Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-vanità hi l-osteoporożi tar-ruħ

Il-vanità hi l-osteoporożi tar-ruħ


Il-Ħamis 22 ta’ Settembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Dalgħodu l-Papa Franġisku għamel riflessjoni oħra dwar il-Vanġelu tal-ġurnata waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Is-silta tal-lum tippreżentalna lir-Re Erodi inkwetat għax, wara li qatel lil Ġwanni l-Battista, issa qed iħossu mhedded minn Ġesù. Kien inkwetat bħalma kien missieru, Erodi l-Kbir, wara ż-żjara tal-Maġi.

Il-Papa afferma li qlubna jistgħu jkunu mqanqlin minn żewġ ansjetajiet: dik tajba, li hi l-ansjetà li jtina l-Ispirtu s-Santu, li biha ruħna ‘tinkwieta’ għax trid tagħmel it-tajjeb; u hemm l-ansjetà ħażina, dik li titnissel minn kuxjenza mniġġsa. Iż-żewġ Erodijiet solvew il-problema tagħhom bil-qtil. It-tnejn mexxew ‘fuq il-katavri tan-nies’.

Dawn in-nies, li għamlu tant deni, li għamlu l-ħsara, għandhom il-kuxjenza maħmuġa, tant li ma jistgħux jgħixu fil-paċi għax jgħixu l-ħin kollu bit-tingiż li ma jħallilhom qatt mistrieħ.

Dawn in-nies għamlu d-deni, imma l-ħażen għandu dejjem l-istess għeruq: ir-regħba, il-vanità, is-suppervja. Dawn it-tlieta ma jħallulhomx il-kuxjenza kwieta. It-tlieta li huma jbarru l-ansjetà t-tajba li tiġi mill-Ispirtu s-Santu u minħabba f’hekk bniedem jgħix dejjem fl-inkwiet, bil-biża’.

Ir-regħba, il-vanità u s-suppervja huma l-għerq tal-ħażen kollu.

L-ewwel qari tal-ġurnata meħud minn Koħelet jitkellem dwar il-vanità: Il-vanità tneffaħna bina nfusna, m’għandhiex ħajja twila għax hi bħal bużżieqa tas-sapun. Mhux veru li l-vanità ġġibilna l-qligħ. Liema qligħ ikollu l-bniedem għat-taħbit li jitħabat?

Moħħu biex jidher, biex juri ħaġa b’oħra, fl-apparenza. Din hi l-vanità. Biex
ngħiduha bi kliem sempliċi, issokta l-Papa, il-vanità tfisser li wieħed jiksi ħajtu bl-irtokk. Dan imarrad ir-ruħ għax dak li jkun jirtokka ħajtu għall-apparenza u kull ma jagħmel jagħmlu biex jidher, kull ma jagħmel ikun finta, għall-vanità. Imma fl-aħħar mill-aħħar, x’se jirbaħ?

Il-vanità hi bħall-osteoporożi tar-ruħ: l-għadam jidher tajjeb minn barra, imma minn ġewwa jkun kollu toqob. Il-vanità twassalna għall-ingann. L-istess bħal dawk li jimmarkaw il-karti tal-logħob biex jirbħu – kompla jgħid il-Papa – rebħ taparsi, rebħ finta. Din hi l-vanità: ngħixu biex nuru l-falz, għall-apparenza. Dan idaħħal l-ansjetà fil-qalb.

San Bernard, fakkar Franġisku, għandu kelma qawwija għal min hu vanituż: ‘Aħseb dwar dak li għad tkun.’ Għad tkun ikel għad-dud. U dan l-irtokk kollu tal-ħajja hu gidba, għax xorta waħda se jikluk id-dud u kollox jisfa fix-xejn.
Imma fejn hi s-saħħa tal-vanità? Imbuttat mis-suppervja biex tagħmel il-ħażen, il-vanitá ma tippermettilekx tara l-iżball, tgħatti kollox, kollox mistur.

Kemm nafu nies aħna stess, li ħajjithom hi finta? Jidhru nies tajbin, imorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd, jagħtu offerti kbar lill-Knisja. Dan hu dak li jidher, osserva Franġisku, imma l-osteoporożi hi l-korruzzjoni li għandhom ġewwa fihom. Hemm nies hekk….. imma hemm ukoll nies qaddisin!

Din hi l-vanità: tagħmlek tidher qiesek tas-santi imma l-verità tiegħek hi oħra. Fejn tinsab għalhekk il-qawwa tagħna, is-sigurezza, il-kenn tagħna? Qrajnieha fis-Salm: ‘Mulej, Int għalina kenn minn ġenerazzjoni għal oħra.’

U qabel il-Vanġelu ftakarna fi kliem Ġesù: ‘Jien hu t-triq, il-verità u l-ħajja.’ Din hi l-verità, mhux l-irtokk tal-vanità.

Jalla l-Mulej jeħlisna minn dawn it-tliet għeruq tal-ħażen kollu: ir-regħba, il-vanità u s-suppervja. Imma nitolbuH jeħlisna fuq kollox mill-vanità, li tagħmlilna tant ħsara, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: