Onfoħ!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Pajjiżna sar multi-kulturali. Dan ifisser li kull kultura iġġib magħha r-reliġjon u d-drawwiet tagħha. F’artna, bħal f’pajjiżi ferm akbar minna, qiegħdin inħossu wkoll il-bżonn li niltaqgħu bejnietna. Niddiskutu. Ħa narrikkixxu ruħna. Ħa naraw lil oħrajn bħala rigal u qatt bħala theddida. Kif nittammaw u naħdmu li huma jaraw lilna.

Persuna Musulmana qaltli xi ħaġa li qatt ma kont ħsibt dwarha qabel. Qaltli li fil-Koran hemm miktub li Alla nefaħ fuq il-ġuf ta’ Marija u din nisslet lil Ġesù. Meta ħsibt fuqha rajt x’ tifsira kbira hi din. Aktar u aktar meta ġejja minn reliġjon li tiċħad, b’mod miftuħ, li Ġesù huwa Alla.

It-tifsira għoġbitni u ġaligħtni naħseb. Aħna l-Insara, li nemmnu li Alla huwa Missier, Iben u Spirtu Santu, naraw dan il-vers Koraniku ifisser b’mod qawwi kif Ġesù, l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla, sar bniedem bħali u bħalek. Alla, jiġifieri l-Missier, nefaħ. Fil-Kredu ngħidu li l-Ispirtu s-Santu ġej mill-Missier, permezz tal-Iben. Mela, l-oriġini tal-Ispirtu s-Santu huwa l-Missier. Hekk hu! Il-Missier nefaħ! Nefħu. U l-Ispirtu, li xejn ma jista’ jżommu l-għaliex huwa ‘l fuq mill-liġijiet naturali, għadda minn ħdan il-Missier sakemm wasal fil-ġuf ta’ Marija Verġni. Hekk tnissel Ġesù Kristu. Xi grazzja hux! Alla l-Missier, permezz tal-Ispirtu s-Santu, tana dak li jgħix fi ħdanu stess, lil Ġesù!

Din it-tifsira sabiħa u profonda għallmittni ħaġa kbira: Kemm hu mportanti li n-nies tiltaqa’ magħhom ħalli issir tafhom. U tkun taf x’ħobż jieklu. Ħafna aħjar milli biss tisma’ fuqhom. Iva. Kull persuna hija differenti. L-għaliex fiha jew jirbaħ it-tajjeb inkella l-ħażin. Imma b’daqshekk m’għandna qatt naqgħtuha. Anzi! Ngħinuha toħroġ minnha innifisha. Bil-paċenzja. Bl-imħabba. Bil-korezzjoni. U, jekk hemm bżonn, bl-applikazzjonijiet tal-liġi.

Spiss jiġini quddiem għajnejja d-diskors sabiħ li għamel Papa Franġisku meta iltaqa’ mal-komunità Musulmana fil-Moskeja Ċentrali ta’ Koudoukou, f’Bangui, fir-Repubblika Ċentrali tal-Afrika, nhar it-Tnejn 30 ta’ Novembru, 2015. F’dak id-diskors il-Papa kien qal li kien “pjaċir kbir tiegħ[u]” li jiltaqa’ ma’ dawn in-nies ta’ responsabbiltà u persuni ta’ twemmin Musulman. Il-Papa apprezza l-gratitudni tiegħu għall-laqgħa kbira li tawh. Saħanistra wasal biex qal li ż-żjara pastorali tiegħu fir-Repubblika Ċentrali tal-Afrika ma kinitx tkun sħiħa li kieku ma seħħitx il-laqgħa mal-komunità Musulmana.

Minħabba li aħna l-Insara, il-Lhud u l-Misilmin, nagħrfu lill-patrijarka Abraham bħala l-missier tagħna fil-fidi, il-Papa ikkonkluda li “l-Insara u l-Musulmani aħwa”. Issokta, “għalhekk irridu naraw lilna nfusna hekk, inġibu ruħna t’hekk”. Il-Papa qal li l-vjolenza ma sseħħx “minħabba raġunijiet eżattament reliġjużi”. Għaraf il-fatt li l-Insara u l-Musulmani, flimkien ma’ nies ta’ reliġjonijiet oħra, “għexu flimkien fil-paċi għal bosta snin”. Papa Franġisku saħaq bil-kbir “li nibqgħu magħqudin biex jieqfu l-azzjonijiet kollha li, minn naħa u minn oħra, jisfiguraw il-wiċċ ta’ Alla u li fil-fatt, l-għan tagħhom hu li jiddefendu b’kull mezz l-interessi partikolari, b’detriment għall-ġid komuni”. Il-Papa kien ċar kontra l-vjolenza: “ngħidu le għall-mibgħeda, le għall-vendetta, le għall-vjolenza, partikolarment dik li ssir f’isem xi reliġjon jew f’isem Alla. Alla hu paċi, Alla salam”.

Insara u Musulmani, anki f’pajjiżna, irridu nilqgħu l-isfidi tal-mument. Din hija responsabbiltà reliġjuża tagħna ilkoll. Hija fir-responsabbiltà tagħna, l-Insara u l-Musulmani, li nerġgħu lura għall-“armonija u l-fraternità”. Ejjew ma ninsewx f’tant ġesti ta’ solidarjetà li jsiru bejn il-membri taż-żewġ reliġjonijiet.
Jekk huwa għall-ġid komuni ta’ dan il-pajjiż ħa ssir konsultazzjoni nazzjonali wiesgħa ħa naraw kif nistgħu ngħixu flimkien fl-għaqda bejnietna billi nippromovu d-dinjità tal-bniedem, is-sehem u r-responsabbiltà ta’ kulħadd għall-ġid u l-progress, ir-rikonoxxenza tal-patrimonju materjali u spiritwali tal-pajjiż, il-libertà reliġjuża fejn il-minoranza u l-maġġoranzja ma jtellfux id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ xulxin, u fejn il-kultura tal-inkontru tal-popli tiġi ipprommovuta

Ejjew nitfu l-fuklari tat-tensjoni. Ejjew, bħalma qal il-Papa f’Bangui, nitolbu u naħdmu “għar-rikonċiljazzjoni, għall-fraternità u s-solidarjetà bejn kulħadd”.

Spirtu s-Santu, Alla tal-għaqda , onfoħ!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading