L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Pontifikali ta’ Jum it-Tifkira


Il-Ħadd 13 ta’ Novembru 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Pontifikali ta’ Jum it-Tifkira, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

L-erba’ pilastri tal-paċi: il-Verità, il-Ġustizzja, l-Imħabba u l-Libertà
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Jum it-Tifkira

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Illum qed naqdu dmirna lejn dawk ħutna li ħallewna fil‑qadi ta’ dmirijiethom lejn pajjiżna fi żmien ta’ kunflitt; dawk kollha li taw ħajjithom biex aħna nistgħu ngawdu s‑sliem u s‑sigurtà.

Fit‑30 ta’ April li għadda, il‑Papa Franġisku sellem lill‑membri tal‑Forzi Armati li nġabru f’San Pietru biex jiċċelebraw il‑Ġublew tal‑Ħniena. F’din l‑okkażjoni kellu dan x’jgħidilhom: “Il‑membri tal‑Forzi Armati għandhom il‑missjoni li jiggarantixxu ambjent sikur biex kull ċittadin ikun jista’ jgħix fil‑paċi u s‑sigurtà. Fil‑familji tagħkom, fl‑ambjenti differenti li fihom taħdmu, tħabtu biex tkunu għodda ta’ rikonċiljazzjoni, bennejja tal‑pontijiet u dawk li jiżirgħu s‑sliem.”

Intom imsejħa tabilħaqq mhux biss biex ma tħallux li jinbtu u twaqqfu l‑kunflitti, iżda wkoll biex tgħinu fil‑bini ta’ ordni li l‑pedament tiegħu huma l‑verità, il‑ġustizzja, l‑imħabba u l‑libertà, skont kif iddefinixxa l‑paċi l‑Papa San Ġwanni XXIII fl‑Enċiklika tiegħu Pacem in Terris.

L‑affermazzjoni tal‑paċi mhix biċċa xogħol faċli għax il‑gwerra twebbes il‑qlub tal‑bnedmin u tkattar il‑vjolenza u l‑mibegħda. Nitlobkom bil‑ħrara biex ma taqtgħux qalbkom.

Dawn il‑kelmiet tal‑Papa Franġisku jidwu l‑kliem ta’ Ġesù fl‑Evanġelju tal‑lum. “Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil‑pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l‑ewwel jiġri dan, iżda t‑tmiem ma jasalx minnufih.” … “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l‑art titheżżeż bil‑kbir.”

Minħabba li l‑Papa Franġisku semma t‑tagħlim ta’ San Ġwanni XXII fil‑Pacem in Terris (1963) u hekk għamel tiegħu l‑erba’ plieri tal‑paċi fil‑ħajja soċjali: Il‑Verità, il‑Ġustizzja, l‑Imħabba u l‑Libertà, nixtieq nipproponilkom dawn l‑erba’ pilastri għar‑riflessjoni tagħkom, għeżież membri tal‑Forzi Armati. Nixtieq napplika kull wieħed minnhom għar‑rwol tagħkom fis‑soċjetà u l‑esperjenza personali tagħkom f’korpi tad‑dixxiplina. Il‑messaġġ ewlieni tiegħi għalikom hu dan: biex tkunu tassew ħarriesa effettivi tal‑paċi fis‑soċjetà għandkom tippromwovu l‑erba’ plieri tal‑paċi fil‑mod kif iġġibu ruħkom bejnietkom bħala membri tal‑Forzi Armati u fil‑mod kif taqdu d‑dmirijiet tagħkom lejn l‑Istat.

L‑ewwel plier hija l‑verità. Sewwasew kif jgħid San Ġwanni XXIII: “Qabel soċjetà tista tkun meqjusa ordnata, kreattiva u f’armonija mad‑dinjità tal‑bniedem, trid tkun mibnija fuq il‑verità. Fi kliem San Pawl: ‘Warrbu minnkom il‑gideb u għidu l‑verità wieħed lill‑ieħor, għax aħna membri ta’ xulxin.’ U hekk tassew ikun jekk kull wieħed jagħraf b’mod sinċier id‑drittijiet u d‑dmirijiet tiegħu u tal‑oħrajn” (PT 35). L‑ewwel plier jagħmlilkom kuraġġ biex tagħrfu d‑drittijiet u d‑dmirijiet ta’ kulħadd bħala ċittadini tar‑Repubblika, inklużi d‑drittijiet u d‑dmirijiet ta’ sħabkom membri fil‑Forzi Armati. Dan jitlob mill‑mexxejja tal‑Armata sens qawwi ta’ Stat għall‑qadi tal‑ġid komuni.

It‑tieni plier hija l‑ġustizzja. Il‑Papa Roncalli kellu dan xi jgħid dwar il‑ġustizzja. “Is‑soċjetà tal‑bnedmin… titlob li kull bniedem ikun immexxi mill‑ġustizzja, rispett lejn id‑drittijiet tal‑oħrajn u il‑qadi ta’ dmirijiethom.” L‑Ewwel Qari tal‑lum mill‑Profeta Malakija jħabbar din il‑profezija sabiħa: “Imma għalikom li tibżgħu minn ismi titla’ x‑xemx tal‑ġustizzja, bis‑salvazzjoni fuq ġwenħajha”. Salm 98, is‑Salm Responsorjali fil‑Liturġija tal‑Kelma tal‑lum smajna: “Il‑Mulej jagħmel ħaqq mid‑dinja bil‑ġustizzja, u mill‑popli bis‑sewwa.” It‑tmexxija u s‑servizz mibnija fuq il‑ġustizzja jfisser li n‑nies “jirrispettaw id‑drittijiet tal‑oħrajn u jaqdu dmirhom.” Jekk intom tagħrfu d‑drittijiet u d‑dmirijiet se jkollkom iktar ħila tirrispettaw id‑drittijiet fundamentali taċ‑ċittadini, ikollkom iktar ħila taqdu dmirkom taħt ir‑regola tal‑liġi.

It‑tielet plier huwa l‑karità jew l‑imħabba. Dwar dan, il‑Papa Roncalli qal: “[Is‑soċjetà tal‑bnedmin] titlob ukoll li kull bniedem ikun imħeġġeġ b’din l‑imħabba li ġġiegħlu jħoss li l‑ħtiġijiet tal‑oħrajn huma daqslikieku tiegħu stess, tħajjarhom jaqsmu l‑ġid tagħhom mal‑oħrajn, u jitħabtu fid‑dinja biex jagħmlu mill‑bnedmin kollha werrieta tal‑valuri intellettwali u spiritwali l‑iktar nobbli.” Inħeġġiġkom biex iġġibu ’l quddiem ambjent ta’ mħabba fir‑rangi kollha, tevitaw it‑tqassis li javvelena l‑moral tagħkom u tfittxu li tgħożżu d‑doni li kull wieħed u waħda minnkom iġġibu magħkom fil‑Forzi Armati. F’isem il‑poplu ta’ din l‑Omm li tatna isimha, nixtieq inroddilkom ħajr għax‑xogħol erojku tagħkom fil‑protezzjoni ċivili u fir‑rwol tagħkom fil‑ħidmiet umanitarji fil‑Mediterran. Dan kollu, huwa tabilħaqq xhieda ġeneruża tal‑imħabba li jistħoqqilha tifħir u ammirazzjoni.

Ir‑raba’ plier hija l‑libertà. Il‑Papa Ġwanni XXIII qal: “Is‑Soċjetà tal‑bnedmin hija sostnuta mil‑libertà, fi kliem ieħor, fuq l‑użu ta’ mezzi li huma konsistenti mad‑dinjità ta’ kull membru tagħha, li mżejna bid‑dehen, jassumu r‑responsabbiltà ta’ dak li jagħmlu.” Il‑ħsieb tal‑libertà fil‑kuntest ta’ kull armata li taħdem b’dixxiplina militari huwa delikat tassew. Jiena nitlob li l‑mexxejja u r‑rangi qatt ma jkollhom għalfejn jaslu għall‑mument traġiku li fih ikollhom jagħżlu bejn il‑qadi tad‑dmirijiet tagħhom u dak li titlob minnhom il‑kuxjenza. F’dak li għandu x’jaqsam mar‑relazzjoni bejn il‑Forzi Armati u aħna ċ‑ċittadini ordinarji, nitlob li qatt ma jkun il‑mument li fih tkunu msejħa minn min għandu s‑setgħa biex iċċaħħdulna l‑libertajiet tagħna bil‑forza jew bil‑vjolenza inġusta. Jalla nsibu fikom, il‑ħarriesa tas‑sigurtà tagħna, dawk li jiddefendu l‑libertajiet tagħna.

Il‑kliem tal‑Papa Franġisku lilkom huma wkoll kliem ta’ kuraġġ: “Komplu bil‑pellegrinaġġ ta’ fidi tagħkom u iftħu qlubkom għal Alla, il‑missier ħanin li ma jgħejja qatt jaħfrilna. Wiċċ imb wiċċ quddiem l‑isfidi tal‑ħajja ta’ kuljum, iddu b’dik it‑tama Nisranija garanzija tar‑rebħa tal‑imħabba fuq il‑mibegħda u tal‑paċi fuq is‑sliem.” U kif jgħid il‑Mulej fl‑Evanġelju tal-lum: “Jekk tibqgħu sħaħ sal‑aħħar issalvaw ħajjitkom!”

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.