Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Kull mafja hi dlam: ma ngħattux id-dawl ta’ Alla

Kull mafja hi dlam: ma ngħattux id-dawl ta’ Alla


It-Tnejn 19 ta’ Settembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Issa li reġgħu bdew l-omeliji fil-kappella tad-Dar Santa Marta, dalgħodu l-Papa ħeġġiġna biex inħarsu d-dawl tal-fidi.

 

Inħallu l-fidi tidher fina u ddawwal lill-bnedmin, qal Franġisku li ħa spunt mill-Vanġelu tal-lum. Il-Qdusija Tiegħu għamel riflessjoni dwar id-dawl tal-fidi u l-perikli li jaslu meta aħna nitfuh.

Li nħarsu d-dawl, qal il-Papa, ifisser li nkunu qed nindukraw xi ħaġa li ġiet mogħtija lilna bħala rigal, u jekk aħna nferrxu d-dawl inkunu qed nagħtu minn dak li rċevejna fil-jum tal-Magħmudija tagħna.

Dan id-dawl qatt m’għandu jitgħatta għax jekk int tostru, issir biered jew inkella Nisrani tal-isem. Id-dawl tal-fidi, issokta l-Papa, hu dawl veru, dawl li jtihulna Ġesù fil-Magħmudija. Mhux dawl artifiċjali, imma dawl manswet, hieni, li ma jintefa qatt.

Il-Papa Franġisku mbagħad għamel lista ta’ atteġġjamenti li bihom nirriskjaw li ngħattu dan id-dawl u fakkar li t-twissijiet tal-Mulej għandhom l-għan li dan id-dawl ma jiddallamx.

L-ewwelnett, qatt tħalli jistenna lil min hu fil-bżonn. Qatt tħalli għall-għada għax il-karità mhix tajba għall-friġġ. Taħbix it-tajjeb biex tużah għada, għax għada jista’ ma jasalx. Il-ħabi tad-dawl hu minnu nnifsu inġustizzja.

Ħaġ’oħra li tostor id-dawl hi li tqassas u tfassal id-deni għal għajrek meta hu jkollu fiduċja fik. Kemm drabi, osserva l-Papa, in-nies ikollhom fiduċja f’persuna u jfasslu xi ħaġa biex iħassrulha ġieħha, iħammġuha!

Din hi r-rokna ta’ mafja li lkoll kemm aħna għandna ġo fina: dik ta’ min japprofitta ruħu mill-fiduċja tal-proxxmu biex jagħmel il-ħażen: Dak hu mafjuż! U kull mafja hi dlam, skura!

Atteġġjament ieħor li jostor id-dawl hu l-manija li dejjem nillitikaw ma’ xi ħadd, donnu passatemp. Dejjem infittxu xi ħaġa dwar xiex nillitikaw. Imma fl-aħħar mill-aħħar ngħejjew: insibu li ma nistgħux ngħixu hekk. L-aħjar ħaġa hi li nħallu l-affarijiet għaddejjin, nagħmlu tabirruħna li ma rajniex, ma smajniex, mhux nillitikaw il-ħin kollu.

Parir ieħor li ta l-Papa biex ma ngħattux id-dawl hu li ma ngħirux għall-bniedem vjolenti u nħossuna irritati bis-suċċessi tiegħu għax il-Mulej jobgħod lil min hu pervers u Hu ħabib tal-ġusti.

U tant drabi aħna mimlijin għira għal min għandu kull ma jrid, għal min għandu s-suċċess, jew hu vjolenti. Imma ejjew inħarsu ftit lejn l-istorja tal-vjolenti u l-prepotenti, qal Franġisku….. L-istess dud li se jiekol lilna se jiekol lilhom ukoll! Fl-aħħar ilkoll se nkunu l-istess. L-għira għall-poter tostor id-dawl.

Għaldaqstant, kompla jgħid Franġisku, Ġesù jwissina: ‘Kunu wlied id-dawl u mhux ulied id-dlam’ – ħarsu d-dawl li ngħatalkom fil-jum tal-Magħmudija. U jżid: ‘Tqegħdux id-dawl taħt is-sodda imma fuq l-imnara.’

Biex inħarsu d-dawl hemm dawn il-ftit pariri li tana Ġesù, li rridu nħaddmuhom kuljum. M’humiex affarijiet strambi, għax kuljum naraw quddiemna atteġġjamenti li jgħattu d-dawl.

Jalla l-Ispirtu s-Santu, li lkoll irċevejna fil-Magħmudija, jgħinna biex ma naqgħux f’dawn id-drawwiet koroh li jostru d-dawl, u jgħinna nferrxu d-dawl li aħna rċevejna b’xejn, id-dawl ta’ Alla li jagħmlilna tant tajjeb: id-dawl tal-ħbiberija, id-dawl tal-paċenzja, id-dawl tat-tjubija, temm jgħid il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: