Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-Insara għandhom jirrifjutaw il-ġlied u jaħdmu għall-paċi

L-Insara għandhom jirrifjutaw il-ġlied u jaħdmu għall-paċi


Il-Ġimgħa 21 ta’ Ottubru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Umiltà, ħlewwa, ġenerożità. Waqt il-quddiesa tal-lum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal li dawn it-tliet kwalitajiet huma l-muftieħ tal-għaqda fil-Knisja. Għal darb’oħra, il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jirrifjutaw l-għira, l-invidja u l-ġlied.

 

‘Il-Paċi magħkom.’ Il-Papa Franġisku żviluppa l-omelija minn din it-tislima li l-Mulej jagħti u li biha ‘joħloq rabta’, rabta ta’ paċi. Tislima li tgħaqqadna biex inkunu ħaġa waħda fl-ispirtu.

Biex ikun hemm il-paċi, osserva Franġisku, jekk m’għandniex ħila nsellmu lil xulxin fl-aktar sens wiesa’ tal-kelma, jekk qalbna ma tkunx miftuħa għall-ispirtu tal-paċi, qatt ma jista’ jkollna l-għaqda.

Dan jgħodd ukoll, kompla josserva l-Papa, għall-għaqda fid-dinja, l-għaqda fl-ibliet, fil-kwartieri, fil-familja. L-ispirtu tal-ħażen jiżra’ l-gwerer, dejjem. L-għira, l-invidja, il-ġlied, it-tqassis… huma l-qerrieda tal-paċi u minħabba fihom ma jistax ikun hemm għaqda.

Kif għandu jkun l-atteġġjament tan-Nisrani biex ikun hemm l-għaqda, biex insibu din l-għaqda? Pawlu jiddikjaraha b’mod ċar: ‘Ġibu ruħkom bid-dinjità, b’kull umiltà, bil-ħlewwa u bil-ġenerożità.’

Dawn huma t-tliet atteġġjamenti. L-umiltà: ma nistgħux inġibu l-paċi mingħajr l-umiltà. Fejn hemm is-suppervja, dejjem hemm il-gwerra, dejjem hemm ix-xewqa li wieħed jegħleb lill-ieħor, li jaħseb li hu superjuri għal ħaddieħor. Mingħajr umiltà, m’hemmx paċi, u mingħajr paċi, m’hemmx umiltà.

Il-Papa esprima d-diżappunt tiegħu li llum tlifna l-ħila li nitkellmu bil-ħlewwa. Meta nitkellmu ngħajtu ma’ xulxin… jew inkella nseksku dwar xulxin… m’hemmx aktar ħlewwa.

Imma fil-qalba tagħha, il-ħlewwa, żied il-Papa, hi l-ħila li wieħed jaċċetta lill-ieħor. ‘Aħmlu lil xulxin,’ jgħid Pawlu. Irid ikollna l-paċenzja, nissaportu d-difetti tal-oħrajn, l-affarijiet li ma jintgħoġbux.

L-ewwel, l-umiltà; it-tieni, il-ħlewwa, li nissaportu lil xulxin; it-tielet, il-ġenerożità: qalb kbira, qalb wiesgħa, bil-ħila li tilqa’ lil kulħadd u li ma tikkundannax, li ma tiċċekkinx bil-ftietaq, bis-seksik: ‘dak qal hekk’, ‘l-ieħor qal dan’…. le: qalb wiesgħa fejn hemm post għal kulħadd.

U din hi l-għoqda li tnissel il-paċi, dan hu l-mod den li bih inġibu ruħna biex inġibu l-paċi li toħloq l-għaqda. Il-Ħallieq tal-għaqda hu l-Ispirtu s-Santu, li jwitti t-triq, li jħejji l-għaqda.

Din hi l-imġieba denja, issokta l-Papa, tas-sejħa għall-misteru li għalih aħna msejħin, il-misteru tal-Knisja. Franġisku, għalhekk, stieden lil kulħadd biex jerġa’ jaqbad f’idejh il-kapitlu tlettax tal-ittra lill-Korintin li tgħallimna kif nagħmlu l-wisa’ għall-Ispirtu s-Santu, liema atteġġjamenti għandu jkollna biex Hu jkun jista’ jġib l-għaqda.

Il-misteru tal-Knisja hu l-misteru tal-Ġisem ta’ Kristu: Fidi waħda, Magħmudija waħda, Alla Missier wieħed għal kulħadd li hu fuq kulħadd, li jaħdem permezz ta’ kulħadd, u hu preżenti f’kulħadd.

Din hi l-għaqda li Ġesù talab għaliha lill-Missier f’isimna u li aħna għandna nirsistu biex inġibu, bir-rabta tal-paċi. U r-rabta tal-paċi tikber bl-umiltà, bil-ħlewwa, billi naħmlu lil xulxin, u bil-ġenerożità.

Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu – kienet it-talba li biha l-Papa temm l-omelija – li jtina l-grazzja li mhux biss nifhmu, imma li ngħixu dan il-misteru tal-Knisja, li hu misteru tal-għaqda.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: