Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Alla ħolom b’kull wieħed u waħda minnha

Alla ħolom b’kull wieħed u waħda minnha


Il-Ħamis 13 ta’ Ottubru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-insara għandhom iħossuhom dejjem fil-bżonn li jkunu maħfura, jibqgħu dejjem mexjin biex jiltaqgħu ma’ Alla, afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta. In-nisrani tajjeb irid iħoss dejjem miegħu l-barka ta’ Alla biex jibqa’ jagħmel il-ġid.

 

Il-Papa beda r-riflessjoni mill-ittra ta’ San Pawl lill-Efesin u qal li n-nisrani hu mbierek mill-Missier, minn Alla.  Liema huma s-sinjali ta’ dil-barka għan-nisrani, staqsa l-Papa?

In-nisrani hu persuna magħżula.  Alla jsejħilna wieħed wieħed, waħda waħda, mhux bħal xi folla enormi.  Aħna, saħaq il-Papa, konna magħżulin u l-Missier qed jistenniena.

Il-Papa ġab l-eżempju ta’ koppja li tkun qed tistenna tarbija, li tibda’ tistaqsi: kif se tkun? Kif se tkun it-tbissima tagħha? Kif se titgħallem titkellem?

Jien nażżarda ngħid, issokta Franġisku, li aħna wkoll konna fil-ħolm tal-Missier bħalma l-ġenituri joħolmu dwar it-tarbija li jkunu qed jistennew.  Dan hu ta’ serħan kbir.  Il-Missier ried lilek, mhux il-massa tan-nies – lilek, kull wieħed u waħda minnha. U l-qofol ta’ kollox hi r-relazzjoni tagħna ma’ Alla.  Aħna nitkellmu ma’ Missier li jridilna l-ġid, li tana isem.  U meta nisrani ma jħossux magħżul mill-Missier, dan ikun jidher fih.  Imma meta jħossu parti minn komunità ikun qiesu sapporter ta’ tim tal-futbol li jkun għażel it-tim li jrid iżomm miegħu.

In-nisrani hu magħżul u kien il-ħolma ta’ Alla.  U meta ngħixu hekk, żied il-Papa, inħossu faraġ kbir fi qlubna, ma nħossuniex abbandunati, ma’ jgħidulniex “irranġa kif tista’”.

It-tieni aspett tal-barka li għandu n-nisrani hi li jħossu maħfur.  Bniedem li ma jħossux maħfur ma jistax ikun nisrani “sħiħ”. Ilkoll kemm aħna ġejna maħfura bil-prezz tad-demm ta’ Kristu.  Imma x’inħafrili?

Aħseb ftit, issokta Franġisku, u ftakar fl-affarijiet koroħ li għamilt, mhux dawk li għamel sieħbek, qaribek: dak li għamilt int. Dan hu li ħafer il-Mulej.  Għalhekk jien imbierek, jien nisrani.

Mela: l-ewwel jien kont magħżul, Alla ħolomni b’isem li Alla nnifsu tani, maħbub minn Alla. It-tieni: jien maħfur minn Alla.

It-tielet aspett, kompla Franġisku: in-nisrani hu bniedem miexi lejn il-milja, lejn il-laqgħa ma’ Kristu li fdiena.  In-nisrani jrid jibqa’ miexi dejjem. Nisrani bla ħeġġa ma jagħmilx sens.

In-nisrani “ċass” hu dak li rċieva t-talent u minħabba li jibża’ għal ħajtu, minħabba li jibża’ li jitilfu, jew minħabba li jibża’ minn sidu, minħabba l-biża’ jew il-kumdità, jqatta ħajtu “wieqaf”.

In-nisrani veru hu bniedem miexi li dejjem jagħmel il-ġid,  li dejjem ifittex li jagħmel it-tajjeb, li jimxi ‘l quddiem. Dan hu r-ritratt tan-nisrani: imberkin għax magħżulin, għax maħfura u għax dejjem mexjin.

Aħna, temm Franġisku, għandna identità, m’aħniex anonimi, m’aħniex suppervi li naħsbu li m’għandniex bżonn il-maħfra.  Aħna m’aħniex statiċi.

Jalla l-Mulej jakkumpanjana b’dil-grazzja tal-barka tiegħu, jiġifieri l-barka tal-identità nisranija tagħna.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: