Katekeżi Ħniena, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Żur il-morda u l-ħabsin


35. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 9 ta’ Novembru 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-ħajja ta’ Ġesù, qabelxejn fit-tliet snin tal-ministeru pubbliku tiegħu, kienet laqgħa kontinwa mal-persuni. Fost dawn, il-morda kellhom post speċjali. Kemm paġni tal-Vanġelu jirrakkontaw dawn il-laqgħat! Il-magħtub, l-agħma, l-imġiddem, l-imxajtan, dak li kien ibati b’tal-qamar, u għadd bla tarf u ta’ kull xorta…

Ġesù resaq qrib ta’ kull wieħed u waħda minnhom u fejjaqhom bil-preżenza u l-qawwa tas-setgħa tiegħu li jagħti mill-ġdid il-ħajja. Għalhekk, ma jistax jonqos li fost l-opri tal-ħniena jkun hemm dik li nżuru u ngħinu lill-morda.

Flimkien ma’ din nistgħu ndaħħlu wkoll dik li nkunu qrib tal-persuni li qegħdin il-ħabs. Fil-fatt, kemm il-morda u kemm il-ħabsin jgħixu f’qagħda li tillimita l-libertà tagħhom. U sewwasew meta tonqosna din, nintebħu kemm hi prezzjuża! Ġesù tana l-possibbiltà li nkunu ħielsa minkejja l-limiti tal-mard u ta’ dak li jżommna lura. Hu joffrilna l-libertà li tiġi mil-laqgħa tagħna miegħu u mit-tifsira ġdida li din il-laqgħa ġġib lill-qagħda personali tagħna.

B’dawn l-opri tal-ħniena l-Mulej qed jistedinna għal ġest ta’ umanità kbira: li naqsmu ma’ xulxin. Niftakruha din il-kelma: li naqsmu. Min hu marid, spiss iħossu waħdu. Ma nistgħux naħbu l-fatt li, fuq kollox fi żmienna, sewwasew fil-mard wieħed iġarrab bl-aktar mod qawwi s-solitudni li tolqot parti kbira minn ħajjitna. Żjara tista’ tgħin lill-marid biex iħossu inqas waħdu u xi ftit tal-kumpanija hi l-aqwa mediċina! Tbissima, żegħila, taptipa ta’ id huma ġesti sempliċi, imma hekk importanti għal min iħossu li ġie abbandunat waħdu. Kemm persuni jiddedikaw ruħhom għaż-żjajjar tal-morda fl-isptarijiet jew fi djarhom! Hi opra ta’ volontarjat li m’hemmx prezzha. Meta ssir f’isem il-Mulej, issir ukoll espressjoni elokwenti u effikaċi ta’ ħniena. Ejjew ma nħalluhomx waħidhom lill-persuna morda! Ma nċaħħduhomx mis-serħan li jfittxu, u ma nċaħħdux lilna nfusna mill-għana li nistgħu niksbu mill-qrubija lejn min qed ibati. L-isptarijiet huma tassew “katidrali tat-tbatija”, imma minnhom toħroġ ċara wkoll il-qawwa tal-imħabba li twieżen u turi ħniena.

Bl-istess mod, jiġuni f’moħħi dawk kollha li huma maqfula l-ħabs. Ġesù lanqas lilhom ma nesa. Meta qiegħed iż-żjara lill-ħabsin fost l-opri tal-ħniena, ried jistedinna, qabelxejn, biex ma nkunu mħallfin fuq ħadd. Bla dubju, jekk wieħed qiegħed il-ħabs, dan għax żbalja, ma rrispettax il-liġi u l-konvivenza soċjali. Għalhekk qiegħed fil-ħabs jiskonta l-piena tiegħu. Imma għamel x’għamel dak li qiegħed il-ħabs, hu jibqa’ dejjem maħbub minn Alla. Min jista’ jidħol ġewwa nett tal-kuxjenza tiegħu biex jifhem x’qed iħoss? Min jista’ jifhem it-tbatija u r-rimors tiegħu? Faċli ħafna naħslu jdejna u ngħidu li żbalja. In-Nisrani pjuttost hu msejjaħ jieħu r-responsabbiltà, biex min żbalja jifhem il-ħażen li għamel u jerġa’ lura fuq saqajh. In-nuqqas ta’ libertà hi bla dubju waħda mill-ikbar ċaħdiet li jista’ jkollu bniedem. Jekk ma’ din inżidu l-qagħda kerha minħabba fil-kundizzjonijiet spiss xejn umani li fihom isibu ruħhom jgħixu dawn il-persuni, allura hu tabilħaqq każ li fih in-Nisrani jħossu mqanqal jagħmel minn kollox biex tintraddilhom id-dinjità tagħhom.

Li nżuru lill-persuni fil-ħabs hi opra ta’ ħniena li fuq kollox illum tassumi valur partikulari minħabba fid-diversi xejriet ta’ ġustizzjaliżmu li waqajna fihom. Mela ħadd m’għandu jipponta subgħajh lejn ħadd. Imma lkoll għandna nsiru strumenti ta’ ħniena, b’atteġġjamenti ta’ qsim u ta’ rispett. Spiss jiġuni f’moħħi l-ħabsin… spiss naħseb fihom, inġorrhom f’qalbi. Nistaqsi lili nnifsi x’wassalhom biex jagħmlu xi delinkwenza u kif spiċċaw ċedew għad-diversi għamliet ta’ ħażen. Madankollu, flimkien ma’ dawk il-ħsibijiet inħoss li kollha għandhom bżonn lil min ikun qrib tagħhom u jurihom ħlewwa u tjieba, għax il-ħniena ta’ Alla tagħmel l-għeġubijiet. Kemm dmugħ rajt iġelben fuq ħuġbejn il-ħabsin li forsi qatt f’ħajjithom ma kienu għadhom bkew; u dan sempliċement għax ħassewhom milqugħa u maħbuba.

U ma ninsewx li anki Ġesù u l-Appostli għamlu esperjenza tal-ħabs. Fir-rakkonti tal-Passjoni naraw it-tbatija li kellu joqgħod għaliha Ġesù: maqbud, imkaxkar bħallikieku kien xi raġel ħażin, imżeblaħ, imsawwat, inkurunat bix-xewk… Hu, li hu waħdu l-Innoċenti! U anki San Pietru u San Pawl kienu l-ħabs (ara Atti 12:5; Fil 1:12-17). Il-Ħadd li għadda – li kien Ħadd il-Ġublew tal-Ħabsin – filgħaxija ltqajt ma’ grupp ta’ ħabsin minn Padova. Staqsejthom x’kienu se jagħmlu l-għada, qabel jerġgħu lura Padova. Qaluli: “Se mmorru fil-ħabs ta’ Mamertino biex ngħixu l-istess esperjenza ta’ San Pawl”. Kemm hi ħaġa sabiħa, kemm għamilli ġid nisma’ dan! Dawn il-ħabsin riedu jmorru jaraw lil Pawlu ħabsi. X’ħaġa sabiħa, u għamlitli ħafna ġid. U anki hemm, fil-ħabs, talbu u evanġelizzaw. Il-paġna tal-Atti tal-Appostli fejn naqraw dwar Pawlu fil-ħabs fiha rakkont li jqanqalna: ħassu waħdu u xtaq li kieku xi ħadd minn ħbiebu jmur iżuru (ara 2 Tim 4:9-15). Ħassu waħdu għax il-parti l-kbira kienu telquh waħdu… il-kbir Pawlu.

Dawn l-opri tal-ħniena, kif qed naraw, huma qodma, imma huma dejjem attwali. Ġesù ħalla minn idejh biex imur iżur lill-kunjata ta’ Pietru; opra antika ta’ karità. Ġesù għamilha. Ejjew ma naqgħux fl-indifferenza, imma nsiru għodda tal-ħniena ta’ Alla. Ilkoll nistgħu nkunu strumenti tal-ħniena ta’ Alla u din iktar jista’ jagħmel ġid lilna milli lill-oħrajn, għax il-ħniena ta’ Alla tgħaddi minn ġest, kelma, żjara, u din il-ħniena hi għemil li jrodd il-ferħ u d-dinjità lil min tilifhom.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s