L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fit-Tifkira tal-Mejtin kollha


L-Erbgħa 2 ta’ Novembru 2016: Jum it-Tifkira tal-Mejtin kollha, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-Knisja taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, Raħal Ġdid.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Knisja taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, Raħal Ġdid

Ġesù, fl-Evanġelju li għadna kemm smajna jitkellem dwar il-qofol tal-missjoni tiegħu. “Jiena nżilt mis-sema”. Aħna niċċelebraw dan l-avveniment b’ferħ kbir nhar il-Milied. Niċċelebrawh tmint’ijiem wara meta nfakkru li l-isem li ħa l-Mulej hu u jinżel mis-sema huwa doppju: ‘Yeshua’ – Alla jsalva u ‘Għimmanuel’ – Alla magħna.

“Jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi imma r-rieda ta’ min bagħatni” (Ġw 6, 38). Il-Mulej Alla bagħat lil Ibnu b’missjoni speċjali li Ġesù jsejħilha “r-rieda ta’ min bagħatni”, ir-rieda ta’ Missieru li jispjegha fil-Kapitlu sitta ta’ San Ġwann. X’inhi din ir-rieda? “Ir-rieda ta’ min bagħtni hija din: li jien ma nitlef xejn minn dak kollu li tani iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (v. 39). Ġesù jerġa jinsisti: “din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lil Iben u jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (v. 40).

Din ir-rieda ċara tal-Missier, li tagħti togħma differenti lill-ħajja tagħna. Il-ħajja hija sabiħa għax hi għażiża u prezzjuża. Il-festa tal-lum m’għandhiex tkun festa li ssewdilna qalbna minħabba li mal-mewt jispiċċa kollox, imma tfakkarna fix-xirka li tgħaqqadna, aħna u ħutna, li għamlu l-pass qabilna. Tgħaqqadna lkoll din ir-rieda tal-Missier li ma jintilef xejn minn dik il-komunità li hu afda f’idejn l-Iben. Mhux biss ma jintilef xejn imma li kulħadd iduq il-benna tal-ħajja ta’ dejjem, ħajja li aħna ma nafux nispjegawha għaliex aħna l-kategoriji tagħna huma tal-ispazju u tal-ħin.

Tgħaqqadna fidi li hija bbażata fuq il-kelma ta’ Ġesù, mhux biss il-kelma tiegħu. Għalina li niċċelebraw b’ferħ kbir l-inżul tiegħu fostna fil-Milied, huwa importanti wkoll il-mument tal- Għid il-Kbir u l-Ġimgħa l-Kbira fejn aħna niċċelebraw il-passaġġ tiegħu, il-passaġġ tal-Mulej mill-mewt għall-ħajja. Miet tassew imma rxoxta.

San Pawl Missierna jgħidilna “jekk dan huwa kollu gideb allura aħna msieken tassew” (ara 1 Kor 15), imma l-imħabba t’Alla turi l-qawwa tagħha mhux biss fil-ħniena li juri magħna l-ħin kollu, imma l-ikbar ħniena li juri ma’ ħutna l-mejtin fil-qawmien li jagħtihom fil-ħajja ta’ dejjem li bihom jgħannaqhom.

Aħna llum immorru fuq l-oqbra tal-għeżież tagħna u fil-ġimgħat li ġejjin fix-xahar ta’ Novembru nqimu l-fdalijiet tagħhom, il-fosdqa li ħallew hawnhekk li nafu li titmermer u tispiċċa, imma aħna nemmnu lkoll, għalkemm inqimu dawn il-fdalijiet, li hemm il-ħajja ta’ dejjem tistenna lilhom u lilna. “Jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (v. 40). Din hija l-fidi li tiġborna hawnhekk illum. Din il-fidi li ġagħalna napreżżaw li l-ftit kliem li għandna hawnhekk huma tassew kliem prezzjożissimi. Iżjed ma’ nemmnu fil-ħajja ta’ dejjem, iżjed ikollna kuraġġ ingawdu ħajjitna fuq l-art billi niddedikawha wkoll għall-ġid ta’ ħaddieħor.

San Ġorġ Preca kien iħobb iġib id-‘dixxipli’ tiegħu hawnhekk ftit qabel ma jsiru soċji. Kien jgħidilhom: “se neħodkom il-villa”. Il-mod konkret biex hu jgħidilhom li l-missjoni li jgħallmu lill-poplu li hu xtaq jafdalhom flimkien miegħu, kienet missjoni biex il-ħajja fuq l-art tkun sabiħa għaliex għandha perspettiva wiesa’: dik tal-ħajja ta’ dejjem.

Hawnhekk huwa post fejn kulħadd huwa verament l-istess: Isqof, saċerdot, president, imħallef, ħaddiem, professjonist. Hawnhekk l-umanità ssir ħaġa waħda. Hawnhekk tgħaqqadna t-tama, ma tkissirniex id-disperazzjoni tad-dulur. Hawnhekk tgħaqqadna t-tama, it-tama li s-salib tal-Mulej huwa salib rebbiegħ għax kif turi din il-vetrata straordinarja ta’ wara l-artal hemm enerġija tal-qawmien li kapaċi tittrasforma l-mewt għall-ħajja.

“Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin” (S 27, 13). Hekk għidna fis-Salm Responsorjali, hekk qal Ġob meta tkellem fuq id-difensur tiegħu “Jiena naf li d-difensur tiegħi ħaj u fl-aħħar fuq it-trab iqum wara li jintemm ġildi, għoddni bla laħam, nara lil Alla, lilu narah ħabib tiegħi”.

Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna jkollna din it-tama li wara l-mewt nilmħu lill-Mulej ħabib tagħna. Kemm huma kliem ta’ faraġ. Il-Mulej mhuwiex kontrina, mhux qiegħed hemm jgħasses biex jikkundannana jew ikissirna. Din it-tama li tferraħ lilna llum u tagħtina wkoll faraġ fid-dulur tal-firda mill-għeżież taghna li mietu. Qamu, raw il-Mulej, u sabu ħabib. Aħna wkoll, jalla ngħaddu mill-istess triq, pero m’aħniex mgħaġġlin għall-ġenna, imma jasal u nsibuha, għax din hi l-fidi tagħna li l-Mulej ħabib tagħna.

Agħtihom o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fil-paċi. Ammen.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.