Tifħir tal-Glorja

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Meta l-Mulej, permezz tas-superjuri Kapuċċini tiegħi, f’dawn l-aħħar xhur tani l-ubbidjenza li nibda’ nagħmel parti mill-fraternità parrokjali tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa, kien hemm min issuġerieli naqra ftit fuq il-Beata Eliżabetta tat-Trinità. Ngħidilkom is-sewwa ma tantx kont naf dwarha. Iżda meta bdejt naqra dwarha u x’kitbet nista’ ngħid li moħħi u qalbi nfetħu għal rejaltiet tabilħaqq interessanti. U, illum ngħid, li ħajti kienet tiftaqar li kieku ma dħaltx f’dawn il-kitbiet daqshekk sbieħ u li jfejqu l-qalb u r-ruħ!

Il-Beata Eliżabetta tat-Trinità twieledet fil-kamp militari ta’ Avord, ġewwa Franza, nhar 18 ta’ Lulju 1880. Il-kbira fost familja ta’ żewġt ibniet, jiġifieri hi u oħtha Margaret, sa minn età żgħira daqet l-imrar tal-ħajja meta tilfet lil missierha meta kellha biss 7 snin.

Il-karattru tagħha ma kienx wieħed faċli. L-istorja tagħha tgħidilna li kienet sensittiva, ta’ rasha u jitlagħlha malajr. Madankollu t-tifla kellha qalbha miftuħa beraħ. Tant hu hekk li meta seħħilha tagħmel l-ewwel qrara tagħha kienet determinata li tibda’ gwerra dejjiema kontra l-karattru diffiċli tagħha. Fil-kitbiet tagħha Eliżabetta issejjaħ dan il-jum partikulari fil-mixja spiritwali tagħha bħala “il-ġurnata tal-konverżjoni tiegħi”. Hija baqgħet tissielet mal-karattru tagħha sal-età ta’ 19-il sena. Wara li rċeviet lil Ġesù għall-ewwel darba fit-tqarbin imqaddes Eliżabetta kellha l-grazzja iżżur ma’ ommha il-Karmelu ta’ Dijon. Jumejn wara din iż-żjara l-Madre kitbitilha hekk liċ-ċkejkna: “Binti hemm misteru kbir moħbi wara ismek… inti jismek Dar ta’ Alla. Hemm qegħdin jgħammru t-Tlieta li inti tħobb”. Minn hemm ‘il quddiem Sabeth, l-isem li bih kienet magħrufa Elizabetta, bdiet miexja profonda ta’ għarfien ta’ din ir-rejaltà daqshekk kbira u ta’ sbuħija mill-aqwa.

Meta kellha l-eta’ ta’ 14-il sena bdiet tħoss l-istedina ta’ Ġesù li jgħarrasha miegħu. Kien hawn fejn Sabeth sabet ostakolu kbir: ommha. Dan il-fatt iżda ma gerrixx lil Sabeth milli tgħix ħajjitha b’serenità. Tant hu hekk li ssuktat timxi ‘l quddiem fil-mgħodija mużikali tagħha bħala pjanista. Ħilitha tant kemm kienet kbira li fuq fomm kulħadd kien hemm l-istess għajta: x’futur sabiħ kien hemm lest għal Sabeth! Sabeth kienet ukoll tagħti daqqa t’id fil-parroċċa fejn kienet tgħix permezz tat-tagħlim tal-Katekiżmu, id-daqq tal-orgni u l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ.

L-affarijiet ħadu xejra differenti f’ħajjitha meta għalqet 21 sena. Kien f’din l-età li ommha ċediet u tatha l-barka tagħha biex tkun tista’ tidħol fil-Karmelu ta’ Dijon. Hija daħlet nhar il-Festa tal-Porzjunkola, jiġifieri nhar it-2 t’Awwissu 1901. Sabeth libset il-libsa ikkonsagrata Karmelitana nhar it-8 ta’ Diċembru tal-istess sena u s-superjuri tagħha tawha l-isem ta’ Swor Eliżabetta tat-Trinità. In-novizzjat għaliha kien mument ta’ prova kbira. Batiet fuq li batiet f’ruħha. Madankollu wara x-xitwa qalila tan-novizzjat hekk kif għamlet il-professjoni reliġjuża tagħha dehret b’mod tal-għaġeb għaliha rebbiegħa ta’ grazzji kbar. Aktar ma bdiet tikber fil-grazzja tal-Mulej aktar Eliżabetta bdiet tagħraf li s-sejħa tagħha fil-Knisja kienet ‘avvent ieħor’ li kellu bħala għan l-Inkarnazzjoni tal-Verb fl-erwieħ tal-bnedmin.

Is-sinsla tal-ħajja spiritwali tal-Beata Eliżabetta kienu l-kliem ta’ Ġesù fil-vanġelu skont San Ġwann: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14:23). Bil-qawwa tal-grazzja ta’ Alla li fiha saret xmara ta’ ilma frisk u ħaj Eliżabetta bdiet tgħix ħajja mill-aktar maqgħuda mat-Trinità li kienet tħoss tgħix ġewwa fiha. Ta’ għalliema għarfa u umli li kienet Eliżabetta għaddiet it-teżor tal-esperjenza tagħha lil ħaddieħor. Eliżabetta kitbet mat-13-il meditazzjoni lil oħtha Margaret u semmiethom Kif issib il-Ġenna fl-art. Misjuqa mill-prijura tagħha Eliżabetta kitbet il-meditazzjonijiet li għamlet fl-aħħar irtir tagħha hawn fl-art.

F’Ġunju tal-1903 Eliżabetta tat bidu għall-kalvarju tagħha fl-art. Kien f’din is-sena li mardet bl-Addison Disease. Minkejja li kienet fl-eħrex tbatija fuq is-salib tal-mard tagħha Eliżabetta aktar issuktat titwaħħad ma’ Kristu Msallab. L-imħabba tagħha għalih wasslietha biex toffri tbatijietha għas-salvazzjoni tal-erwieħ u biex il-Knisja tissokta tissaħħaħ. Aktar ma Eliżabetta ingħatat lilha innifsha għall-Mulej permezz tal-offerta ta’ tbatijietha aktar bdiet tara l-grazzja tiegħu tfur minn ġo fiha għall-oħrajn. Il-grazzja tal-Mulej fiha tant kemm kienet qawwija li Eliżabetta bdiet issejjaħ lilha nfisha Tifħir tal-Glorja. Dan kien l-għan aħħari u ewlieni ta’ ħajjitha. U xtaqet li tkun hekk mhux biss fis-sema imma, u fuq kollox, minn din id-dinja stess!

F’Novembru tal-1904 Eliżabetta, imnebbħa minn Alla Trinità, l-għaxqa ta’ dak kollu li hi, kitbet b’tant imħabba t-talba tagħha lit-Trinità. F’din it-talba ta’ Eliżabetta wieħed ma jistax ma japprezzax il-profondità tal-għaqda tagħha mal-qalba tal-misteru tal-fidi tagħna Nisranija. L-aħħar kliem li lissent fuq din l-art huma xhieda ta’ kemm l-għaqda tagħha mat-Trinità kienet tassew profonda: “Sejra lejn id-dawl, lejn l-Imħabba, lejn il-ħajja’. Eliżabetta marret fid-Dar ta’ Missierna tas-Sema nhar id-9 ta’ Novembru 1906. Kien nhar il-25 ta’ Novembru tal-1984 meta Eliżabetta tat-Trinità ġiet ibbeatifikata fil-Bażilika Vatikana flimkien ma’ José Manyanet y Vives u Daniel Brottier. Min jista’ jinsa’ l-kliem tassew sabiħ li ħarġu minn fomm San Ġwann Pawlu II fl-omelija tal-beatifikazzjoni tagħha: “Illum nippreżentaw lid-dinja lil din ir-reliġjuża klawstrali li għexet ħajja ‘moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla’ (Kol 3:3) l-għaliex hija xhieda imdawwla tal-ferħ li wieħed ikun miżrugħ u msejjes fl-imħabba (ara Efes 3:17). Hija tiċċelebra l-isplendur ta’ Alla l-għaliex għexet fil-qalba tal-preżenza tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u li fihom għarfet ir-rejaltà ħajja tal-imħabba bla tmiem” (nru.5).

Tixtieq li ħajtek tkun xhieda mdawwla tat-Trinità Qaddisa? Tixtieq li ħajtek tkun ċelebrazzjoni waħda tal-isplendur ta’ Alla Trinità, li ħalqek fuq xbiehetu u fdiek b’mod tal-għaġeb? Tixtieq li ħajtek tkun Tifħir tal-Glorja bħalma kienet dik tal-Beata Eliżabetta tat-Trinità? Nissuġġerilek li titlob din it-talba li kitbet il-Beata Eliżabetta lit-Trinità Qaddisa.

“O Alla tiegħi, Trinità li nqim, għinni ninsa għal kollox lili nnifsi biex ngħammar fik, fis-sod u fis-sliem qisha ruħi ġa qiegħda fl-eternità; jalla xejn ma jkun jista’ jtellifli s-sliem jew iġegħelni nitbiegħed minnek, o Alla tiegħi li fik ma hemmx tibdil, iżda kull minuta teħodni aktar ‘il bogħod fil-fond tal-Misteru tiegħek! Agħti s-sliem lil ruħi. Agħmilha l-ġenna tiegħek, l-għamara għażiża tiegħek u l-post tal-mistrieħ tiegħek. Jalla ma nħallik qatt waħdek, imma nkun hemm jien, kollni kemm jien, dejjem nishar fil-fidi tiegħi, dejjem inqimek, dejjem mogħtija għall-ħidma ħallieqa tiegħek”.

Hux kemm iħollok kliem din it-talba lit-Trinità Qaddisa! Mela għax ma titlobhiex kuljum? Int min fejn int? Basta temmen li kliemha hu Hi, it-Trinità! It-Trinità, l-għamara tiegħi! It-Trinità, li fiha m’hemmx tibdil! It-Trinità, il-ġenna tiegħi! It-Trinità, il-post veru u uniku tal-mistrieħ tiegħi!

X’ħajja sabiħa għandi bik O Trinità Qaddisa! Bik u fiha ħajti saret it-Tiħir tal-Glorja tiegħek!

One thought on “Tifħir tal-Glorja”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading