Ma nafx nitlob! X’għandi nitlob?

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Nammetti! Inħobb nitgħallem! Anzi! L-hena tiegħi nitgħallem! U, ħafna drabi, l-aktar tagħlimiet kbar tgħallimthom mill-ktieb tal-ħajja u mhux tal-karta! Minn nies sempliċi u umli u mhux minn dawk ta’ mneħirhom imxammar u li jaħsbu li jafu ħafna! Li jafu kollox!

Ġieli nies ta’ qalb kbira, li quddiem il-Mulej qalbhom tixgħel bis-sinċerità u bl-imħabba li hemm fihom, fosthom intom, jistaqsuni: “Patri! Ma nafx nitlob! X’għandi nitlob?” L-ewwel nett nixtieq iva nirringrazzja minn qalbi lil dawn in-nies kbar. L-għaliex huma propju huma li tant jitfgħuni nirgħa f’misteri kbar tal-ħajja. Issa jien, li m’għandix it-tweġibiet ta’ kollox, salpajt għal dan il-vjaġġ li jismu: “Ma nafx nitob! X’għandi nitlob?” U, jiena wkoll terraqt u għandi nterraq ħa nara ftit xi tweġiba għandi nieħu għalija u għall-oħrajn.

Bdejt inħabbat il-bibien. U nistaqsi. Sakemm fl-aħħar il-Mulej tal-glorja ħariġli b’waħda tassew sabiħa li illum, ferħan ferħan, se naqsamha magħkom. Għax intom ħbieb tiegħi! Fit-talb tiegħi lill-Missierna tas-Sema, f’Isem u bid-Demm ta’ Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, u bit-talb qawwi u li jċaqlaq il-blat ta’ Ommna Marija, għandi nitlob għal dawn il-ħwejjeġ. L-ewwel, għandi nitlob biex ikolli relazzjoni tajba ma’ Alla-Trinità! Issa dan qed ngħidu mhux l-għaliex is-superjuri tiegħi bagħtuni l-Parroċċa tal-Marsa tafux! Imma l-għaliex hekk hu! Għandi nitlob lill-Missier ħalli f’ħajti nirrelata miegħu ta’ Missieri. Għandi nitlob lil Ġesù l-għaliex huwa s-Salvatur tiegħi. Għandi nitlob lill-Ispirtu s-Santu għaliex huwa n-nifs tiegħi! Dak li jqaddisni u li jikkowċjani fil-ħajja! U anki għandi nitlob ukoll lil Marija biex tkun ommi. Xi ġmiel! Fil-Marsa aħna l-Kapuċċini għandna Parroċċa sabiħa iddedikata lilha. Mela issa għandi pakkett komplet!

It-tieni, għandi nitlob ukoll lill-Mulej biex inkun f’saħħti. Iva! Is-saħħa importanti! U dan jgħallmhuli b’tant qawwa intom ħbieb, intom in-nies sempliċi u umli li bikom il-Mulej jagħmel turrun ġid!

It-tielet, irrid nitlob lill-Mulej biex jipprovdili l-boqxiex! Mela! Għax mingħajr flus mhux biss la tgħannaq u lanqas tbus imma mingħajr flus ma tagħmel xejn! M’aħniex qed ngħidu li nimplawhom tafux. Imma li jkolli biżżejjed biex ngħix jien, uliedi u biex ngħin lill-batut. Din, wara kollox, hija dinjità ta’ ulied Missierna tas-Sema li hu ġeneruż u mhux qammiel!

Ir-raba’, ħa nitlob lill-Mulej biex ir-relazzjonijiet li għandi mal-oħrajn jitjiebu u jissaħħu! Iva! Nitolbu biex jagħtini ħbieb imma mhux dawk li rrid jien. Jew noħlom fuqhom li jkolli. Jekk ma rridx li miegħi inkun qed nitma’ lil Ġuda l-Iskarjota mhux aħjar jekk lill-Mulej nitolbu biex jagħtini ħbieb skont qalbu? U dawk il-ħbieb li magħhom qed inħoss textix kbir fil-kuxjenza tiegħi u mhu qed jogħġbuni xejn mhux aħjar jekk ngħidlu naqra biex jekk ġejjin minnu jħallihomli u jekk le jfittex jaqtagħhom minn miegħi? Illum qabel għada? X’taħsbu ħbieb?

U, fl-aħħar nett, fit-talb tiegħi lill-Mulej ejja nitolbu biex nagħraf it-tajjeb mill-ħażin. U l-aħjar mit-tajjeb. Jiġifieri nitolbu għad-don tad-dixxerniment. F’kelma waħda, nitolbu għad-don li jiena nagħmel f’kollox, anki fl-iċken ħaġa żgħira, ir-rieda tiegħu. Għax dak li jridli hu dejjem hu l-aħjar għalija! X’taħseb sieħbi?

Mela int, li bħali, ġieli għedt, “ma nafx nitlob! X’għandi nitlob?” għaliex ma tagħmilx miegħi din it-talba kuljum?

Mulej, saħħaħ ir-relazzjoni tiegħi miegħek Missier, miegħek Iben u miegħek Spirtu s-Santu. Orbotni wkoll ma’ Ommi Marija. Mulej, żommni f’saħħti u ipprovdili l-boqxiex (il-flus) ħa ngħajjex bihom lill-familja tiegħi u nieħu ħsieb lill-batut ukoll. Mulej, sibli int il-ħbieb li huma tajbin għalija. U dawk li m’humiex aqtagħni minn magħhom. Fl-aħħar nett, Mulej agħtini l-għerf biex nagħraf u nagħmel dejjem, anki fl-iċken ħaġa, dak li trid minni int f’ ħajti. Amen.

Issa taf titlob sieħbi! Nissuġġerilek li din it-talba tibgħatha f’email, f’sms jew inkella ippowstjaha fuq il-Facebook tiegħek! Kun protagonist sieħbi!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading