Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Marija hija omm li tiddefendina

Marija hija omm li tiddefendina


Il-Ħamis 15 ta’ Settembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

F’dinja li tbati l-kriżi għax tħossha orfni, aħna għandna omm li takkumpanjana u tiddefendina. Dan kien il-messaġġ tal-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta fil-festa tad-Duluri ta’ Marija.

 

Il-Vanġelu tal-ġurnata jeħodna lejn il-Kalvarju. Id-dixxipli kollha ħarbu ħlief għal Ġwanni u ftit nisa. F’riġlejn is-salib hemm Marija, l-Omm ta’ Ġesù. Kulħadd qed iħares lejha u jgħid: ‘Dik omm dan id-delinkwent! Din hija l-omm ta’ dan ir-ribell!’ U Marija semgħet dawn l-affarijiet u sofriet umiljazzjoni terribbli.

Hija semgħet ukoll lid-dinjitarji, saħansitra xi qassisin, li kienet tirrispetta għax kienu qassisin, jgħidulu: ‘Inżel minn hemm jekk int l-Iben t’Alla.’ U binha hemm, imneżża’ fuq is-salib. U minkejja din it-tbatija kbira, Marija ma telqitx. Ma ċaħditx lil binha. Hu kien laħamha.

Il-Papa Franġisku rrrakkonta li meta kien Buenos Aires u kien iżur lill-priġunieri fil-ħabsijiet, kien dejjem jara kju twil ta’ nisa jistennew biex jidħlu: kienu ommijiet. Iżda ma kinux jistħu għax uliedhom kienu hemm ġew. Kienu jbatu l-umiljazzjoni ta’ min kien jarahom u jgħid: ‘Araha! Tgħid x’għamel binha?’ Kienu jbatu wkoll l-umiljazzjoni tat-tiftix li kien isirilhom qabel jidħlu l-ħabs. Imma kienu ommijiet u riedu jżuru lil uliedhom. U hekk seħħ ma’ Marija: hija kienet hemm, ma’ binha, f’dik it-tbatija kbira.

Ġesù, żied jgħid il-Papa, wiegħed li ma jħalliniex iltiema, u fuq is-Salib tana lil Ommu bħala Ommna: aħna l-Insara għandna Omm, Omm Ġesù, u għandna Missier, Missier Ġesù. M’aħniex iltiema! U hija wellditna f’dak il-mument ta’ dulur kbir: hija tassew martri. B’qalbha minfuda, hija taċċetta li twellidna lkoll fil-mument tad-dulur. U minn dak il-ħin hija ssir Ommna, Dik li tieħu ħsiebna u li ma tistħix minħabba fina u tiddefendina.

Il-mistiċi tal-ewwel sekli, żied jgħid il-Papa Franġisku, jagħtuna parir biex insibu kenn taħt il-mantell ta’ Marija Omm Alla fil-mumenti ta’ taħbit spiritwali: ix-xitan ma jistax jidħol hemm. Il-Papa kompla jgħid li Marija hija omm u tiddefendi bħala omm. Il-Punent aktar tard ħa dan il-parir b’aktar qawwa u niseġ il-verżjoni Latina tal-antifona Marjana: Sub tuum præsidium, ‘Taħt il-mantell tiegħek, taħt il-ħarsien tiegħek, ja Omm!’ Hemmhekk aħna protetti.

Il-Papa temm jgħid li f’dinja li nistgħu nsejħulha orfni, forsi l-għajnuna tagħna nsibuha meta ngħidu: ‘Ħares lejn Ommok!’ Għandna Omm li tiddefendina, tgħallimna, takkumpanjana; li ma tistħix minħabba fina. Ma tistħix għaliex hija Ommna. Jalla l-Ispirtu s-Santu, dan il-ħabib matul it-triq, il-Paraklitu jew avukat li l-Mulej bagħat, jgħinna nifhmu dan il-misteru kbir tal-maternità ta’ Marija.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: