Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > In-Nisrani għandu jkun dejjem f’mixja biex jagħmel il-ġid

In-Nisrani għandu jkun dejjem f’mixja biex jagħmel il-ġid


Il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Biex nimxu wara l-Mulej hu fundamentali li ma nqarrqux bina nfusna, ma nigdbux, għax inkella naqgħu fl-ipokresija, dik l-iskizofrenija spiritwali li minħabba fiha ngħidu ħafna affarijiet imma mbagħad ma nipprattikawhomx, qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.

 

Fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù jistedinna nħarsu ruħna mill-ħmira tal-Fariżej, jiġifieri l-ipokrisija. Il-Papa osserva li hemm ħmira tajba u ħmira ħażina, il-ħmira li tkabbar is-Saltna t’Alla u dik li hi s-Saltna t’Alla fid-dieher biss.

Il-ħmira, issokta l-Papa, dejjem tgħolli l-għaġna; meta tkun tajba, konsistenti, issir ħobż tajjeb, għaġna tajba: tikber sew. Imma l-ħmira l-ħażina ma ttellax l-għaġna sewwa.

Franġisku fakkar fatt ta’ tfulitu meta fil-Karnival in-nanna kienet tagħmel il-fritturi, b’għaġina rqiqa ħafna. U meta kienet titfagħhom fiż-żejt jagħli, l-għaġina kienet tintefaħ, imma meta kienu jikluhom, minn ġewwa kienu jkunu vojta.
In-nanna kienet tgħidilhom li bid-djalett dawk il-fritturi kienu jsejħulhom ‘bugie’, gideb. ‘Dawn,’ kienet iżżid in-nanna, ‘huma bħall-gideb, jidhru kbar imma minn ġewwa vojta; fil-verità ġewwa m’hemm xejn, m’hemmx sustanza.’

U Ġesù, kompla l-Papa, qalilna: ‘Iftħu għajnejkom mill-ħmira l-ħażina, dik tal-Fariżej.’ U liema hi dil-ħmira? L-ipokrisija.

Meta aħna nitolbu lill-Mulej b’xufftejna imma qalbna tkun ‘il bogħod minnu, dik hi ipokrisija.

L-ipokrisija hi firda interna: wieħed jgħid ħaġa u jagħmel oħra. Hi għamla ta’ skizofrenija spiritwali. Imbagħad l-ipokrita hu wkoll bniedem falz: jidher tajjeb, b’manjieri tajbin, imma jżomm l-istallett wara dahru.

Naħsbu ftit f’Erodi, mherri minn ġewwa, b’liema kortesija laqa’ lill-Maġi! U fil-ħin li kienu se jitilqu jgħidilhom biex jgħarrfuh fejn tinsab it-tarbija għax hu wkoll ried imur jaduraha – biex joqtolha! L-ipokrita ta’ żewġ uċuh. Falz.

Meta jitkellem dwar dawn id-Dutturi tal-Liġi Ġesù jgħid: ‘Dawn jgħidu, imma ma jagħmlux’ – għamla oħra ta’ ipokrisija. Nominaliżmu eżistenzjali: dawk li jaħsbu li għax ilabalbu, kollox sew!

Mhux biżżejjed il-kliem, hemm bżonn il-fatti. Imma l-ipokrita jemmen li bil-kliem biss isir kollox. Imbagħad l-ipokrita m’għandux ħila jakkuża lilu nnifsu, qatt ma jsib tebgħa fih innifsu, jakkuża biss lill-oħrajn, kompla jikkummenta l-Papa.
Niftakru fit-tibna u t-travu. Hekk nistgħu niddeskrivu dil-ħmira tal-ipokrisija.

Il-Papa stedinna nagħmlu eżami tal-kuxjenza biex nifhmu jekk aħna aħniex nikbru bil-ħmira t-tajba jew bil-ħażina. Nistaqsu: B’liema spirtu nagħmel l-affarijiet? B’liema spirtu nitlob? B’liema spirtu nġib ruħi mal-oħrajn? Bi spirtu li jibni? Jew bl-ispirtu li minnu toħroġ biss arja?

Huwa importanti li ma nqarrqux bina nfusna, ma nigdbux imma ngħidu dejjem il-verità.

B’liema sinċerità jqerru t-tfal, temm il-Papa! It-tfal fil-qrar qatt ma jigdbu, qatt ma jqerru dnubiethom bi kliem astratt. Imorru għad-dritt: għamilt hekk u hekk, konkreti kemm quddiem Alla u wkoll quddiem l-oħrajn.

Għaliex? Għax għandhom il-ħmira t-tajba, il-ħmira li tgħinhom jikbru kif tikber is-Saltna tas-Smewwiet. Jalla l-Mulej, permezz tal-Ispirtu s-Santu, itina lkoll il-grazzja ta’ moħħ ċar biex nagħrfu liema hi l-ħmira li qed tmexxi l-azzjonijiet tagħna.

Jien persuna leali, trasparenti, jew jien ipokrita?

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: