L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil-Festa Solenni tal-Qaddisin kollha


L-1 ta’ Novembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-Festa Solenni tal-Qaddisin kollha. Din saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.


Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom ħafna talli lqajtu l-istedina tiegħi li l- parroċċi tal-Belt u l-Kapitlu niċċelebraw din il-festa flimkien. Xtaqt naqsam magħkom ftit ħsibijiet ispirati mhux biss mill-festa tal-lum imma anke mill-qari sabiħ li għadna kemm smajna.

L-appostlu San Ġwann jitkellem dwar l-esperjenza tagħna fil-preżent. Jgħidilna: “Għeżież, issa nafu li aħna wlied Alla imma x’se nkunu ’l quddiem mhux muri lilna. Madanakollu nafu li meta hu jidher, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. Kull min għandu t-tama fih, isir safi bħalma safi huwa Kristu” (1 Ġw 3, 2-3). Dawn huma kliem li jagħmlulna kuraġġ kbir. San Ġwann l-appostlu qed jitkellem dwar tama li fiha nfisha kapaċi ssaffina.

Aħna niġu ta’ kull sena għal din il-festa, ħafna drabi konxji mid-dgħufija tagħna, mill-passat u l-preżent tad-dnub tagħna, imma niċċelebraw din il-festa li hija festa ta’ tama li aħna, għalkemm mhux muri lilna kif se nkunu eżatt fil-glorja, imma nafu li meta jidher Ġesù, meta jiġi, aħna se nkunu bħalu. Din it-tama li aħna se nirtu l-istess glorja ta’ Ġesù u li m’aħniex weħidna, u mhux se nkunu weħidna, għandha din il-qawwa kbira li ssaffina, li terfgħana mid-dgħufija tagħna, min-nuqqas ta’ ħila tagħna, li tagħmlilna kuraġġ.

Il-Papa meta kien l-Isvezja fil-weekend li għadda, iċċelebra l-festa tal-qaddisin kollha u fl-omelija li għamel il-Q.T. il-Papa introduċa serje ġdida ta’ barkiet, ta’ beatitudnijiet. Aħna għadna kemm smajna minn fomm id-djaknu novell, Ryan, l-Evangelju li aħna nsejħulu tal-Beatitudnijiet. Il-Mulej għal diversi drabi jgħid min huma l-ħenjin fis-saltna tiegħu. “Ħenjin il-foqra fl-ispirtu, ħenjin l-imnikkta, ħenjin ta’ qalbhom ħelwa, ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom, ħenjin dawk li huma ppersegwitati, ħenjin dawk li jgħajjruhom” (Mt 5, 1-11). It-tmien ponot tas-salib ta’ Malta jgħiduha wkoll b’mod li aħna niftakru wkoll f’dawn it-tmien beatitudnijiet.

Il-Papa qal beatitudni ġdida li jixtieq jissuġġerixxi hija għal min fil-proxxmu tiegħu jara’ lil Ġesù. Ħenjin dawk li fil-proxxmu tagħhom jaraw lil Ġesù. Ħenjin dawk li jaħdmu biex inħarsu din id-dar komuni tagħna, qed jgħid għall-ħoqien, għall-ambjent. Ħenjin dawk li kapaċi jagħmlu sagrifiċċju personali biex jgħinu lill-ħuthom fil-bżonn. Din hija t-triq tal-qdusija li ħafna drabi, jekk naħsbu fiha sew, hija xi ħaġa li għalina hija l-ħajja ta’ kuljum u l-kelmiet tal-Papa jagħmlulna kuraġġ.

Aħna, ħafna drabi, nieqfu fuq in-negattiv fil-ħajja tagħna u ninsew li fil-bidu ta’ kull quddiesa, nitolbu l-għajnuna tal-qaddisin biex naqilgħu minn għand Alla l-maħfra ta’ dnubietna. “Nistqarr ’l Alla li jista’ kollox u lilkom ħuti”. Ħuti min huma? M’humiex biss aħna li qegħdin hawn illum, imma anke ħutna li qegħdin igawdu lil Alla fil-ġenna. “Għalhekk nitlob lill-Imqaddsa Marija dejjem Verġni, lill-anġli u lill-qaddisin kollha biex jitolbu għalina” (Att Penitenzjali). Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna u nitolbu maħfra lil Alla, nitolbu wkoll l-għajnuna ta’ ħutna l-qaddisin li bil-merti tagħhom li aħna qegħdin niċċelebraw illum, jgħinu l-qdusija tagħna.

Kemm hi ħaġa sabiħa li llum nirringrazzjaw lil Alla wkoll tal-indulġenza plenarja. Xi tfisser din? Il-qawwa li l-Mulej ta lill-Knisja li jaħfrilna mhux biss id-dnubiet tagħna imma anke l-effetti tagħhom, isaffina radikalment. Għaliex illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan it-teżor? Għax aħna niġbdu mill-merti ta’ ħutna l-qaddisin. Meta b’dak li titlob il-Knisja, per eżempju, din is-sena li ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena, li titlob ir-rużarju fil-familja, li tagħmel l-Adorazzjoni Ewkaristika, dawn huma opri ċkejknin fiż-żmien, imma jassigurawna eternità beata. Kollha jfakkruna f’din ix-Xirka tal-Qaddisin li hija verament komunjoni bejn il-ħbieb.

It-Taljani għandhom qawl ispirat minn din il-festa, imma għall-ħajja ta’ kujum. Non si va in Paradiso a dispetto dei Santi – Ma tistax tmur il-ġenna jekk inti tiddisprezza l-Qaddisin. Huma jużawha għall-qaddisin tal-art, jiġifieri jekk inti tmur għand xi ħadd kbir, trid tieħu ħsieb id-driver tiegħu jew min jiftaħlek il-bieb, għax inkella ma tasalx, tifhmuni intom. Il-qaddisin ta’ din l-art.

Imma dan l-għerf tad-dinja jifhem tajjeb ukoll il-qawwa tal-qaddisin fis-sema. Għalhekk jiena inħajjarkom illum nagħmlu att ta’ qima lill-qaddis personali tagħna, dak li ngħatalna mal-isem tal-Magħmudija, jew inkella fil-Griżma, jew il-qaddis tar-raħal jew tal-parroċċa, jew il-fundatur li aħna tant qrib tiegħu. Dawn huma kollha qaddisin. Anke din il-knisja għażiża għandha tant altari ddedikati lill-qaddisin differenti. Għandna din l-arti, kapolavur ta’ Mattia Preti dwar il-ħajja ta’ San Ġwann Battista, ir-relikwi tal-qaddisin. Dawn huma kollha affarijiet konkreti li jfakkruna f’din ix-xirka sabiħa li aħna llum iltqajna biex niċċelebraw.

Ma ninsewx għada li nieqfu f’mument ta’ sobrjetà, niftakru f’dawk kollha li ħallewna. Il-passaġġ irridu nagħmluh, aħna nistgħu ngħidulu lill-Mulej li m’aħniex mgħaġġlin, nistgħu, imma jasal żgur. Jalla bl-għajnuna tal-qaddisin aħna jkollna din il-hena li nkunu bħalu u narawh kif inhu. Għaliex? Għaliex aħna għandna tama qawwija u kull min għandu din t-tama fih, isir safi bħalma safi huwa Kristu.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.