Mill-Kamra tat-Trinità

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Għadni nasal, frisk frisk, fil-kunvent tagħna l-Kapuċċini fil-Marsa. U, ma’ dan il-kunvent, hemm il-Knisja unika tat-Trinità Qaddisa.

Wara li qed niġi f’tiegħi mill-bidla li kelli mill-kunvent tagħna ta’ Għajn Dwieli għall-kunvent tal-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa nista’ ngħid li ninsab, mingħajr ma jistħoqqli, f’post speċjali. Nimmaġina li dak li jkun jista’ jkollu l-istess raġunijiet bħalma għandi jien Inkella jaf iżid oħrajn. Iżda jien, fis-skiet ta’ dan il-kunvent storiku u mimli esperjenzi, għaddewli dawn minn moħħi u qalbi.

Niftakar li l-għada li ġejt fettilli immur nagħmel il-passiġġata waħdi fil-Knisja. X’ħin inżilt ma kien hemm ħadd. U, bil-qajla l-qalja, u bil-kuruna tar-Rużarju f’idi l-leminija, qgħadt nimxi u nżebbeġ. Nimxi u nħares. Nimxi u nammira. Nimxi u niżżi ħajr lill-Mulej. L-arja fil-Knisja għaxqietni. Imlietni bil-ħajja. Tagħtni kuraġġ kbir! Għax it-Trinità dejjem it-Trinità! Alla wieħed fi tlett persuni! Alla l-Missier, il-Ħallieq. Alla l-Iben, il-Feddej. Alla l-Ispirtu s-Santu, li Jqaddes. Oh! X’messaġġ sabiħ dawk l-erba’ anġli qiegħdin iġorru f’idejhom mal-istatwa tat-Trinità!

Imbagħad, f’dak is-skiet, kelli ċ-ċans nitla’ fuq il-presbiterju. Ħa nsellem lil Alla l-Ħaj fl-Ewkaristija. Li hija r-ruħ ta’ dak kollu li hija din il-Knisja daqshekk sabiħa u waħdiena. U fettilli nħares lejn il-puttura ħelwa li qiegħdha fl-arzella. U qabiżli d-dmugħ bil-ferħ! Alla Trinità qed jinkuruna lil Marija Ommna bħala Sultana tal-ħolqien kollu! Xi ġmiel! F’din il-pittura rajt x’apprezzament għandu l-Mulej għalina l-bnedmin. X’imħabba għandu għalikom nisa! Li tant tixtiequ u tfittxu, sal-ibgħad irkejjen tad-dinja, ħalli issibu min iħobbkom!

Barra minhekk f’din il-pittura rajt xi ħaġa oħra li saħħrittni: rajt il-Marsa kollha maqgħuda! Ħaġa waħda! Fil-qaddis tal-qaddisin! Fis-santwarju! Fuq il-presbiterju. Fuq l-altar maġġur. Iż-żewġ parroċċi tagħha, jiġifieri dik tat-Trinità Qaddisa u l-oħra ta’ Marija Reġina huma maqgħudin! Fraħt! Xerridt id-dmugħ! U dan issuktajt inħossu meta erġajt ittawwalt lejn l-istatwa sabiħa tat-Trinità. U rajthom hemm, it-tlieta li huma, skolpiti fl-injam. Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Rajthom it-tlieta iberrkuni. Bħalma jbierku lilek kull darba li tara din l-istatwa sabiħa.

Iżda l-istatwa mbuttatni bil-ħlewwa fl-Ispirtu. Fl-Ispirtu tal-għaqda li hemm isaltan f’dan it-tempju mill-isbaħ. Il-Missier ħassejtu jokrobli bil-ħniena: “Ġibli n-nies ħa jkunu jafu li jien Missierhom! Li jien tgħidx x’bokka għandi bihom! Ġibli n-nies ħa jifhmu li, hi x’inhi s-sitwazzjoni ta’ ħajjithom, jien Missierhom kont, għadni u nibqa’!”

Imbagħad, mal-Missier, ħassejt l-Iben ukoll. L-Iben li qalli: “Ġibli n-nies ħa ngħidilhom u nuriehom bil-fatti, u qatt bil-paroli, li jien il-Feddej tagħhom! Li jien lilhom inħobbhom. U għax inħobbhom irrid nifdiehom. Irrid nieqaf magħhom. Irrid ngħallimhom jaħfru bħalma ngħallem lilek il-ħin kollu”.

Fl-aħħar nett, ġie fuqi wkoll l-Ispirtu s-Santu. Li ħassejtu żiffa ħelwa li jdawwarni u jsaħħaħni. U qalli: “Ġibli n-nies u għidilhom li jekk jitolbuni biex inqaddishom jiena żgur inqaddishom. Hi x’inhi s-sitwazzjoni tagħhom. Fit-tlajja’ u fl-inżul jekk ifittxuni mingħandi jirċievu imħabba li tagħtihom unur!”

Kemm kliem fejqani f’din il-Knisja tat-Trinità! Kemm paċi! Paċi li bqajt inħossha anki fil-kamra tal-kunvent. Għaliex minn mindu l-Mulej ġabni hawn ħaġa waħda innutajt bil-bosta: x’qawwa għandu r-Rużarju ta’ Alla l-Missier! Fettilli nidħol fih u bdejt nitolbu għall-koppja partikulari li bħalissa tinħtieġ ħafna talb.

U jiena u nitolbu għamilt esperjenza ta’ dak li l-Missier hu. Jiġifieri majestà infinita. Qawwa infinita. Tjubija infinita. Ħlewwa infinita. Abbiss ta’ mħabba. Qawwa ta’ grazzja. Splendur tar-Reżurezzjoni. Dawl ta’ paċi. Ferħ tas-salvazzjoni. Missier dejjem aktar Missier. Ħniena infinita. Splendur infinit. Salvazzjoni ta’ dawk li ddispraw. Tama ta’ dawk li jitolbu. Ħlewwa quddiem in-niket. U għal dan kollu x’nitolbuh jekk mhux “ħenn għalina”? Għalhekk iva nibqgħu nitolbuh. Għax hu Missier għall-uliedu l-aktar bla saħħa u iddisprati. Uliedu li ma jħossuhom maħbuba għax ma jafuhx. Għalhekk jħossuhom abbandunati u t-tbatija tagħhom qed tiżdied f’ħajjithom.

Iżda, fost dawn l-ulied, hemm dawk li qed jissieltu biex is-Saltna tiegħu tiġi fostna! Jekk int wieħed u waħda minnhom inħeġġek titlob dan ir-Rużarju qawwi li ssibu fuq: http://www.armatabianca.org/eng/padre/padre_7.php?sottomenu=4&level=1

Ibqa’ stinka biex imħabbtu issaltan fostna! Dan qed nitlobhulek mill-Kamra tat-Trinità.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading