Kwistjoni ta’ stil


Il-Ġimgħa 9 ta’ Settembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-evanġelizzazzjoni ssir bix-xhieda u wara bil-Kelma, filwaqt li noqogħdu ferm attenti li ma naqgħux fit-tentazzjoni li nsiru uffiċjali tal-passiġġati jew nagħmlu l-prożelitiżmu. Għandna nerġgħu nduru għall-istil tal-evanġelizzazzjoni ta’ San Pawl li sar kollox għal kulħadd, mingħajr ma nfittxu l-glorja personali.

 

Illum, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku reġa’ fakkar il-figura ta’ San Pietru Claver, patri Ġiżwita li kien jaħdem fost l-eżiljati.

L-Appostlu Pawlu jispjega xi tfisser l-evanġelizzazzjoni lill-Insara ta’ Korintu, afferma l-Papa b’riferiment għall-ewwel qari tal-liturġija tal-ġurnata (1 Korintin 9, 16-19, 22-27). Aħna wkoll, kompla jispjega, illum nistgħu nirriflettu fuq xi jfisser li tevanġelizza, għax aħna l-Insara msejħin biex nevanġelizzaw, biex inwasslu l-Vanġelu, li jfisser li nagħtu xhieda ta’ Ġesù Kristu.

U Pawlu, meta jindirizza lill-Insara ta’ Korintu, jibda r-raġunamenti tiegħu hekk: ‘Ħuti x’mhijiex l-evanġelizzazzjoni? Għalija li nħabbar l-Evanġelju mhux ftaħir.’ Għalhekk żgur li m’għandniex għax niftaħru meta mmorru nevanġelizzaw: ‘se mmur nagħmel din, se mmur nagħmel l-oħra,’ qisu illi meta tevanġelizza tkun qed tagħmel xi passiġġata. Dak ikun ifisser li l-evanġelizzazzjoni nkunu qed nagħmluha ċerimonja, xi ħaġa funzjonali: ‘Jien għandi nagħmel dan.’ U qed nitkellem, kompla l-Papa, dwar hwejjeġ li jiġru f’xi parroċċi madwar id-dinja, meta l-kappillan iżomm il-bieb dejjem magħluq.

Jista’ jiġri wkoll, issokta Franġisku, li niltaqgħu ma’ lajċi li jgħidu, ‘Jien qed immexxi din l-iskola tal-katekiżmu, jien qed nagħmel hekk u hekk.’ B’hekk inkunu qed nirriduċu dak li huma jsejħulu evanġelizzazzjoni, għal sempliċi ‘funzjoni’. Jekk saħansitra ma nibdewx niftaħru u ngħidu: ‘Jien qed naqdi dil-funzjoni, jien katekista li jiffunzjona, funzjonarju ta’ din, ta’ dik….,’ u mbagħad inkompli għaddej b’ħajti.

Dan hu proprju l-atteġġjament ta’ min jiftaħar, insista jgħid il-Papa, inkunu qed nirriduċu l-Vanġelu bħala funzjoni, jew bħala xi ħaġa ta’ ftaħir: ‘Jien immur nevanġelizza u nwassal il-Knisja lil ħafna nies.’ Infatti anke l-prożelitiżmu hu ftaħir, imma l-evanġelizzazzjoni ma tfissirx prożelitiżmu. Aktar minn hekk, l-evanġelizzazzjoni qatt ma hi ‘xi passiġġata’.

Xi jfisser verament li tevanġelizza? Jgħidu tajjeb ħafna San Pawl, qal il-Papa: ‘għalija mhux ftaħir imma ħtieġa li nħoss fija.’ Infatti, in-Nisrani għandu d-dmir li jwassal lil Ġesù, imma dan għandu jagħmlu minn qalbu. U, żied il-Papa, San Pawl jgħid: ‘Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju!’

Twissija – ħażin għalik! – li tkun Kattoliku u taħseb hekk: ‘Immur il-quddies, nagħmel dan u xejn aktar.’ Imma, jekk inti tgħid li int Kattoliku, li rċevejt il-Magħmudija, li rċevejt il-Konfermazzjoni, trid tmur aktar lil hinn u twassal l-isem ta’ Ġesù: dan hu dmir!.

L-indikazzjonijiet ta’ Pawlu, kompla l-Papa, iġegħluna nistaqsu lilna nfusna liema hu l-istil tal-evanġelizzazzjoni tagħna. Kif nista’ nkun ċert li mhux qed nagħmel passiġġata, prożelitiżmu, li l-evanġelizzazzjoni mhux qed nirriduċiha bħala formalità? Kif nista’ nifhem liema hu l-istil it-tajjeb?

It-tweġiba jtihilna Pawlu stess: L-istil li ssir kollox għal kulħadd. L-Appostlu jikteb: ‘Sirt kollox għal kulħadd.’ Fis-sustanza dan ifisser li ‘taqsam il-ħajja mal-oħrajn, takkumpanja l-mixja tal-fidi, tkabbar il-mixja tal-fidi.’

Fil-prattika, kompla l-Papa, ifisser li nġibu ruħna qiesna qed nakkumpanjaw tifel żgħir. Per eżempju, meta rridu li t-tifel jitgħallem jitkellem, ma naqbdux I Promessi Sposi u ngħidulu: ‘Tkellem, aqra dan u tkellem!’ Pjuttost l-ewwel ngħallmuh jgħid ‘mamà’, ‘papà’. U meta nagħmlu dan aħna nsiru tfal bħalu biex ngħinuh jikber.

Mal-aħwa rridu nagħmlu l-istess: nadatta ruħi għall-kundizzjoni tagħhom u jekk bniedem hu marid, nersaq lejh mingħajr ma ngħabbih b’ħafna argumenti li jtaqqluh aktar; inkun qribu, nassistih, ngħinu. Allura biex iwieġeb għall-mistoqsija dwar l-istil li rrid nuża biex inħabbar il-Vanġelu, Franġisku qal li rridu nevanġelizzaw b’dan l-istil tal-ħniena: insiru kollox għal kulħadd biċ-ċertezza li hi x-xhieda li twassal il-Kelma.

F’dil-perspettiva, il-Papa ried jaqsam mal-kongregazzjoni esperjenza personali tiegħu: Meta kont fil-Polonja, fi Krakovja, għall-pranzu, flimkien ma’ xi żgħażagħ li kienu qed jieħdu sehem fil-Jum Dinji, wieħed minnhom staqsieni: ‘Padre, x’nista’ ngħid lil ħabib tiegħi li hu bravu, imma ateu, ma jemminx: x’nista’ ngħidlu biex jibda jemmen?’

Din mistoqsija sabiħa, osserva l-Papa, għax ilkoll kemm aħna nafu lil xi ħadd li tbiegħed mill-Knisja: x’nistgħu ngħidulhom? Dakinhar, fakkar il-Papa, jien weġibt: ‘Ismagħni, l-aħħar ħaġa li għandek tagħmel hi li tgħid xi ħaġa! Kun attiv u hu jara dak li qed tagħmel int, imbagħad jibda jistaqsik hu!’

Insomma, afferma Franġisku, li tevanġelizza jfisser li tagħti din ix-xhieda: jiena ngħix hekk għax nemmen f’Ġesù Kristu. Jien inkun qiegħed inqanqal fik il-kurżità biex tistaqsini: ‘Imma għaliex qed tagħmel hekk?’ U t-tweġiba tan-Nisrani għandha tkun din: ‘Għax jien nemmen f’Ġesù Kristu u nħabbar lil Ġesù Kristu, u mhux Kelmtu biss’ – irridu nħabbruh bil-Kelma – ‘imma fuq kollox bil-ħajja.’ Għalhekk, inkun kollox għal kulħadd, immur fejn insibu, tkun xi tkun il-kundizzjoni ta’ ruħi, ikun xi jkun l-istat ta’ tkabbir li ninsab fih.
Din hi l-evanġelizzazzjoni u dan għandu jsir bil-gratwità, spjega l-Papa. Pawlu jikteb: ‘X’inhu l-ħlas tiegħi? Li nħabbar l-Evanġelju bil-gratwità.’ Għaliex bil-gratwità? Għax aħna l-Vanġelu b’xejn irċevejnieh. Il-grazzja, is-salvazzjoni, la tinbiegħ u lanqas tinxtara: hi gratis! U gratis irridu ntuha! Proprju din il-gratwità, din ix-xhieda tat-tħabbir ta’ Ġesù Kristu, narawhom f’tant bnedmin ikkonsagrati, saċerdoti, isqfijiet, li jsiru kollox għal kulħadd, bil-gratwità.

Din hi gratwità li nsibuha tul l-istorja kollha tal-Knisja. Illum – fakkar il-Papa – nagħmlu t-tifkira ta’ San Pietru Claver, missjunarju: mar ‘il bogħod biex iħabbar il-Vanġelu. Forsi hu kien jaħseb li l-futur tiegħu kien fil-predikazzjoni; iżda fil-futur tiegħu l-Mulej talbu jkun qrib, ma’ ġenb l-iskartati ta’ żmienu, l-iskjavi, is-suwed, li kienu jaslu hemm mill-Afrika biex jinbiegħu. U dal-bniedem ma kienx jagħmel xi passiġġata biex jgħid li qed jevanġelizza; l-evanġelizzazzjoni ma għamilhiex funzjoni u lanqas att ta’ prożelitiżmu. San Pietru Claver ħabbar lil Ġesù bil-ġesti, billi jitkellem mal-iskjavi, jgħix magħhom, jgħix bħalhom. U fil-Knisja kien hemm ħafna bħalu li xxejnu biex iħabbru lil Ġesù Kristu.

Qabel ma kompla bil-quddiesa, il-Papa afferma li aħna wkoll għandna d-dmir li nevanġelizzaw. Dan ma jfissirx li mmorru nħabbtu fuq il-bieb tal-ġirien biex ngħidulhom: ‘Kristu qam mill-mewt!’, imma jfisser li, fuq kollox, ngħixu l-fidi u nitkellmu dwarha bil-manswetudni, bl-imħabba, mingħajr ix-xewqa li rridu nikkonvinċu lil xi ħadd, bil-gratwità. Għax li tevanġelizza jfisser ‘li nagħti gratis dak li Alla ta lili b’xejn’.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: