Ħniena u Djalogu


10. Katekeżi mill-Papa Franġisku waqt l-Udjenzi Straordinarji tal-Ġublew tal-Ħniena. 22 ta’ Ottubru 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Is-silta tal-Vanġelu ta’ Ġwanni li għadna kemm smajna (ara 4:6-15) tirrakkonta l-laqgħa ta’ Ġesù ma’ mara Samaritana. Dak li jolqotna minn din il-laqgħa hu d-djalogu mgħaġġel sew bejn il-mara u Ġesù. Dan illum jagħtina li nagħfsu fuq aspett importanti ħafna tal-ħniena, li hu sewwasew id-djalogu.

Id-djalogu jippermetti lill-persuni li jsiru jafu aħjar lil xulxin u jifhmu l-ħtiġijiet ta’ xulxin. Qabelxejn, hu sinjal ta’ rispett kbir, għax iqiegħed lill-persuni f’atteġġjament ta’ smigħ u f’qagħda fejn jistgħu japprezzaw l-aħjar aspetti tal-persuna l-oħra. It-tieni nett, id-djalogu hu espressjoni ta’ karità, għax, bla ma jinjora d-differenzi, jista’ jgħinna nfittxu u naqsmu ma’ xulxin il-ġid komuni. Barra minn hekk, id-djalogu jistedinna noqogħdu quddiem l-ieħor u narawh bħala don ta’ Alla, li qed jitlobna biex nagħrfuh u nsiru nafuh.

Ħafna drabi aħna ma niltaqgħux ma’ ħutna, imqar jekk ngħixu qrib tagħhom, fuq kollox meta nipprovaw nimponu l-pożizzjoni tagħna fuq dik tal-ieħor. Ma niddjalogawx meta ma nisimgħux biżżejjed jew nippruvaw ninterrompu lill-ieħor biex nuru li għandna raġun aħna. Għiduli kemm drabi, kemm drabi nkunu qed nisimgħu persuna titkellem, inwaqqfuha u ngħidulha: “Le! Le! Mhux hekk!”, u ma nħalluhiex tispiċċa tfisser dak li trid tgħid. U dan iwaqqaf id-djalogu: din hi vjolenza. Għax il-veru djalogu jitlob waqtiet ta’ skiet, fejn wieħed jilqa’ d-don tal-għaġeb tal-preżenza ta’ Alla f’ħuh jew oħtu.

Għeżież ħuti, li niddjalogaw jgħinna nagħmlu iżjed umani r-relazzjonijiet ta’ bejnietna u negħlbu n-nuqqas ta’ ftehim li jkollna. Għandna tant bżonn tad-djalogu fil-familji tagħna, u kemm jissolvew malajr il-kwistjonijiet li kieku kellna nitgħallmu nisimgħu lil xulxin! Hekk hu fir-relazzjoni bejn raġel u mara miżżewġa, u bejn ġenituri u wlied. Kemm għajnuna tista’ toħroġ anki mid-djalogu bejn l-għalliema u l-istudenti tagħhom; jew bejn id-diriġenti u l-ħaddiema, biex jiskopru x’inhu l-iktar meħtieġ fuq il-post tax-xogħol.

Bid-djalogu wkoll tgħix il-Knisja mal-bnedmin ta’ kull żmien, biex tifhem il-ħtiġijiet li hemm fil-qalb ta’ kull persuna u biex tagħti sehemha għat-twettiq tal-ġid komuni. Ejja naħsbu fid-don kbir tal-ħolqien u fir-responsabbiltà li lkoll għandna li nħarsu d-dar komuni tagħna: id-djalogu fuq suġġett hekk ċentrali hu esiġenza li ma nistgħux naħarbu minnha. Naħsbu fid-djalogu bejn ir-reliġjonijiet, biex jiskopru l-verità profonda tal-missjoni tagħhom qalb il-bnedmin, u biex jagħtu sehemhom fil-bini tal-paċi u ta’ xibka minsuġa mir-rispett u l-imħabba tal-aħwa (ara Enċiklika Laudato si’, 201).

Biex nagħlaq, ix-xejriet kollha ta’ djalogu huma espressjoni tal-ħtieġa kbira ta’ Alla li jħobb, li jiġi jiltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minna u f’kulħadd jixħet iż-żerriegħa tat-tjieba tiegħu, biex nistgħu nikkollaboraw mal-ħidma ħallieqa tiegħu. Id-djalogu jġarraf il-ħitan tal-firdiet u tal-ġlied; joħloq pontijiet ta’ komunikazzjoni u ma jħalli lil ħadd jiżola ruħu u jingħalaq fid-dinja ċkejkna tiegħu. Tinsewx: id-djalogu jfisser li nisma’ x’qed jgħidli l-ieħor u bil-ħlewwa kollha ngħidlu x’qed naħseb jien. Jekk l-affarijiet jimxu hekk, il-familja, il-post fejn ngħixu, il-lant tax-xogħol isiru aħjar. Imma jekk jien lill-ieħor ma nħallihx itarrafli dak kollu li għandu f’qalbu u nibda ngħajjat – illum hawn ħafna għajat – din ir-relazzjoni ta’ bejnietna ma tispiċċax tajjeb; ma tispiċċax tajjeb ir-relazzjoni bejn raġel u mara, bejn ġenituri u wlied. Ejjew nisimgħu, nispjegaw, bil-ħlewwa, ma ninbħux għal xulxin, ma ngħajtux, imma jkollna qalb miftuħa.

Ġesù kien jaf tajjeb dak li kellha f’qalbha s-Samaritana, midinba kbira; madankollu ma ċaħħadhiex milli tesprimi ruħha, ħallieha titkellem sal-aħħar, u daħal inkiss inkiss fil-misteru tal-ħajja tagħha. Dan it-tagħlim jgħodd ukoll għalina. Permezz tad-djalogu, nistgħu nkattru s-sinjali tal-ħniena ta’ Alla u nibdluhom fi strument li bih nilqgħu u nuru rispett.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.