Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Mhux biżżejjed li nkunu nafu l-katekiżmu: biex insiru nafu lil Ġesù jeħtiġilna nitolbu

Mhux biżżejjed li nkunu nafu l-katekiżmu: biex insiru nafu lil Ġesù jeħtiġilna nitolbu


Il-Ħamis 20 ta’ Ottubru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Waqt l-omelija li għamel illum, fil-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal li l-katekiżmu waħdu mhux biżżejjed biex insiru nafu lil Ġesù sewwa, imma għandna bżonn ukoll it-talb, il-qima, u li nagħrfu li aħna lkoll midinbin.

 

Il-ħsieb tal-Papa kien imnebbaħ mill-ittra ta’ San Pawl lill-Efesin fejn l-Appostlu jitlob li huma jkunu msaħħin bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u biex Kristu jgħammar fi qlubhom.

Il-Papa osserva li Pawlu kien qed jitkellem dwar il-persuna ta’ Kristu, li hi baħar bla tarf, u staqsa: Kif nistgħu nkunu nafuh lil Kristu? Kif nistgħu nifhmu li mħabbtu tiżboq kull għerf tagħna?

Kristu hu preżenti fil-Vanġelu u aħna nkunu nafuH meta naqraw il-Vanġelu. Ilkoll kemm aħna nagħmluh dan, tal-anqas nisimgħu l-Vanġelu meta mmorru l-quddies, qal il-Papa.

Bl-istudju tal-katekiżmu nitgħallmu min hu Kristu. Imma dan mhux biżżejjed. Biex nifhmu l-wisa’, it-tul u l-għoli ta’ Ġesù Kristu, l-ewwel irridu nidħlu fid-drawwa li nitolbu kif għamel San Pawl għarkupptejh: ‘Mulej ibgħatli l-Ispirtu s-Santu biex insir naf lil Ġesù.’

Imma biex verament insiru nafu lil Ġesù, issokta l-Papa, it-talb waħdu lanqas ma huwa biżżejjed u, kif qal San Pawl, flimkien mat-talb għandha tiżdied il-qima lejn dal-misteru li jmur lil hinn mill-għarfien tagħna. Pawlu jitlob il-grazzja lill-Mulej biex itih dan l-ispirtu ta’ qima u adorazzjoni.

Ma nistgħux inkunu nafu lill-Mulej jekk ma ndaħħlux fina did-drawwa li nqimu, li nqimu fis-skiet, li naduraw. Jekk mhux qed niżbalja, kompla l-Papa, nemmen li aħna ma nafuhx sew dan it-talb ta’ adorazzjoni; hu fost l-anqas talb li nużaw.
Ippermettuli ngħid dan: aħlu l-ħin quddiem il-Mulej, quddiem il-misteru ta’ Ġesù Kristu. QimuH. Hemm, fis-skiet, fis-skiet tal-adorazzjoni. Hu s-Salvatur u jiena nqimu.

Il-Papa Franġisku qal li t-tielet ħtieġa biex insiru nafu sew lil Kristu hi li nkunu nafu sew lilna nfusna u bħala konsegwenza nidraw niddeskrivu ruħna bħala nies midinba.

Ma nistgħux nagħtu qima jekk ma nakkużawx lilna nfusna. Sabiex nidħlu f’dal-baħar bla qiegħ u bla limiti tal-misteru ta’ Ġesù Kristu, hu meħtieġ: l-ewwel it-talb: ‘Missier ibgħatli l-Ispirtu s-Santu biex imexxini ħalli nagħraf aħjar lil Ġesù’;
it-tieni: inqim il-misteru, nidħol fil-misteru u nqimu; it-tielet, nakkużaw lilna nfusna: ‘Jien bniedem b’xufftejn imniġġsa.’

Jalla l-Mulej jagħti lilna wkoll il-grazzja li talab Pawlu għall-Efesin, il-grazzja li nsiru nafu u niksbu lil Kristu, temm il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: