Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Id-duttrini u l-ideoloġiji jsaħħru imma huwa l-Ispirtu s-Santu li jmexxina ‘l quddiem

Id-duttrini u l-ideoloġiji jsaħħru imma huwa l-Ispirtu s-Santu li jmexxina ‘l quddiem


Il-Ħamis 6 ta’ Ottubru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Illum il-qari jkellimna dwar l-Ispirtu s-Santu, beda jgħid il-Papa waqt ir-riflessjoni li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

L-Ispirtu hu r-rigal il-kbir li jtina l-Missier, hu l-qawwa li tgħin lill-Knisja toħroġ bil-kuraġġ biex tasal sa truf id-dinja. L-Ispirtu hu l-protagonista tal-mixja ‘l quddiem tal-Knisja. Mingħajru hemm għeluq, biża’.

Il-Papa semma tliet atteġġjamenti li aħna jista’ jkollna lejn l-Ispirtu: l-ewwel wieħed hu ċ-ċanfira li San Pawl jagħti lill-Galatin: taħsbux li tistgħu tkunu ġustifikati permezz tal-Liġi u mhux permezz ta’ Ġesù li hu ‘s-sens tal-Liġi’. Dan kien jagħmilhom riġidi żżejjed. Huma dawk li kienu jattakkaw lil Ġesù u li l-Mulej sejħilhom ‘ipokriti’.

Dir-rabta żejda mal-liġi ġġegħilna nwarrbu lill-Ispirtu s-Santu, qal il-Papa. Ma tħallix il-qawwa tar-redenzjoni ta’ Kristu tasal għandna flimkien mal-Ispirtu s-Santu.

Hu minnu li hemm il-Kmandamenti u aħna għandna nħarsuhom, imma dejjem bil-grazzja ta’ dan ir-rigal kbir li tana l-Missier, Ibnu, ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu. B’hekk nifhmuha l-liġi. Iżda m’għandniex nirriduċu l-Iben u l-Ispirtu f’Liġi.
Din kienet il-problema ta’ dawn in-nies: kienu jinjoraw lill-Ispirtu s-Santu u ma kinux jafu jimxu ‘l quddiem. Kienu magħluqin, magħluqin fir-regoli: irid isir hekk u hekk. Lilna wkoll kultant jiġrilna li naqgħu f’din it-tentazzjoni.

Id-Dutturi tal-Liġi, issokta l-Papa, issaħħru bl-ideat. Għax l-ideoliġiji jsaħħru. Hekk jgħidilhom Pawlu lill-Galatin: ‘Min saħħarkom?’ Dawk li jipprietkaw bl-ideoloġiji jfittxu li kollox ikun skont ir-regola. Iridu kollox ċar.

Imma r-rivelazzjoni ta’ Alla mhix ċara. Ir-rivelazzjoni ta’ Alla nsibuha ftit, ftit kuljum: dejjem f’mixja. Ċara din? Iva, ċara ħafna! Huwa hu dak li hu, imma aħna rridu nfittxuha f’mixja. U dawk li jaħsbu li għandhom il-verità kollha, huma injoranti. Pawlu jgħid aktar, kompla Franġisku: ‘Boloh’, ħallew lil min isaħħarhom.

It-tieni atteġġjament hu li nnikktu lill-Ispirtu s-Santu. Dan jiġri meta ma nħalluHx jispirana, imexxina fil-mixja Nisranija tagħna; meta ma nħalluHx jgħidilna, mhux bit-teoloġija tal-Liġi, imma bil-libertà tal-Ispirtu, dak li għandna nagħmlu. B’hekk, spjega l-Papa, nibirdu, naqgħu fil-medjokrità Nisranija għax l-Ispirtu ma jkunx jista’ jwettaq l-opra kbira tiegħU fina.

It-tielet atteġġjament hu li ninfetħu għall-Ispirtu s-Santu u nħalluH imexxina Hu. Hekk għamlu l-Appostli: il-kuraġġ ta’ jum il-Pentekoste. Insew il-biża’ u nfetħu għall-Ispirtu s-Santu.

Biex nifhmu, biex nilqgħu kliem Ġesù, afferma l-Papa, jeħtieġ li ninfetħu għall-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. U meta bniedem jinfetaħ għall-Ispirtu s-Santu jkun jixbah dgħajsa bil-qlugħ li tħalli r-riħ imexxiha biex timxi ‘l quddiem, u tibqa’ miexja, miexja mingħajr ma tieqaf. Imma biex ninfetħu għall-Ispirtu s-Santu rridu nitolbu.

Illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna, f’kull waqt tal-ġurnata: jien qed ninjorah lill-Ispirtu s-Santu? Naf jekk hux biżżejjed li mmur il-quddies il-Ħadd, u nagħmel xi ħaġ’oħra?

It-tieni: ħajti hi nofs u nofs, bierda, li tnikket lill-Ispirtu s-Santu u ma tħallilix il-forza li nimxi ‘l quddiem, li ninfetaħ, jew, fl-aħħar mill-aħħar, ħajti hi talba kontinwa biex ninfetaħ għall-Ispirtu s-Santu ħalli Hu jmexxini ‘l quddiem bil-ferħ tal-Vanġelu u jgħinni nifhem id-duttrina ta’ Ġesù, il-veru duttrina li mhux issaħħarni, li ma tagħmilniex ‘boloh’, il-veru waħda? Id-duttrina li turina fejn tinsab verament id-dgħufija tagħna, id-dgħufija li lilU tnikktu.

Id-duttrina li lilna tmexxina ‘l quddiem biex magħna mmexxu ‘l quddiem l-isem ta’ Ġesù u nwassluh lill-oħrajn billi ngħallmuhom it-triq tas-salvazzjoni. Ninfetħu għall-Ispirtu s-Santu biex ma nsirux ‘boloh’, imsaħħrin, u lanqas bnedmin li jnikktu lill-Ispirtu s-Santu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. July 11, 2017 at 4:37 pm

    Il-Papa hu don tal-Ispirtu Santu. Hu jressaqna lejn l-essenzjali tal-Fidi u ma noqoghdux nintilfu fl-irqaqat.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: