L-Arċisqof jmexxi pellegrinaġġ lejn is‑Santwarju Nazzjonali tal‑Madonna tal‑Mellieħa


L-Erbgħa 21 ta’ Settembru 2016: L‑Arċisqof mexxa pellegrinaġġ lejn is‑Santwarju Nazzjonali tal‑Madonna tal‑Mellieħa u wara ċċelebra Quddiesa biswit is-Santwarju.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa

Il-Qari li għanda kemm smajna huwa meħud mill-Quddiesa votiva bit-titlu sabiħ: Il-Verġni Mqaddsa Marija Għajnuna tal-Insara.

Kif smajtu fl-Ewwel Qari (Ġen 3, 1-6.13-15) protagonista tar-rakkont mill-Ktieb tal-Ġenesi hija mara li aħna nafu li jisimha Eva, Omm il-ħajjin kollha. Din il-mara, ittentata bis-serpent qalil u nfernali, tersaq lejn Adam, lejn żewġha u tħajjru jiekol mill-frotta ipprojbita. Ħadet mill-frott u kielet, imbagħad tat ukoll lil żewġha li kien magħha u kiel. Il-Mulej qal lill-mara: “x’inhu dan li għamilt?”. U l-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija u jien kilt” (v.13). Meta l-Mulej isaqsi l-istess mistoqsija lil Adam, Adam jgħidlu: “il-mara li tajtni int, u jiena kilt” (v.12). Adam l-ewwel ma kien jagħmel, iwaħħal f’ħaddieħor: il-mara u f’Alla li tahielu. Ma nafx jekk tiġrix ħafna fil-familji din, imma naħseb kultant tiġri wkoll.

Fl-Evanġelju (Ġw 2, 1-12) għandna mara oħra. Ma jisimhiex ‘Eva’ għalkemm aħna nafuha bħala ‘Eva l-ġdida’. Din il-mara jisimha Marija. L-isem tagħha huwa misteru fih innifsu għax tant hemm interpretazzjonijiet differenti tal-isem ‘Marjam’. Xi jfisser dan l-isem? Hemm min jgħid li ġej mill-morr għax aħna wkoll fil-lingwa tagħna teżisti., hemm min jgħid li ġej minn frażi bil-Lhudi li tfisser ‘il-qatra mill-baħar, mill-oċean’ bil-latin Stilla Maris. ‘Stilla’ mhux kif ngħidu aħna bil-Malti ‘stilla’, ‘kewkba’, imma qatra, ‘qatra mill-oċean’. Hemm min jgħid li Marija hija dik li ‘tmexxi l-poplu fil-kant’, bħalma għamlet oħt Mosè wara li l-poplu Lhudi qasam il-Baħar tal-Qasab u ra l-ħelsien. Miriam jew Marija, oħt Mosè, kantat dak il-kantiku sabiħ li aħna mbagħad niftakruh u ngħiduh fil-Vġili tal-Għid.

Kien hemm din il-mara Marija. Marija ma tħajjar lil ħadd għad-dnub imma tħajjar lil Binha jagħmel l-ewwel sinjal. Din hija għażla feliċi ta’ dawn iż-żewġ siltiet mill-Iskrittura li smajna llum għaliex jidher ċar li l-Knisja hi u tagħżel dan il-qari, trid tgħidilna ‘kif Eva waqqgħet lil Adam fid-dnub, imqarrqa kif kienet mix-xitan, u mill-kurżità u mis-suppervja, hekk Marija imbuttat lil Ġesù biex juri l-glorja tiegħu, imma mhux bis-suppervja imma bl-umiltà. Mhux bid-diżubbidjenza tad-dnub imma bl-ubbidjenza, “agħmlu kull ma jgħidilkom hu”.

Jekk Eva u Adam kienu ttentati bħalma ttentati aħna, biex jagħmluha ikbar minn Alla, jew lil Alla jgħidulu: ‘inti ma tifhimx, ħalli f’idejna, tindaħalx, iskot, itlaq minn hemm’. Il-Madonna lill-Mulej Ġesù qaltlu: “M’għandhomx inbid”. “X’għandna x’naqsmu?” (vv. 3-4). Ma tgħidlu xejn iżjed. Naħseb ħarset ħarsa lejh ta’ omm u r-riżultat hu li qalet lill-qaddejja: “agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (v. 5) Hija kmand lill-Iben u kmand jew parir għalina. U aħna u nisimgħu lill-ommna Marija, nissaffew mid-diżubbidjenza tal-ewwel ġenituri tagħna, ta’ missirjietna u tagħna nfusna – “agħmlu dak li jgħidilkom hu”.

Aħna u nidħlu mill-Bieb tal-Ħniena, inkunu għamilna ġest fqir, sempliċi. Il-fidi tagħna tgħidilna l-Knisja kapaċi titlobna ħaġa żgħira u tagħtina frott kbir. Titolbok ġest ċkejken u taħfirlek it-tbatija kollha tad-dnubietek. M’hemmx proporzjon bejn il-ġest li inti tgħaddi mill-Bieb tal-Ħniena u li jkollok it-tpattija ta’ dnubietek maħfura. Hekk ukoll jagħmel Ġesù: jaqbad dawn is-sitt ġarar, kull waħda minnhom tesa’ xi mija u għoxrin litru, u dan l-ilma fqir li bihom jimtlew, li kien jintuża għall-purifikazzjoni għall-ħasil tar-riġlejn u tas-saqajn – tistgħu timmaġinaw – ilma b’abbundanza kbira, jiġifieri dawn mhux biss kellhom għall-festa tat-tieġ imma anke għall-honeymoon u naħseb kien għad baqalhom ukoll wara l-honeymoon minn dan l-inbid.

L-abbundanza! Il-Papa Franġisku jgħid: ‘innutaw ftit kemm hemm abbundanza, filli m’għandhomx inbid u filli dawn is-sitt ġarar li jiswew’ – u ma terfagħhomx, għax ġarar tal-ħaġar kienu jkunu. Min ikollu x-xorti jmur Kana tal-Galilija, għax il-pellegrinaġġ tal-Franġiskani għad hemm gallarija ġarar simili li Ġesù qalilhom biex jimlewhom bl-ilma, kienu jkunu tal-ħaġar tant kienu jkunu kbar. Imbagħad minnhom jerfgħu l-ilma, mhux l-inbid tajjeb. U l-Mulej hu ġeneruż magħna. Il-Papa jgħid ‘din il-kwantità kbira xi tfisser? Kemm Alla huwa ġeneruż magħna bil-ħniena tiegħu’ għax l-inbid mhux il-ħall, l-inbid huwa l-inbid tal-festa, l-inbid huwa l-inbid tal-ferħ. Ara l-ħobż għażżmu jista’ jkun il-ħobż tal-penitenza, imma l-inbid le. L-inbid huwa dejjem dak li jferraħ qalb il-bniedem bħalma jgħid is-Salm 103.

Aħna rridu ngħidulu grazzi lill-Mulej f’din is-Sena tal-Ħniena talli f’Marija tana Omm tal-Ħniena, Mater Misericordiae. Kif għidna kif bdejna l-pellegrinaġġ aħna nsellmulha lis-Sultana tagħna: ‘Sliem għalik, Sultana Omm tal-Ħniena. Dawwar lejna dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena” ngħidulha. Fis-Salve Regina iżjed minn darba niftakru li l-Madonna hija Omm il-Ħniena, dil-ħarsa tagħha hija ħarsa ta’ ħniena. Għax hija l-istess ħarsa ta’ Binha Ġesù. U allura mhux biss tara l-bżonn tagħna u tipprova tirranġa xi problema li jkollna, imma tgħidilna anke l-mod sabiħ kif naħarbu mill-tiġrif: “agħmlu dak li jgħidilkom hu”.

Jiena nirringrazzja ħafna lill-għażiż Arċipriet, Fr Joe, ta’ din l-istedina llum. Għalija tfisser ħafna għax illum meta ġejt hawn, għax jiena dalgħodu kelli l-Pontifikal tal-Quddiesa tal-Indipendenza u għidtlu, ‘naċċetta u niġi’ għax hawnhekk f’riġlejn il-Madonna tal-Mellieħa, din ix-xbieha fost l-iżjed antiki, jekk mhux l-iżjed antika, li għandna fi gżiritna, din ix-xbieha li kienet meqjuma sa’ min dejjem u li rat tant u tant Maltin u Għawdxin, aħna nitolbu flimkien għal pajjiżna, nitolbu biex pajjiżna jkollu dik il-qalb kbira li tisma’ u tafda l-leħen tal-Omm: “agħmlu kull ma jgħidilkom hu”. U ‘lil din l-art ħelwa, l-omm li tatna isimha’ (Innu Malti), jiena nikkonsagraha llum u nafdaha f’idejn il-Madonna tal-Mellieħa biex aħna jkollna l-paċi bejnietna, ikollna progress fir-risq it-tajjeb u anke meta jiġi l-maltemp, aħna nibqgħu qalb waħda u ma nabbandunaw qatt lill-Mulej tal-ħniena għax ommu tibqa’ tgħidilna: “agħmlu kull ma jgħidlkom hu”.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.