Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Id-deżolazzjoni spiritwali tintrebaħ bit-talb

Id-deżolazzjoni spiritwali tintrebaħ bit-talb


It-Tlieta 27 ta’ Settembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

X’jiġri fi qlubna meta ninħakmu mid-deżolazzjoni spiritwali? Hi l-mistoqsija li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Il-Papa tkellem dwar Ġob u dwar l-importanza tas-silenzju u tat-talb biex negħelbu l-waqtiet mudlama.

 

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Vinċenz de Paule, il-Papa offra l-quddiesa għas-sorijiet Vinċenzjani, Ulied il-Karità, li jieħdu ħsieb id-Dar Santa Marta.

Ġob kien fl-inkwiet, kien tilef kollox. Il-Papa Franġisku ħa spunt għall-omelija tiegħu mill-ewwel qari li jurina lil Ġob imneżża’ mill-ġid kollu tiegħu, saħansitra minn uliedu. Iħossu mitluf, imma ma jisħetx lill-Mulej.

Ġob għaddej minn żmien ta’ deżolazzjoni spiritwali kbira u jisfoga ma’ Alla. Hu sfog ta’ iben quddiem missieru. L-istess jagħmel il-Profeta Ġeremija, qal il-Papa, li jisfoga mal-Mulej, imma t-tnejn li huma qatt ma jidgħu.

Id-deżolazzjoni spiritwali hi ħaġa li taħkem lilna lkoll: tista’ tkun aktar qawwija jew aktar debboli….. Imma dik is-sitwazzjon tal-qalb mudlama, mingħajr tama, nieqsa mill-fiduċja, bla xenqa li tgħix, li mhix tara t-tarf tal-mina, b’tant aġitazzjoni fil-qalb u anke fl-ideat….. Id-deżolazzjoni spiritwali ġġegħilna nħossu ruħna mgħaffġin: ma jirnexxilix, ma rridx ngħix; aħjar il-mewt!

Dan hu l-isfog ta’ Ġob. Aħjar il-mewt minn ħajja bħal din. Aħna għandna nifhmu l-waqt li fih l-ispirtu tagħna jkun f’dan l-istat ta’ dwejjaq kbar, li kważi ma jtiniex nifs: dan jiġri lilna lkoll. Qawwi jew dgħajjef….. aħna lkoll nintlaqtu minn dawn il-waqtiet. Irridu nifhmu dak li jkun qed jiġri fi qlubna.

Din hi l-mistoqsija li għandna nagħmlu lilna nfusna, issokta l-Papa: X’jeħtieġ li jsir meta aħna ngħaddu minn dawn il-waqtiet mudlama, minħabba traġedja familjari, marda, xi ħaġa li twaqqa’ l-moral mal-art?

Xi ħadd, ikkummenta l-Papa, jgħidlek tieħu pillola biex torqod tajjeb u tinsa, jew li tixrob xi erba’ tazzi nbid. Dan, wissa Franġisku, ma jgħinx. Iżda l-liturġija tal-lum turina kif għandna nġibu ruħna waqt id-deżolazzjoni spiritwali, meta aħna nibirdu, inkunu mal-art, mingħajr tama.

Fis-Salm Responsorjali, is-Salm 87, hemm it-tweġiba, kompla l-Papa, ‘Ħa tasal għandek it-talba tiegħi, Mulej.’ Hemm bżonn nitolbu, b’talb qawwi bħalma għamel Ġob: ngħollu leħinna bi nhar u bil-lejl biex Alla jtina widen. Hi talba li tħabbat fuq il-bieb, imma bis-saħħa! ‘Mulej, xbajt bl-iżvinturi. Ħajti tinsab fuq xifer l-infern. Jien ngħodd ma’ dawk li neżlin fil-ħofra. Issa jien bniedem mingħajr forza.’

Kemm drabi nħossuna hekk, mingħajr forza…. U din hi t-talba. Il-Mulej innifsu jgħallimna kif nitolbu f’dawn il-mumenti koroh: ‘Mulej, tfajtni fl-aktar fondoq għoli. Qed jaħkimni l-għadab tiegħek. Ħa tasal għandek it-talba tiegħi.’

Din hi t-talba; hekk għandna nitolbu fil-waqtiet l-aktar koroh, l-aktar mudlama, tal-akbar deżolazzjoni, meta nħossuna mgħaffġin. B’hekk, talbna jkun awtentiku. U nisfugaw bħalma sfoga Ġob ma’ wliedu. Bħal iben.

Il-Ktieb ta’ Ġob, imbagħad, jitkellem dwar is-silenzju tal-ħbieb. Quddiem persuna li qed tbati, saħaq il-Papa, il-kliem jista’ jagħmel il-ħsara. Jgħodd biss li wieħed ikun qrib biex dak li jkun iħoss din il-qrubija, imma ma jkunx meħtieġ il-kliem.

Meta persuna tkun qed tbati, tkun fid-deżolazzjoni spiritwali, issokta l-Papa, nitkellmu mill-anqas u ngħinu bis-silenzju, bil-qrubija, bit-tmellis, bit-talb quddiem il-Missier.

L-ewwel, nagħrfu meta aħna nkunu għaddejjin minn waqtiet ta’ deżolazzjoni spiritwali, meta nkunu mexjin fid-dlam, bla tama, u nistaqsu lilna nfusna: għaliex?

It-tieni, nitolbu lill-Mulej, kif tgħidilna l-liturġija tal-lum, bis-Salm 87 li jgħallimna nitolbu fil-waqt tad-dlam: ‘Ħa tasal għandek Mulej, it-talba tiegħi.’

It-tielet, meta jien nersaq lejn persuna li tkun qed tbati, kemm minħabba mard, jew minħabba tbatijiet oħra, imma li tinsab proprju fid-deżolazzjoni: silenzju. Imma silenzju mimli mħabba, qrubija, tmellis. U ma nagħmlux diskorsi li fl-aħħar mill-aħħar ma jgħinux, u jistgħu wkoll jagħmlu d-deni.

Nitolbu lill-Mulej, temm il-Papa Franġisku, biex itina dawn it-tliet grazzji: il-grazzja li nagħrfu l-waqt tad-deżolazzjoni spiritwali, il-grazzja li nitolbu meta nkunu ninsabu f’dan l-istat ta’ deżolazzjoni spiritwali, u anke l-grazzja li nagħrfu nakkumpanjaw lill-persuni li jgħaddu minn waqtiet koroh ta’ niket u ta’ deżolazzjoni spiritwali.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: