Omelija tal-Arċisqof f’Jum l-Indipendenza 2016


L-Erbgħa 21 ta’ Settembru 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl‑okkażjoni ta’ Jum l‑Indipendenza, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
L-Aspirazzjonijiet Fundamentali tal-Umanità bħala Kriterju għal Governanza Tajba
Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Sa mill-eqdem żminijiet, il-filosofija ppruvat tiskopri u tesprimi l-aspirazzjonijiet fundamentali tal-umanità. Il-katalgu klassiku tal-valuri li l-umanità tixxennaq għalihom hija u tfittex is-sens tal-ħajja lil hinn mir-realtà ta’ kuljum – il-lista tal-valuri traxxendentali: bl-Ingliż “the transcendentals” – tinkludi fiha l-unum (il-wieħed), il-bonum (it-tajjeb), il-verum (il-veru) u l-pulchrum (is-sabiħ). Xtaqt naqsam magħkom ftit riflessjonijiet ispirati minn dawn l-erba’ valuri traxxendentali.

Il-punt tiegħi huwa dan: Fl-1964 Malta saret stat indipendenti b’post li hu bi dritt tagħha fis-soċjetà tan-nazzjonijiet. Il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza tadotta fiha l-lista tal-prinċipji fundamentali tagħha u l-lista tad-drittijiet u l-aspirazzjonijiet fundamentali tagħha. Iżda l-poplu Malti, organizzat bħala Stat, iħares u jippromwovi l-ġid komuni sakemm u daqskemm jaqsam fl-aspirazzjonijiet traxxendentali tal-familja tal-bnedmin fit-tħaddim ta’ kuljum tal-awtorità, fis-setgħat, fil-governanza tal-istat. Fi kliem ieħor, qed nipproponi l-erba’ valuri traxxendentali li semmejt diġà – l-unità, it-tjubija, il-verità u s-sbuħija bħala kriterju għal governanza tajba, dik il-governanza li hi denja tal-familja umana u li l-politika trid, wieħed jittama, taspira għaliha.

Nibdew bl-unità li hija mnissla mill-unum (wieħed). Il-gvern tal-istat għandu jkun l-ewwel u qabel kollox mibni fuq it-tiftix tal-unità nazzjonali. Il-governanza li tifred, li hija mibnija fuq il-privileġġ tal-ftit jew li tippromwovi bla skruplu lealtà lejn partit politiku iktar milli lejn l-Istat, hija tradiment u velenu għall-ġid komuni tas-soċjetà. Kull ċittadin, taħt ir-regola tal-liġi bħal espressjoni tal-ġid komuni, għandu d-dritt li jkollu sehem mill-għana kollu tal-Istat u jibbenefika mis-servizzi tal-gvern, hu min hu jew hi min hi. Fi kliem ieħor, it-taqtigħa kontra d-diskriminazzjoni inġusta hija ġlieda għall-għaqda nazzjonali.

It-tieni valur traxxendentali huwa t-tjubija bħala espressjoni tal-bonum (it-tajjeb). Il-ħajja morali tinġabar fl-espressjoni bażika: fittex it-tajjeb u evita l-ħażin. Ir-raġuni tal-bniedem tgħallimna li dan huwa l-pedament ta’ ħajja umana awtentika. Is-sistemi politiċi li jippretendu li jistgħu jwarrbu l-esiġenzi morali tal-bniedem jispiċċaw biex isiru karikaturi mostrużi ta’ gvern Statali. Meta l-ġid komuni jiġi ssagrifikat fuq l-artal tal-egoiżmu tal-ftit, bl-iskuża ta’ psewdo-ethos mibni fuq il-kilba bla rażan għall-ġid materjali li lest li jgħaffeġ lil kollox u lil kulħadd – f’dak il-każ – nistgħu ngħidu li l-Istat huwa marid. Il-kliem tal-Appostlu Missierna Pawlu huwa tassew minnu: radix omnium malorum cupiditas (l-għerq ta’ kull ħażen hu r-rebgħa) (1 Tim 6,10). L-Istat għandu jrażżan sewwa r-rebgħa tal-ftit li jaħsbu biss biex iħaxxnu buthom b’detriment tal-ħafna.

It-tielet valur traxxendentali hija l-verità bħala sehem fil-verum (il-veru). Mhux daqshekk diffiċli li wieħed jasal għar-rabta li hemm bejn il-verità u l-valuri l-oħra tal-ekwità, tal-ġudizzju rett u tal-ġustizzja. Hemm istint primordjali f’kull wieħed u waħda minna li jgħallimna li dawn l-attitudnijiet huma msejsa fuq il-verità: fuq il-verità tal-fatti. Il-governanza mibnija fuq it-tgħawwiġ tal-verità, fuq il-ftehimiet oskuri u fuq ir-rifjut stinat tal-iskrutinju tal-pubbliku, minkejja l-ħafna liġijiet u wegħdiet solenni, ma tista’ qatt tkun ikkunsidrata bħala governanza tajba. Gvern mibni fuq l-Idea Orwelljana li tiddisprezza l-verità, jiġi żmien meta jiġġarraf. Min-naħa l-oħra, it-Trasparenza u l-Kontabilità fil-governanza huma valuri li jagħmlu lilna l-Maltin, poplu tassew kburi bil-Gvern tiegħu.

Ir-raba’ u l-aħħar valur traxxendentali huwa s-sbuħija bħala espressjoni ta’ pulchrum (dak li hu sabiħ). Ma nafx sa fejn ix-xjenza politika tistudja r-relazzjoni bejn il-governanza tajba u s-sbuħija. Mhux qed nifhem jekk xi politiku għandux ikun gustuż jew jekk għandhiex tkun ħelwa; għalkemm hawn min jaħseb li jista’ jkun ta’ benefiċċju! Imma jien nixtieq nitkellem dwar is-sapientia cordis – l-għerf tal-qalb. Din l-espressjoni tiġbor flimkien element ta’ verità (l-għerf) u element ta’ tjubija (il-qalb): Il-Verità u t-Tjubija li jwasslu għall-għerf tal-qalb. Jiena konvint li kull ċittadin, li huwa ffurmat u mħarreġ fil-verità u t-tjubija, jirnexxilu biż-żmien jiżviluppa fih innifsu dak l-għerf tal-qalb li jġiegħlu jġib ’il quddiem u jħares is-sbuħija tal-arti, tal-arkitettura, tal-ambjent. U hawn inqiegħed quddiemna lkoll din il-mistoqsija: ma naħsbux li t-tkerrih tal-wirt naturali u storiku tagħna huwa sinjal ċar ta’ nuqqas ta’ għerf tal-qalb? Gvern li ma jehdiex jistinka biex iħares u jirrestawra l-wirt tagħna, li b’entużjażmu jiddefendi s-safa tal-ibħra tagħna, li jippermetti biss żvilupp sostenibbli huwa Gvern li għandu għal qalbu s-sbuħija, li jesprimi l-għerf tal-qalb tan-nazzjon, id-dehen sabiħ ta’ din l-Art Ħelwa.

Din l-espressjoni tfakkarni fit-talba li nlissnu b’qalb waħda fl-Innu Malti: “Agħti, kbir Alla, id-dehen lil min jaħkimha”! Ammen.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.