Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Illum ukoll Alla jibki quddiem it-traġedji u l-gwerer

Illum ukoll Alla jibki quddiem it-traġedji u l-gwerer


Il-Ħamis 27 ta’ Ottubru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Waqt l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal li Alla llum jibki għall-umanità li ma tifhimx il-paċi li joffrilha Hu, il-paċi tal-imħabba, u jibki wkoll quddiem it-traġedji u l-gwerer li jsiru minħabba l-idolatrija tal-flus li minħabba fihom tant nies innoċenti jinqerdu bil-bombi.

 

Fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù jxebbah lil Erodi ma’ volpi wara li xi Fariżej kienu infurmawH li r-Re ried joqtlu. Ġesù jħabbar dak li kellu jiġri…. iħejji ruħu għall-mewt.

Imbagħad idur lejn ‘l-għeluq ta’ Ġerusalemm’ li toqtol lill-Profeti mibgħutin għandha.

Hawnhekk Ġesù jibdel it-ton, osserva l-Papa, u jibda jitkellem bit-tenerezza, it-tenerezza ta’ Alla. Ġesù jħares lejn il-poplu tiegħu, lejn il-belt ta’ Ġerusalemm u jibkiha.

Huwa Alla l-Missier li qed jibki fil-persuna ta’ Ġesù: ‘Bosta drabi ridt niġbor lil uliedek bħalma qroqqa tagħti kenn lill-flieles bi ġwenħajha, imma intom ma ridtux!’

Xi ħadd qal, issokta l-Papa, li Alla sar bniedem biex ikun jista’ jibki, jibki għal dak li għamlu wliedu. Il-biki quddiem il-qabar ta’ Lażżru hu l-biki ta’ ħabib. Dan hu l-biki tal-Missier.

Franġisku mbagħad dawwar ħsiebu lejn missier Iben il-Ħali meta dan jitlob il-wirt u jitlaq. Dak il-missier, osserva l-Papa, ma marx għand il-ġirien jilmenta minħabba dak li ġralu, jgħidilhom: ‘Ara dan x’għamilli, jien se nisħtu.’ Franġisku kkummenta li, fil-fehma tiegħu, dan il-missier mar x’imkien jibki waħdu.

Għaliex qed ngħid dan?, staqsa l-Papa. Għax il-Vanġelu ma jgħidux, imma jgħid li meta ibnu reġa’ lura, rah mill-bogħod. Dan ifisser li dak il-missier baqa’ jitla’ fuq il-bejt il-ħin kollu biex jara meta se jerġa’ lura ibnu. Missier li jagħmel ħaġa bħal din hu missier li jgħix imbikki, jistenna lil ibnu jiġi lura. Dan hu l-biki ta’ Alla l-Missier. U b’dal-biki l-Missier jerġa’ jġedded il-ħolqien f’Ibnu.

Il-Papa kompla jirrifletti dwar il-mixja ta’ Ġesù lejn il-Kalvarju mgħobbi bis-salib, in-nisa li bdew jibkuH u Hu jgħidilhom: ‘Tibkux lili, imma lil uliedkom.’ Dmugħ ta’ missier u omm li Alla għadu jxerred sal-lum.

Illum ukoll, quddiem it-traġedji, il-gwerer li jsiru bħala adorazzjoni lil alla flus, quddiem tant innoċenti maqtulin bil-bombi li jitfgħulhom dawk li jaduraw lil alla flus, illum ukoll il-Missier tas-Sema jibki u jgħid: ‘Ġerusalemm, uliedi, x’intom tagħmlu?’

Dan qed jgħidu lill-povri vittmi u wkoll lit-traffikanti tal-armi u lil dawk kollha li jbiegħu ħajjet in-nies.

Jagħmlilna tajjeb naħsbu li Alla l-Missier sar bniedem biex ikun jista’ jibki: jibki għal din l-umanità li ma tridx tifhem il-paċi li joffrilna Hu, il-paċi tal-imħabba, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: