Inħobb iva! Tapit le!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Kemm-il darba smajna li l-kelma mħabba hija l-aktar waħda użata u abbużata. Meta ngħidu din is-sentenza wieħed imur fuq is-sesswalità. Biss l-imħabba hija ħafna aktar mis-sesswalità.

Il-kultura ta’ uża u armi li tittantana mhux ftit daqs tazza ilma tistedinna biex ma’ xulxin nimxu eżattament b’dan il-mod. Issa l-għaliex nafek tgħidx kemm nieħdok bil-ħlewwa. Tgħidx kemm nitħaddet sabiħ minn wara dahrek. Tgħidx kemm nitħaddet ma’ ħbiebi li nafek. U niftaħar bik ma’ kulħadd ukoll. L-għaliex nafek. U, meta għafastlek il-buzzer jew bgħattlek il-messaġġ, inkella ċempiltlek, mill-ewwel sibtek wara l-bieb.

Għall-oħrajn stajt tkun l-akbar imbroljun. Iżda, l-għaliex lili qdejtni, int għalija qaddis! Imma l-istorja taf tinbidel ukoll. Ġiet ġurnata fejn int, għal xi raġuni, li jien m’għandi l-ebda obbligu li nkun naf x’inhi, aħseb u ara li noqgħod nindaga fuqha, ma stajtx taqdini. Ma stajtx twieġeb dak il-messaġġ. Dik it-telefonata. U x’inqala’? X’ma nqalax! Kemm għajjartek! U bgħattek f’postijiet li lanqas għaxar passaporti f’daqqa m’għandhom il-qawwa li jwassluk! U għaliex dan? L-għaliex ma qdejtniex. U qattajt il-karti minn miegħek. U qattajthom b’tali mod li, ma’ kulmin niltaqa’, l-ewwel diskors li joħroġ minn fommi huwa int. Int li lili ma qdejtnix. Int li lili warrabtni. Int li lili ma ikkalkulajtnix. U l-bqija.

U x’inhu l-għan wara dan il-qried kollu minn naħa tiegħi? Biex lilek intebbagħlek ġieħek. Biex, meta jiltaqgħu miegħek, meta jħarsu lejk, meta jarawk ġej minn seba’ mili bogħod, fuqek jaraw it-tabella: TAFDAHX! Xi krudeltà! Aħna nagħmlu plejtu l-għaliex f’Auschwitz-Birkenau l-kriminali Nażisti wettqu atroċitajiet fuq il-Lhud u fuq min ma qabilx magħhom. Iżda l-kriminali qiegħdin iduru fostna. Ġieli jilbsu pulit. Daqqa b’ilbies vanituż. Drabi oħra b’ilbies twil jew qasir. Il-kriminali huma dawk li joqtlu l-fama ta’ ħaddieħor. Dawk li jgħidu bin-nies. Dawk li jilbsu ta’ ħrief iżda, x’ħin jiftħu ħalqhom, trid tara fejn se ddabbar rasek. L-għaliex ħalqhom huwa fossa tal-mewt. Tal-ħażen. Tal-infern. Fommhom xewwiex. Dejjem lest biex jittimbra lil dak u lill-ieħor. Lil dawk u lill-oħrajn. Dawn huma n-nies li jew toqgħodilhom qisek tapit inkella ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. Jagħmlulek minn kollox! U lesti li jqattgħuk bil-pulit! Għaliex qalbhom u ruħhom tawhom lix-xitan. Lil dawn in-nies il-Papa Franġisku jsejħilhom “terroristi!”

Ħbieb tiegħi, għalhekk is-Salm jgħidilna: “Qegħedli, Mulej, lġiem fuq fommi, agħmilli l-għassa ma’ bieb xufftejja. Tħallix li qalbi ddur lejn ħwejjeġ ħżiena biex jiena nagħmel dak li hu ħażin” (Salm 141:3-4). U x’ħażen jista’ jagħmel minn ilsienu ma jrazznux? Min bibien xufftejh qiegħdin għall-apert? Mingħajr kontroll ta’ xejn? ‘Il fejn tista’ iddur il-qalb? X’tista’ tagħmel ħażin persuna li ma tikkontrollax ilsienha?

Tibda’ tippretendi. U tagħmel tagħha dak li m’huwiex. Tibda’ tikkmanda. Tordna. Tindaħal. Tibbossja. Dak li tagħmel hi tarah fuq ħaddieħor li ma jagħmlux. U, fejn ma tasalx bis-sewwa ħa tasal bid-dnewwa. Basta issalva ġieħha. X’jimpurtaha mill-fama ta’ ħaddieħor? Tibda’ tagħmel lilha innifisha vittma meta hija l-aggressura.

U int, l-għaliex qalbek tajba, u forsi mintix rispostuż, taħseb li qiegħed fil-ħażin int. Hemm arak! Tħalli lil din il-persuna tmexxik minn imnieħrek. Tindaħallek. Iġġibek fejn trid. Imma le! Jekk se tħallieha tmexxiek hi se ddaħħlek ġo ħajt! Mela niżżel saqajk. Ieqaf! Għid le! Aqdieha lil din il-persuna. Fejn tista’. Iżda qatt isir tapit tagħha. Fejn ma tistax ma tistax. Mela insejt is-sagrifiċċji li għamilt għaliha fil-passat? Jekk hi ma tistax tiftakarhom tibżax il-Mulej, li jara kollox, jafhom biżżejjed!
Fil-ħajja inħobb iva! Naqdi! Nissallab biex ngħin. Iżda għandi l-limiti tiegħi. U fejn ma nistax minix le se niġġebbed fejn ma nlaħħaqx. U lanqas se nippermetti li xi ħadd jgħajjarni l-għaliex ma stajtx naqdieh. Inkella jixtħuli l-botti l-għaliex it-tali ħaġa ma stajtx inwettaqha. Wara kollox jiena ukoll persuna bħalma int int li jiena qdejt għal ma nafx kemm-il darba. Imma li nkun tapit qatt!

Inħobb iva! Tapit le! Xejn xejn inkun qed ngħinek tapprezzani!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading