Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Għandna ngħidu ‘le’ għal reliġjon mibnija fuq il-kożmetika

Għandna ngħidu ‘le’ għal reliġjon mibnija fuq il-kożmetika


It-Tlieta 11 ta’ Ottubru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Fir-riflessjoni li għamel dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta fil-Vatikan, il-Papa Franġisku qal li Ġesù talabna nagħmlu opri tajba u niċħdu r-reliġjon tal-kożmetika, tal-‘make-up’, li moħħha biss dwar kif tidher minn barra u tagħmel tabirruħha li tidher dak li fil-fatt mhijiex.

 

Franġisku kkummenta dwar l-ewwel qari meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin u dwar il-Vanġelu li fih naraw lil Ġesù jċanfar lill-Fariżej li moħħhom kien medhi biss fuq kif jidhru minn barra aktar milli fuq is-sustanza tal-fidi.

Il-Papa Franġisku nnota li t-tweġiba lill-istess Fariżew li kien ikkritikah għax ma ħasilx idejh qabel l-ikel, kienet waħda mingħajr appell.

‘Intom il-Fariżej, minkejja li taħslu t-tazza u l-platt minn barra, minn ġewwa mimlijin bil-ħmieġ tas-serq u l-ħażen.’ U lil dawn in-nies Ġesù jtennihielhom kemm-il darba din iċ-ċanfira: ‘Intom minn ġewwa ħżiena, dan mhux tajjeb u m’intomx ħielsa. Intom ilsiera għax ma aċċettajtux il-ġustizzja li ġejja minn Alla’ – il-ġustizzja li ġabilna Ġesù.

F’punt ieħor tal-Vanġelu, issokta l-Papa, Ġesù jħeġġiġna biex nitolbu fis-satra, mingħajr pompi, mhux bħal dawk bla mistħija li jitolbu u jagħtu l-karità biex jidhru u jammirawhom. Il-Mulej saħaq dwar it-triq tal-umiltà.
Franġisku kompla jispjega li, kif qal Ġesù, l-importanti hu l-ħelsien li ngħatalna permezz tar-redenzjoni.

Il-ħelsien interjuri huwa l-libertà li nagħmlu opri tajba bis-satra, mingħajr ma ndoqqu trombi, għax il-mogħdija tar-reliġjon vera hi dik ta’ Ġesù: umiltà u umiljazzjoni. U kif jgħid San Pawl lill-Filippin, Ġesù jiċċekken, jitneżża’ minn kollox. Dan hu l-uniku mod li bih aħna nistgħu nneħħu l-egoiżmu, ir-regħba, l-arroganza, il-vanità u l-mondanità minna nfusna.

Kontra ta’ dan, in-nies li jċanfar Ġesù huma dawk li għandhom reliġjon tal-kożmetika, biex jidhru, u jippretendu li huma xi ħaġa meta minn ġewwa….. Ġesù juża kelma iebsa ħafna….. huma oqbra mbajda…. biex jidhru sbieħ minn barra, imma minn ġewwa mimlijin għadam tal-mejtin u b’kull għamla ta’ korruzzjoni.

Il-Papa kompla jgħid li Ġesù jitlobna nagħmlu l-ġid bl-umiltà. Tista’ tagħmel il-ġid kollu li trid imma jekk ma tagħmlux bl-umiltà, kif għallimna Ġesù, dawn l-opri tajba ma jiswewx għax ikunu mibdijin miċ-ċertezzi tiegħek aktar milli mir-redenzjoni li tana Ġesù.

Dir-redenzjoni taslilna mill-mogħdija tal-umiltà u l-umiljazzjoni għax l-umiltà qatt ma tasal mingħajr umiljazzjoni, qal il-Papa. Aħna naraw lil Ġesù umiljat fuq is-Salib.

Ejjew nitolbu lil Ġesù biex qatt ma nehdew nimxu f’dit-triq, biex qatt ma ngħejjew niċħdu r-reliġjon tal-apparenzi, tal-pretensjoni. U ejjew nagħmlu dal-vjaġġ fis-skiet, nagħmlu l-ġid bil-libertà bħalma aħna rċevejna b’xejn il-libertà interjuri tagħna.

U jalla, temm il-Papa, Hu jibqa’ jindokra din il-libertà fina lkoll. Ejjew nitolbuhielu din il-grazzja.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: