Il-Maħfra fuq is-Salib


31. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 28 ta’ Settembru 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-kliem li Ġesù jlissen matul il-Passjoni tiegħu jsib il-quċċata tiegħu fil-maħfra. Ġesù jaħfer: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Mhuwiex biss kliem, għax dan sar għemil konkret fil-maħfra offruta lill-“ħalliel it-tajjeb”, li kien maġenbu. San Luqa jirrakkonta dwar żewġ ħatja misluba ma’ Ġesù, li jduru fuqu b’atteġġjamenti bil-maqlub ta’ xulxin.

L-ewwel wieħed iżebilħu, kif kienet qed iżżebilħu n-nies kollha, kif għamlu l-mexxejja tal-poplu, imma dan l-imsejken raġel, iddisprat, jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna” (Lq 23:39). Din il-karba tikxef it-tbatija tal-bniedem quddiem il-misteru tal-mewt u l-għarfien traġiku li Alla waħdu jista’ jkun it-tweġiba li teħles: għalhekk ma jgħaddilniex minn moħħna li l-Messija, il-mibgħut ta’ Alla, jista’ jibqa’ fuq salib mingħajr ma jagħmel xejn biex jeħlisna. U dan ma setgħux jifhmuh. Ma fehmux il-misteru tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù. Imma Ġesù fdiena billi baqa’ fuq is-salib. Ilkoll kemm aħna nafu li mhix ħaġa ħafifa “nibqgħu fuq is-salib”, fuq is-slaleb żgħar tagħna ta’ kuljum. F’dan is-salib kbir, f’din it-tbatija kbira, hu baqa’ hekk, u minn hemm fdiena; minn hemm uriena s-setgħa tiegħu bla tarf u minn hemm ħafrilna. Hemm isseħħ l-għotja sħiħa ta’ mħabbtu u minn hemm tnixxi għal dejjem il-fidwa tagħna. B’mewtu fuq is-salib, innoċenti bejn żewġ kriminali, hu jurina li s-salvazzjoni ta’ Alla tista’ tilħaq lil kull bniedem f’kull qagħda li jinsab fiha, anki dik l-iżjed negattiva u ta’ tbatija. Is-salvazzjoni ta’ Alla hi għal kulħadd, ħadd mhu eskluż. Hi offruta lil kulħadd. Għalhekk il-Ġublew hu żmien ta’ grazzja u ta’ ħniena għal kulħadd, tajbin u ħżiena, dawk b’saħħithom u dawk li qed ibatu. Ftakru f’dik il-parabbola li jirrakkonta Ġesù dwar il-festa tat-tieġ ta’ bin wieħed sultan: meta l-mistednin ma ridux imorrulu, hu qal lill-qaddejja tiegħu: “Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu” (Mt 22:9). Ilkoll aħna msejħin: tajbin u ħżiena. Il-Knisja mhix qiegħda hemm biss għat-tajbin jew għal dawk li jidhru tajbin jew jaħsbu li huma tajbin; il-Knisja hi għal kulħadd, bi preferenza għall-ħżiena, għax il-Knisja hi ħniena. U dan iż-żmien ta’ grazzja u ta’ ħniena jfakkarna li xejn ma jista’ jifridna mill-imħabba ta’ Kristu! (ara Rum 8:39). Lil min hu mwaħħal ma’ sodda ta’ sptar, lil min jgħix magħluq f’ħabs, lil dawk li huma mrekkna mill-gwerer, jien ngħidilhom: Ħarsu lejn il-Kurċifiss; Alla jinsab magħkom, jibqa’ magħkom fuq is-salib u għal kulħadd jingħata bħala Salvatur, għalina lkoll. Lilkom li qed tbatu ħafna ngħidilkom, Ġesù ssallab għalikom, għalina, għal kulħadd. Ħallu l-qawwa tal-Vanġelu tinfed fi qlubkom u tfarraġkom, timliekom bit-tama u ċ-ċertezza qawwija li ħadd mhu eskluż mill-maħfra tiegħu. Imma forsi se tistaqsuni: “Imma għidli, Dun, min għamel l-aktar ħwejjeġ koroh f’ħajtu, xorta jista’ jiġi maħfur?” – “Iva! Iva: ħadd mhu eskluż mill-maħfra ta’ Alla. Jeħtieġ biss jersaq niedem lejn Ġesù u b’rieda li jħallih jgħannqu miegħu”.

Dan kien l-ewwel ħati. It-tieni hu l-hekk imsejjaħ “ħalliel it-tajjeb”. Kliemu hu mudell tal-għaġeb ta’ ndiema, katekeżi maħsuba biex tgħinna nitgħallmu nitolbu maħfra m’għand Ġesù. L-ewwel idur fuq sieħbu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna?” (Lq 23:40). Hekk jurina mnejn għandha titlaq l-indiema: mill-biża’ ta’ Alla. Imma mhux il-biża’ minn Alla, le; il-biża’ ta’ Alla li għandhom uliedu. Mhix twerwir, imma dak ir-rispett li jixraqlu Alla għaliex hu Alla. Hu r-rispett ta’ wlied għaliex hu Missier. Il-ħalliel it-tajjeb ifakkarna fl-atteġġjament fundamentali li jiftaħ għall-fiduċja f’Alla: meta nagħrfu li hu jista’ kollox u li t-tjieba tiegħu hi bla tarf. Dan ir-rispett kollu fiduċja fih li jgħinna nagħmlu wisa’ għal Alla u nintelqu fil-ħniena tiegħu.

Imbagħad, il-ħalliel it-tajjeb jiddikjara l-innoċenza ta’ Ġesù u jistqarr ħtijietu bla ħabi: “Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin” (Lq 23:41). Mela Ġesù jinsab hemm fuq is-salib biex joqgħod mal-ħatjin: qrib tagħhom, hu joffrilhom is-salvazzjoni. Dak li hu skandlu għall-mexxejja u għall-ewwel ħalliel, għal dawk li kienu hemm u kienu qed jgħaddu lil Ġesù biż-żuffjett, għal dan hu l-bażi tal-fidi tiegħu. U hekk il-ħalliel it-tajjeb isir xhud tal-Grazzja; seħħ dak li ħadd qatt ma ħaseb: Alla ħabbni tant li miet għalija fuq is-salib. L-istess fidi ta’ dan il-bniedem hi frott tal-grazzja ta’ Kristu: fil-Kurċifiss għajnejh jikkontemplaw l-imħabba ta’ Alla għalih, imsejken midneb. Hu minnu, kien ħalliel, ħajtu kollha għaddieha jisraq. Imma fl-aħħar, niedem minn dak li kien għamel, ħares lejn Ġesù hekk twajjeb u ħanin u rnexxielu jisraq il-Ġenna: tassew ħalliel tajjeb dan!

Il-ħalliel it-tajjeb fl-aħħar idur direttament fuq Ġesù u jitolbu l-għajnuna: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek” (Lq 23:42). Isejjaħlu b’ismu, “Ġesù”, b’kunfidenza, u hekk jistqarr dak li jindika dak l-isem: “Alla jsalva”: dan hu li jfisser l-isem “Ġesù”. Dak il-bniedem jitlob lil Ġesù jiftakar fih. Kemm ħlewwa f’din l-espressjoni, kemm umanità! Hu l-bżonn tal-bniedem li ma jħossux abbandunat, li jħoss lil Alla dejjem qrib tiegħu. B’dan il-mod wieħed li hu kkundannat għall-mewt isir mudell tan-Nisrani li jafda f’Ġesù. Ikkundannat għall-mewt hu mudell għalina, mudell għall-bniedem, għal Nisrani li jafda f’Ġesù; u anki mudell tal-Knisja li fil-liturġija tant drabi titlob lill-Mulej u tgħidlu: “Ftakar… Ftakar fi mħabbtek…”.

Waqt li l-ħalliel it-tajjeb jitkellem fil-futur: “meta tidħol fis-Saltna tiegħek”, it-tweġiba ta’ Ġesù ma tħallihx jistenna; ikellmu fil-preżent: “illum tkun fil-Ġenna miegħi” (v. 43). Fis-siegħa tas-salib, is-salvazzjoni ta’ Kristu tilħaq il-qofol tagħha; u l-wegħda tiegħu lill-ħalliel it-tajjeb turi t-twettiq sħiħ tal-missjoni tiegħu: jiġifieri li jsalva lill-midinbin. Għall-bidu tal-ministeru tiegħu, fis-sinagoga ta’ Nazareth, Ġesù kien ħabbar “il-ħelsien lill-imjassrin” (Lq 4:18); f’Ġeriko, fid-dar tal-midneb pubbliku Żakkew, kien xandar li “Bin il-bniedem – jiġifieri hu – ġie jfittex u jsalva l-mitluf” (Lq 19:10). Fuq is-salib, l-aħħar għemil tiegħu jikkonferma t-twettiq ta’ dan il-pjan tal-fidwa. Mill-bidu sat-tmiem hu wera li hu Ħniena, wera li hu l-inkarnazzjoni dejjiema u irripetibbli tal-imħabba tal-Missier. Ġesù hu tabilħaqq il-wiċċ tal-ħniena tal-Missier. U l-ħalliel it-tajjeb sejjaħlu b’ismu: “Ġesù”. Hi invokazzjoni qasira, u lkoll kemm aħna nistgħu illissnuha ħafna drabi matul il-jum: “Ġesù”. Sempliċement “Ġesù”. U hekk agħmlu matul il-jum kollu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.