Isqof Heskett, tiegħi u ta’ Mons. Cremona, tagħna l-Isqfijiet bit-tqegħid tal-idejn tagħna, u bit-talba tal-Knisja, suċċessur tal-Appoostli.
Għalhekk, il-preżenza tagħkom hija sabiħa ħafna, għeżież membri ta’ din il-parroċċa. Nixtieq insellem il-familjari ta’ Mons. Carmelo, b’mod speċjali it-tifkira għażiża tal-ġenituri tiegħu u tal-familjari qrib tiegħu u s-saċerdoti ta’ din il-parroċċa. Is-saċerdoti li ħadmu miegħu, li jħobbuh, u l-preżenza tagħhom hawnhekk mhux biss hi ta’ inkoraġġiment għalik, għażiż Mons. Zammit, imma wkoll ta’ interċessjoni quddiem Alla biex inti tkun – u dan nixtiqulek – ragħaj qaddis, ragħaj li tħobb ħafna lill-poplu tiegħek, il-poplu ta’ Ġibiltà, u li inti tagħti ħajtek, bħalma qal Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb: “jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu” (Ġw 10, 11).
Aħna u nbierku l-insinji li se jingħatawlek jumejn oħra fil-Katidral ta’ l-Imdina, nitolbu biex dawn li għalina huma sinjali esterni, jikkorrispondu ma’ dik il-bidla fir-ruħ tiegħek u fir-ruħ tagħna l-Isqfijiet li tagħmilha – minkejja d-dnubiet tagħna u minkejja d-dgħufija tagħna – xbieha sabiħa ta’ Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb.
Aħna napprezzaw fik ħafna talenti sbieħ: l-għerf, il-kelma soda, l-imħabba kbira, id-dixxiplina imma bi spirtu ta’ ferħ u ta’ ġustizzja li kienu dejjem – ngħid għalija personali – ta’ konsolazzjoni u faraġ kbir. Meta inti, kont f’oqsma delikati ħafna tad-djoċesi, nistqarrlek issa, li ormai se jkollok ir-responsabbiltà tiegħek u se jibda l-inkwiet ġdid tiegħek, imma jiena nistqarrlek li jiena kont inserraħ rasi. U inti, ħallejt vojt li biex nimlih se jkolli negħreq l-għaraq tad-demm. Imma aħna nagħtuk lill-Mulej li, permezz tal-Papa Franġisku sejjaħlek biex tkun Isqof f’Ġibiltà u tal-għotja li għalina tfisser sagrifiċċju, nagħmulha bil-qalb, nagħmluha bil-ferħ. Inti taf, li minn mindu rċevejt in-nomina, mal-ewwel bdejt tħoss il-piż. Taf li din mhix promotion, mhix xi prize day, imma huwa s-salib li l-Mulej qed jgħabbik bih mingħajr ma jabbandunak.
Inti twelidt minn din il-parroċċa għażiża, antika li għandha devozzjoni kbira lejn Marija Santissima taħt ħafna titli u għalhekk hija verament parroċċa Marjana, u inti sejjer fi djoċesi fejn hemm devozzjoni kbira u antika lejn il-Madonna Sultana, Reġina tal-Ewropa. Inti diġà taf li hemm il-Madonna tistennik f’Ġibiltà.
Fuq l-istemma tiegħek għażilt li mhux biss ikollok l-isem tal-familja Zammit li jfakkrek fid-demm Malti jiġri fil-vini tiegħek, imma wkoll li jkollok is-salib ta’ Malta u n-‘Nome di Maria’. Dawn huma ż-żewġ elementi li jridu jwieżnu lilek bħala Isqof ta’ Ġibiltà. F’din is-Sena tal-Ħniena, inti għażilt il-motto tiegħek ikun talba lill-Mulej biex iħenn għalik u inti taf li aħna l-Isqfijiet għandna bżonn ħafna tal-ħniena tal-Mulej imma l-vokazzjoni tagħna hija li nitolbu nkunu ‘ħniena għall-poplu tagħna’, ħniena f’diversi forom: bil-ġustizzja, bil-kelma, bil-ħniena, bil-kuraġġ, bl-umiltà, bi tbissima, bil-paċenzja, bl-imħabba u bil-maħfra. Jalla inti tkun mhux biss Isqof tal-Ġublew tal-Ħniena imma ikona sabiħa tal-ħniena tal-Mulej. Nawgurawlek bil-qalb.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.