Tagħmlux lil Alla “żero kbir” f’ħajjitkom


Il-Ħadd 13 ta’ Novembru 2016: L-Arċisqof amministra s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof lill- adoloxxenti mill-Parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Parroċċa Sant’Elena, Birkirkara
Fl-aħħar tad-dinja ser ikun hemm ħafna gwerer, ikun hemm anke taqlib fil-pajjiżi, terremoti, ikun hemm il-mard li jittieħed. Ħafna drabi jista’ jkun li aħna nieqfu fuq dan il-kliem li jbeżżgħana u ninsew l-iżjed kliem importanti ta’ Ġesù. L-ewwel nett javżana li se jkun hemm min jgħidilna: “jiena hu, jew jgħidilna ż-żmien wasal” (Lq 21, 8), li dalwaqt tispiċċa d-dinja. Kultant jiġu fid-djar tagħkom tal-Jehovah Witnesses u l-ewwel ħaġa li jgħidulkom jekk ikollkom l-isfortuna li tiftħulhom il-bieb u tisimgħuhom għax ma jitilqu bl-ebda mod – min jaf x’qed ngħid jifhimni għaliex meta jidħlu d-dar ma jitilqu b’xejn sakemm ma jbellgħulkomx il-kotba u jgħidulek “nerġgħu niġu għax id-dinja se tispiċċa dalwaqt”.

Ġesù avzana: “tmorrux warajhom”. Sempliċiment għax ma jridx li jaħlilna ż-żmien, għalhekk. “Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer”, jgħid, juża’ din il-kelma: “tinħasdux” (v. 9). Mela l-ewwel kliem tiegħu huwa biex ma naħlux ħin wara l-ħmerijiet, it-tieni biex l-atteġġjament tagħna ma jkunx ta’ biża’ imma ta’ realiżmu. Hemm il-ħażen fid-dinja u ma nistgħux neħilsu mill-inkwiet kollu.

Ġesù jgħidilna wkoll biex ma nitwerwrux, ma nibżgħux. Din il-kelma importanti, għaliex? Għaliex imbagħad se jkellimna fuq nies li se jobgħoduna. “Kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi” (ara v. 12). Tgħiduli: “x’Evanġelju sibtilna għall-Griżma tagħna!”. L-ewwel nett mhux jien għażiltu, fil-każ kellmu lill-Papa għax dan l-Evanġelju qed jinqara’ bħal-lum mad-dinja kollha. Aħna kull kelma ta’ Ġesù noħduha ħafna bis-serjetà u nippruvaw napplikawha għall-ħajja tagħna.

Jiena bħala Isqof tagħkom, b’mod speċjali intom li se tagħmlu l-Griżma, l-ewwel kelma li rrid ngħidilkom mhux ta’ biża’ imma ta’ kuraġġ għax l-Ispirtu qaddis tal-Mulej li se jirċievu dawn iż-żgħażagħ, huwa Spirtu ta’ qawwa, għerf, denn, paċenzja, għaqal, pjetà u Spirtu tal-biża’ ta’ Alla. Tgħiduli: “qed tara, kif aħna fis-seba doni tal-Ispirtu s-Santu nsemmu l-biża’?”. Dak huwa biża’ differenti, dak huwa li lil Alla ma tgħaddihx biż-żmien, ma tistax , imma min għalik, u tgħid “dawn mhux affarijiet tan-nanniet, dawn l-affarijiet! Aħna nagħmlu l-Griżma, u issa nursery biss, futbol biss, ħallina mill-MUSEUM u mill-għaqdiet, ejja ħa mmorru”. Hemmhekk, ħabib, inti tkun tlift il-Biża’ ta’ Alla. Għalik Alla, bħalma kien jgħid San Ġorġ Preca: “żero kbir”. Għamilt il-Griżma, sirt professur taż-żero għax qisu ma għamilt xejn. “Il-quddies? Insomma f’Santa Liena mmur naqra l-Knisja, ħa nara l-Imperatriċi, imma l-bqija toqgħodx issemmili quddies”. Mela għalik Santa Liena tiswa, imma Alla żero kbir. Taħseb li tieħu pjaċir Santa Liena? Ma naħsibx. Taħseb li s-salib li għandha f’idejha jkun jiswa xi ħaġa għalik jekk inti “l-festa iva ta’”, imma l-bqija xejn?

Ġesù javżana li se jkun hemm min ma jieħux pjaċir bina l-Insara, avżati. M’għandniex għalfejn noqgħodu ninkeddu jekk ikun hemm min ma jieħux pjaċir bina, avżati – qalilna! Qalilna wkoll: “xagħra waħda minn raskom ma tintilifx”. Qalilna wkoll: “Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom” (v. 18).

Wasaltu s’hawn. Jiena nirringrazzja lill-parrini li se jieħdu ħsiebkom bħala parrini, lill-ġenituri tagħkom li ġabukom sa hawnhekk, lil min għallimkom. Isimgħu x’jgħid Ġesù: “Saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom jittradukom” (v. 16). Imma jiena persważ li l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom mhux se jittradukom. Jittradukom jekk iġgħalukom tagħżlu l-ħażen, imma għax iħobbukom intom qegħdin hawn illum tirċievu l-Ispirtu qaddis tal-Mulej.

Jekk tkunu leali lejn Ġesù, m’ghandkomx għalfejn tinkwetaw. Ġesù jgħidilna: “żommu sewwa f’moħħkom, toqogħdux tinkwetaw minn qabel kif se tiddefendu ruħkom għax jiena nagħtikom kliem u għerf” (v. 14). Dan li qed jagħmel il-Mulej illum: qed jagħtikom l-Ispirtu qaddis tiegħu li jekk tkun tħobb ħafna lil Ġesù, avolja tkun midneb, avolja jkollok bżonn tqerr, importanti l-imħabba li jkun hemm ġewwa l-qalb tiegħek. Tgħidlu: “Mulej, jiena midneb imma nħobbok, aħfirli”. Jekk ikun hemm din l-imħabba ġol-qalb tiegħek għal Ġesù, għall-proxxmu, b’mod speċjali l-proxxmu, m’għandekx għalfejn tinwkieta. Taf meta għandek għalfejn tinkwieta? Meta jkollok mibegħda għal xi ħadd. Hemmhekk iva, inkwieta, għax qalbek tibda tmut siegħa siegħa, tkun qed tmut. Jiena nitlob għalikom biex bl-imħabba tagħkom tkunu tistgħu tieqfu kontra min ikun kontra tagħkom għaliex bl-imħabba, it-tajjeb jirbaħ.

Kelma lill-parrini. L-ewwel nett nirringrazzjakom li aċċettajtu li tkunu parrini ta’ dawn iż-żgħażagħ. Tlett affarijiet li noffrihom bħala programm tal-parrinija tagħkom. L-ewwel nett it-talb. Li inti tkun parrinu jew parrina jfisser li se titlob kuljum, imqar talba żgħira, għall-filjozz jew għall-filjozza. Għidlu: “Mulej, ħu ħsiebu, hu ħsiebha. Qiegħda Paceville illejla . . . ”.

It-tieni: sapport, l-ikbar sapport huwa parir bis-sens. Tinduna li qiegħed f’kumpanija fejn jistgħu jagħtuh id-droga, x’se tagħmel? Tgħidlu: “kompli ta’…billi dduqha ftit?”. Mhux se tgħidlu hekk inti, għax inti l-parrinu. Qed jittraskura l-iskola. X’se ngħidlu? “niġi bil-karozza, immorru dawra?”. Le, kollox f’ħinu. Il-parrinu u l-parrina qegħdin ukoll għalhekk.

Għax dan ma nafx x’jiġri kif nagħmlilhom iż-żejt imbierek jien, rashom tibbies, ma nafx x’jiġri jien, imma nafu lkoll x’jiġifieri. Se jikbru, jiżviluppaw bis-siegħat, mhux bil-ġranet, bis-sigħat. Aħna rridu ngħinu liż-żgħażagħ tagħna jikbru f’awtonomija, jiġifieri jkunu adulti, imma adulti bis-sens, mhux billi jkissru lilhom infushom. Il-parrinu u l-parrina għalhekk qegħdin, għax intom parrini mhux tat-trabi, tal-adoloxxenti. Inti dħalt għar-responsabbiltà li tgħin liż-żgħażugħ, liż-żgħażugħa, jimmatura sew għax din mhux ċeremonja u tispiċċa, dina hija rabta spiritwali li ddum. Jiena llum ġejt u sejjer, intom se tħarsu b’għajnejn miftuħin beraħ fuq dawn iż-żgħażagħ, f’ismi wkoll, f’isem il-Knisja. Din hi r-responsabbilta tal-parrinu u tal-parrina li tgħinu lill-ġenituri meta ż-żgħażagħ qegħdin jikbru, jikbru ta’ adulti, jiddeċiedu huma għall-ħajjithom imma mingħajr ma ssirilhom ħsara.

It-tielet: l-eżempju, l-eżempju. Tgħidlu: “inti qed tmur quddies?”, jgħidlek: “inti qiegħed tmur quddies?” Checkmate, checkmate! Il-parrinu u l-parrina jridu jgħinu lill-filjozzi bl-eżempju, eżempju tajjeb, eżempju qaddis.

Jiena nitlob ħafna biex kemm f’dawn iż-żgħażagħ li llum jiena nilqa’ fil-Knisja bħala adulti, ikomplu wkoll il-formazjoni tagħhom. Qed jirċievu l-Ispirtu qaddis tal-Mulej permezz tal-Isqof, permezz tal-Knisja tiegħu. Kieku ma ġejtux hawn, kieku kontu tmorru f’xi kampanja u toqgħod ssejjaħlu: “Spirtu qaddis, ejja fuqi għax jiena fil-Knisja ma nemminx”. Ġejtu hawnhekk għax il-Mulej xtaq li, permezz tal-appostli u s-suċċessuri tagħhom, li huma l-Isqfijiet li jordnaw lis-saċerdoti biex jgħinuhom, l-Ispirtu qaddis jingħata lill-poplu, minkejja li aħna midinbin.

Taħsbux li aħna magħżula għax aħjar minn xi ħadd; aħna mogħtija dan l-Ispirtu qaddis għas-servizz tagħkom, mhux għax aħna bravi jew aħna qaddisin iżjed minnkom, assolutament mhux hekk. L-Isqof u s-saċerdot tirrispettah mhux għax gustuż, tirrispettah mhux għax qaddis, imma titlob li jkun qaddis. Tirrispettah għax qiegħed hemm, miksi bid-dnubiet, biex jagħtik xi ħaġa li mhix tiegħu. Għalhekk, jiena nitlob ukoll, li minkejja d-difetti tagħna, il-Mulej ikompli jsejjaħ żgħażagħ għas-saċerdozju, għall-ħajja reliġjuża, u għaż-żwieġ Nisrani.

Jiena nixtieq nirringrazzja lil dawn l-erbgħa ċentri ta’ katekeżi li nġabru llum hawnhekk għal din il-festa: liċ-ċentri tal-MUSEUM, liċ-ċentri li huma f’idejn il-Patrijiet Franġiskani, u l-Oratorju f’idejn is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Din hija rikkezza ta’ Birkirkara, parroċċa tant kbira, parroċċa tant għażiża.

L-aħħar talba hija biex Santa Liena tidħol quddiem Alla għal kull wieħed u waħda minnkom, u l-qaddisin kollha patruni tagħkom, biex ma niġġieled ma ħadd, biex aħna nħarsu lejhom u ngħidu: “dawn kienu bnedmin bħalna, kellhom id-difetti tagħhom, imma ħabbew ħafna lil Ġesù u llum qegħdin igawduh”. Nitolbu wkoll għal dawk li ħallewna – qegħdin fix-xahar ta’ Novembru – b’mod speċjali l-qraba tagħkom li qegħdin il-ġenna, itolbuhom biex jitolbu għalikom, ħalli meta Ġesù jsejħilna u aħna m’aħniex mgħaġġlin, nistgħu ngħidulu “m’aħniex mgħaġġlin”, isibna ppreparati biex nilqgħuh.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.