Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Ix-xitan irid jifred lill-Knisja

Ix-xitan irid jifred lill-Knisja


It-Tnejn 12 ta’ Settembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-firdiet jeqirdu lill-Knisja u x-xitan ifittex li jattakka l-għerq tal-għaqda: iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Dan kien il-messaġġ li l-Papa Franġisku wassal illum hekk kif reġgħu bdew il-quddisiet fil-kappella tad-Dar Santa Marta fil-festa tal-Isem Imqaddes ta’ Marija.

 

Huwa u jikkummenta dwar il-qari mill-Ewwel Ittra lill-Korintin – fejn San Pawl widdeb lill-Korintin għat-tilwim ta’ bejniethom – il-Papa Franġisku qal li x-xitan għandu żewġ għodod qawwija ħafna biex jeqred lill-Knisja: il-firdiet u l-flus. U dan seħħ sa mill-bidu: firdiet ideoloġiċi, teoloġiċi li jkissru lill-Knisja. Ix-xitan jiżra’ l-għira, l-ambizzjonijiet, l-ideat biex jifred. U kif jiġri wara gwerra, kollox jinqered. U x-xitan jieħu gost. U aħna, ta’ boloh li aħna, noqogħdu għalih. Il-gwerra tal-firdiet hija gwerra maħmuġa, żied jgħid il-Papa, u qabbilha mat-terroriżmu u sejħilha wkoll il-gwerra tat-tqassis fil-komunità.

Il-Papa żied jgħid li l-firdiet fil-Knisja ma jippermettux li s-Saltna tikber; ma jippermettux li naraw lill-Mulej għal dak li hu. Il-firdiet iġagħluk tara naħa kontra oħra. M’hemmx iż-żejt tal-għaqda, il-balzmu tal-għaqda. Iżda x-xitan imur band’oħra, mhux fil-komunità Nisranija, iżda jmur fil-qalba tal-għaqda bejn l-Insara. Fil-każ ta’ Korintu l-firdiet iseħħu bejn il-foqra u l-għonja preċiżament waqt l-Ewkaristija. Ġesù talab lill-Missier għall-għaqda iżda x-xitan ifittex li jeqridha.

Imbagħad Franġisku kompla: Nitlobkom tagħmlu dak kollu possibbli biex ma teqirdux il-Knisja bil-firdiet; li huma ideoloġiċi għax jiġu mir-regħba, mill-ambizzjoni u mill-għira. U fuq kollox itolbu u żommu sħiħ l-għejjun tal-għaqda tal-Knisja li jinsabu fis-sagrifiċċju tal-Ewkaristija.
San Pawl tkellem dwar il-firdiet fost il-Korintin elfejn sena ilu iżda jista’ jgħid dan kollu lilna, il-Knisja tal-lum. Għalhekk ejjew nitolbu lill-Mulej id-don tal-għaqda fil-Knisja sabiex ma jkunx hemm aktar firdiet, temm jgħid il-Papa.

Fost dawk preżenti għall-quddiesa kien hemm l-Arċisqof Arturo Antonio Szymanski Ramírez, l-Arċisqof Emeritu ta’ San Luis Potosí fil-Messiku, li għalaq 95 sena f’Jannar. Il-Papa Franġisku sellimlu fil-bidu tal-omelija u fakkar li l-Arċisqof kien ħa sehem fil-Konċilju Vatikan it-Tieni u għadu jgħin fil-parroċċa tiegħu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: