Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-imħabba Nisranija għandha tkun ħielsa mill-ideoloġiji u l-intellettwaliżmi

L-imħabba Nisranija għandha tkun ħielsa mill-ideoloġiji u l-intellettwaliżmi


Il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Fl-omelija li għamel illum, il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru 2016, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa saħaq li l-imħabba Nisranija hi realtà konkreta u wissa lil min jemmen biex jibqa’ bogħod mill-ideoloġiji u t-teoriji intellettwali dwar din l-imħabba għax dawn ineżżgħu lill-Knisja minn laħamha u jirvinawha.

 

Bi spunt mill-Vanġelu tal-ġurnata, l-omelija tal-Papa kienet riflessjoni dwar in-natura tal-imħabba Nisranija u kif il-kelma ‘mħabba’ llum tintuża biex tiddeskrivi emozzjonijiet u affarijiet oħra differenti. Il-veru kriterju tal-imħabba Nisranija hi l-Inkarnazzjoni tal-Kelma u kull min jiċħad jew ma jagħrafx dan hu l-‘antikrist’.

Imħabba li ma tagħrafx li Ġesù ġie fid-dinja u libes laħamna, mhix l-imħabba li Alla jitlob minna. Din tkun imħabba tad-dinja, imħabba filosofika, astratta, imħabba mċajpra, ratba u dgħajfa.

Il-kriterju tal-imħabba Nisranija hu l-Inkarnazzjoni tal-Kelma. Din hi l-verità: Alla bagħat lil Ibnu, li sar laħam u għex bħalna. Biex inħobbu jeħtieġ li nħobbu bħalma ħabbna Ġesù, bħalma għallimna Ġesù, fuq l-eżempju li tana Ġesù, għax l-imħabba hi vjaġġ fuq it-triq ta’ Ġesù. Il-mogħdija ta’ Ġesù hi t-triq li tagħti l-ħajja.

Il-Papa Franġisku kompla jispjega li l-uniku mod li bih għandna nħobbu kif iridna Ġesù hu li nwarrbu l-egoiżmi tagħna u noħorġu biex ngħinu lill-oħrajn għax l-imħabba Nisranija hi waħda konkreta, mimlija atti ta’ ħniena.

Aktar minn hekk, din l-imħabba hi misteru li jitnissel mill-Misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Kelma, il-Misteru tal-Knisja, għax il-Knisja hi komunità miġbura madwar il-preżenza ta’ Kristu u tmur lil hinn minnu. Kelma qawwija din, hux veru!, ikkummenta Franġisku.

Il-Papa semma kelma bil-Grieg proagon li tfisser: kull min imur aktar lil hinn. U minn dan jinbtu l-ideoloġiji kollha: l-ideoloġiji tal-imħabba li jneżżgħu lill-Knisja mil-laħam ta’ Kristu.

‘Iva, jien Kattoliku, jien Nisrani. Inħobb lid-dinja kollha b’imħabba universali.’ Imma dan hu kollu fl-ajru, osserva l-Papa. L-imħabba hi dejjem xi ħaġa ġewwinija, konkreta u tieqaf mad-duttrina tal-Inkarnazzjoni tal-Kelma.

Il-Papa Franġisku kompla jisħaq li min ma jħobbx bl-istess imħabba altruwista kif ħabb Kristu, ikun iħobb b’imħabba ideoloġika. U kompla jwiddeb biex niftħu għajnejna minn min jiżviluppa t-teoriji jew l-imħabba jagħmilha xi ħaġa intellettwali, għax dawn jirvinaw il-Knisja u jġibu sitwazzjoni fejn ikollna Alla mingħajr Kristu, Kristu mingħajr Knisja, u Knisja mingħajr poplu.

Nitolbu lill-Mulej, temm il-Papa, li l-mixja tal-imħabba tagħna qatt ma ssir għalina mħabba astratta. Jalla l-imħabba tagħna tkun konkreta bil-ħidma tal-ħniena fejn aħna mmissu l-Laħam ta’ Kristu Inkarnat. Kien għalhekk li d-djaknu Lawrenzu qal: ‘Il-foqra huma t-teżor tal-Knisja.’ Għaliex? Għax huma l-laħam ta’ Kristu li qed ibati!

Ejjew nitolbu din il-grazzja li ma naqgħux fit-tentazzjoni li ssaħħar lil ħafna nies u l-imħabba nagħmluha xi ħaġa intellettwali jew ideoloġija billi nneżżgħuha mil-Laħam tal-Knisja, billi nneżżgħuha mill-imħabba Nisranija. U ejjew ma naqgħux fl-ispettaklu miskin li jkollna Alla mingħajr Kristu, Kristu mingħajr Knisja, u Knisja mingħajr il-poplu tagħha.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: