Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-imħabba tal-ġenn li għandu Alla għalina tibki quddiem l-infedeltà tagħna

L-imħabba tal-ġenn li għandu Alla għalina tibki quddiem l-infedeltà tagħna


Il-Ħamis 17 ta’ Novembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Ġesù jibki lil Ġerusalemm. Il-Papa bena l-omelija li għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta fuq dan il-punt u spjega r-raġuni ta’ dil-bikja.

 

Ġesù jibki għax jiftakar fl-istorja tal-poplu tiegħu. Minn naħa hemm l-imħabba bla qies u mill-oħra t-tweġiba tal-poplu egoist, sfiduċjat, adulteru u idolatra. L-imħabba tal-ġenn ta’ Alla għall-poplu tiegħu tidher qisha dawgħa, imma l-fatti mhumiex hekk.

Infatti Ġesù jġib f’moħħu l-passi tal-profeti bħal Ħosea u Ġeremija, meta dawn jistqarru l-imħabba t’Alla għal Iżrael. Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jilmenta wkoll li Ġerusalemm ma għarfitx iż-żmien taż-żjara li saritilha.

Dan hu li jnikket il-qalb ta’ Ġesù, din l-istorja ta’ infedeltà, l-istorja li huma ma għarfux it-tmellisa ta’ Alla, imħabbtu, l-imħabba ta’ Alla nnamrat minnek, li jfittxek, li jfittex li int ukoll tkun hieni.

Dak il-ħin Ġesù ra dak li kien hemm jistennieh bħala Iben…. u beka….. għax dal-poplu ma għarafx iż-żmien li fih saritlu ż-żjara. Dan id-dramm ma seħħx biss fl-istorja u ntemm ma’ Ġesù. Huwa d-dramm tal-ħajja ta’ kuljum. Hu d-dramm tiegħi wkoll, qal il-Papa.

Jista’ kull wieħed/waħda minna jgħid: Jien naf nagħraf iż-żmien li fih saritli ż-żjara? Meta ġie jżurni Alla?, staqsa l-Papa.

Franġisku ssokta jgħid li l-liturġija ta’ jumejn ilu għenitna nirriflettu fuq tliet mumenti li fihom iżurna Alla: biex jikkoreġina, biex jidħol fi djalogu magħna, u biex jistieden ruħu ġewwa darna. Meta Alla jkun irid jikkoreġi, jistieden lil dak li jkun biex jibdel ħajtu. Meta jkun irid ikellimna, jgħid: ‘Jien qed inħabbat fuq biebek u qed insejjaħlek. Iftaħli!’

U biex jistieden ruħu għand Żakkew, qallu biex jinżel. Allura, kompla Franġisku, jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna kif inhi qalbna, nagħmlu eżami tal-kuxjenza, nistaqsu lilna nfusna: naf nismagħha l-kelma ta’ Ġesù meta jħabbat fuq biebi u jgħidli: Ikkoreġi ruħek?

Infatti kulħadd jinsab f’riskju. Kull wieħed u waħda minna nistgħu naqgħu fl-istess dnub tal-poplu ta’ Iżrael, fl-istess dnub ta’ Ġerusalemm: li ma għarfux iż-żmien li fih saritilhom iż-żjara.

Il-Mulej iżurna kuljum, kuljum iħabbat fuq il-bieb tagħna. Imma jeħtieġ nitgħallmu nagħrfu dan il-waqt biex ma nispiċċawx naqgħu f’dik is-sitwazzjoni tant kerha: ‘Aktar ma ħabbejthom, aktar ma sejjaħtilhom, aktar tbiegħdu minni.’

Aħna naħsbu bejnna u bejn ruħna: ‘Jien ċert minni nnifsi. Immur il-quddies.’ Imma, kompla jistaqsi l-Papa, int tagħmel eżami tal-kuxjenza kuljum? Tistaqsi jekk il-Mulej ġiex iżurek? Ħsibt jekk kellekx xi stedina, xi dawl biex timxi warajH aktar qrib, biex tagħmel xi att ta’ karità, titlob ftit aktar? Tant u tant affarijiet li l-Mulej ta’ kuljum jistedinna bihom biex jiġi jiltaqa’ magħna.

Fil-fehma tal-Papa hu ċentrali li aħna nagħrfu l-waqt li fih issirilna ż-żjara mingħand Ġesù biex ninfetħu għall-imħabba.

Ġesù, kompla jgħid il-Papa Franġisku, ma bekiex biss għal Ġerusalemm imma għalina lkoll. U jagħti ħajtu biex aħna nindunaw meta jżurna. Santu Wistin kien jgħid xi ħaġa verament iebsa: ‘Nibża’ minn Alla, minn Ġesù meta jkun għaddej!’ Imma għaliex? ‘Għax nibża’ li ma nindunax biH, ma nagħrfux!’ Jekk int ma toqgħodx attent għal dak li tgħidlek qalbek, qatt m’int se tinduna jekk Ġesù jkunx qed iżurek jew le.

Jalla l-Mulej itina l-grazzja, temm il-Papa, li nagħrfu ż-żmien meta kien żarna, meta qed iżurna u meta għad iżurna, biex niftħulu l-bieb ħalli qalbna titwessa’ fl-imħabba u bl-imħabba sservi lill-Mulej Ġesù.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: