Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Biex inservu lil Alla jeħtieġ li nirrifjutaw il-poter u n-nuqqas ta’ lealtà

Biex inservu lil Alla jeħtieġ li nirrifjutaw il-poter u n-nuqqas ta’ lealtà


It-Tlieta 8 ta’ Novembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Fir-riflessjoni li għamel dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal li biex inservu ‘l Alla għandna nitħarsu min-nuqqas ta’ lealtà u t-tfittxija tal-poter.

 

Kull min hu veru dixxiplu tal-Mulej, qal Franġisku, għandu jtenni lilu nnifsu ‘aħna qaddejja bla siwi.’ Iżda liema huma l-ostakoli li ma jħalluniex inservu lill-Mulej bil-libertà?, staqsa l-Papa. Hemm ħafna raġunjiet għal dan, waħda minnhom hi x-xenqa għall-poter.

Kemm-il darba rajna dan l-atteġġjament, forsi anke f’darna stess: Hawn jien nikkmanda! U kemm-il darba, mingħajr kliem xejn, aħna stess wassalna l-messaġġ lill-oħrajn: hawn jien nikkmanda? Ix-xenqa għall-poter……

U Ġesù għallimna li dak li jikkmanda hu dak li jservi. Jew, jekk bniedem irid ikun l-ewwel wieħed, għandu jkun il-qaddej ta’ kulħadd.

Il-valuri tal-mondanità, tad-dinja, Ġesù jaqlibhom ta’ taħt fuq. Din il-kilba għall-poter mhix it-triq it-tajba għall-qaddej tal-Mulej, anzi, hija ostakolu, wieħed minn dawk l-ostakoli li tlabna lill-Mulej jeħlisna minnhom.

L-ostakolu l-ieħor, kompla l-Papa, li jinsab ukoll fil-ħajja tal-Knisja, hu n-nuqqas ta’ lealtà. Dan jiġri meta dak li jkun irid iservi lill-Mulej imma jrid iservi ħwejjeġ oħra li mhumiex tal-Mulej.

Il-Mulej qalilna li ma nistgħux naqdu żewġ sidien: jew inservu ‘l Alla jew il-flus. Dan qalulna Ġesù. Dan hu ostakolu: in-nuqqas ta’ lealtà, li mhux l-istess ħaġa bħal meta wieħed ikun midneb. Ilkoll kemm aħna midinbin, u nindmu minn dak li nkunu għamilna. Imma n-nuqqas ta’ lealtà jfisser li wieħed ikollu żewġ uċuħ. Jilgħab fuq il-lemin u fuq ix-xellug, iservi lil Alla imma jservi wkoll lid-dinja! Dan hu ostakolu. Hu diffiċli li jservi, li jkun qaddej ħieles tal-Mulej, min hu miklub għall-poter u min mhux leali.

Ix-xenqa għall-poter u n-nuqqas ta’ lealtà ma jħallukx fil-paċi; inisslulek l-ansjetà f’qalbek, qatt ma tħossok kwiet. Dan iwassalna biex ngħixu fit-tensjoni tal-vanità mondana, ngħixu biex nidhru.

Kemm nies, issokta l-Papa b’qalb tqila, jgħixu biss biex ikunu dejjem fil-vetrina, biex jidhru, biex jiksbu l-fama? Il-fama mondana li ma tistax taqdi lill-Mulej!

Għaldaqstant għandna nitolbu lill-Mulej biex ineħħilna dawn l-ostakoli ħalli bil-libertà nkunu nistgħu niddedikaw ruħna għas-servizz tiegħu, bis-serenità, kemm tal-ġisem u wkoll tal-ispirtu.

Naqdu lill-Mulej ħielsa: aħna wlied mhux ilsiera. Li nservu ‘l Alla fil-paċi, bis-serenità, meta Hu jkun neħħa minna l-ostakoli li ma jħalluniex fil-paċi, fis-serenità, ifisser li nkunu qed naqduH bil-libertà. Meta naqdu ‘l-Mulej bil-libertà, kompla jgħid il-Papa, inħossu fina paċi aktar profonda, li tiġi minn leħen il-Mulej meta jgħidilna: ‘Ejja, qaddej tajjeb u fidil.’

Ilkoll nixtiequ nservu lill-Mulej bit-tjubija u l-fedeltà, imma neħtieġu l-grazzja tiegħu, waħedna ma naslux. Għalhekk irridu dejjem nitolbu l-grazzja li jkun Hu li jneħħi minna dawn l-ostakoli, li jtina s-serenità, il-paċi tal-qalb biex inservuH bil-libertà, mhux bħala lsiera iżda bħala wlied.

Il-Papa Franġsiku kompla jgħid li meta s-servizz tagħna jkun liberu jeħtieġ li ntennu lilna nfusna spiss, ‘aħna qaddejja bla siwi,’ bl-għarfien li waħedna ma nistgħu nagħmlu xejn.

Biss, afferma l-Papa, irridu nitolbuH biex jgħinna nagħmlulu l-wisa’ biex Hu jibdilna f’qaddejja ħielsa, ulied, mhux ilsiera.

Jalla l-Mulej, temm jgħid il-Papa, jgħinna niftħu qlubna biex inħallu lill-Ispirtu s-Santu jaħdem fina, ineħħi minna dawn l-ostakoli, speċjalment ix-xenqa għall-poter li tagħmel tant ħsara, u n-nuqqas ta’ lealtà, il-ħajja doppja li nservu lil Alla u lid-dinja.

B’hekk Hu jtina s-serenità, il-paċi biex inkunu nistgħu nservuH bħala wlied ħielsa li fl-aħħar, b’tant imħabba ngħidulu: ‘Missier, grazzi, imma Inti taf li jien qaddej bla siwi.’

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: