L-Arċisqof jikkonsagra l-Artal u s-Santwarju Ħniena Divina fin-Naxxar


Is-Sibt 19 ta’ Novembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna kkonsagra l-artal u s-Santwarju Ħniena Divina waqt Quddiesa fis-Santwarju, in-Naxxar.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Santwarju Ħniena Divina, in-Naxxar
Inġbarna f’ġurnata ta’ maltemp, u ta’ xita. Jiena nirringrazzjakom ħafna tal-att erojku tagħkom li tkunu hawnhekk illejla. Nimmaġina li stajtu toqgħodu d-dar komdi, imma napprezza l-fatt li żammejna dan l-appuntament hekk u nibdew il-festa ta’ Kristu Sultan biex niddedikaw, nikkonsagraw dan it-tempju. Huwa tempju tal-ġebel, tal-konkos, frott il-ġenju tal-bniedem u l-ġenerożità tagħkom, il-ħeġġa ta’ tant persuni b’mod speċjali ta’ Fr Michael.

“Fraħt meta qaluli: ‘immoru f’dar il-Mulej’” (S 121, 1). Kemm aħna kapaċi nemmnuha din il-kelma ta’ Alla? Kultant niġu jew bħala drawwa, jew għax iġibuna, imma llum irridu nitolbu l-Ispirtu qaddis tal-Mulej biex jagħtina din il-grazzja: li nixxenqu għad-dar tiegħu. “Fraħt meta qaluli: ‘immorru f’dar il-Mulej’. Diġà qegħdin riġlejna fi bwiebek, Ġerusalemm” (v.1-2).

Min iżur Ġerusalemm juruh għolja li minnha l-pellegrini kienu jilmħu għall-ewwel darba fil-belt il-Belt Qaddisa. Illum hemm monasteru ċkejken u anke moskea, imma dan kien post għażiż għax min dak il-post, wara l-għoljiet tal-Lhudija, il-pellegrini setgħu jgħidu s-Salm 121: “diġa qegħdin riġlejna fi bwiebek Ġerusalemm”.

Din id-dar li aħna bnejna lill-Mulej trid tfakkarna f’diversi realtajiet. It-terminoloġija, il-kelma ‘tempju’ fl-Evanġelju, fl-Ittri ta’ San Pawl u fl-Apokalissi ta’ San Ġwann, il-kelma ‘tempju’ tfisser ħafna affarijiet fuq diversi livelli. L-ewwel nett tfisser it-tempju tal-ġebel, dar il-Mulej. Għandna wkoll il-knisja, dar il-ġemgħa u għalhekk kelma li nużaw għal dan it-tempju, it-tempju fit-terminoloġija Nisranija, hija propju knisja, ecclesia.

Il-kelma ‘knisja’ mill-għerq semitiku tagħha hija propju ‘li inti tiġbor’. Il-Lhud per eżempju għandhom il-knesset li ġej mill-istess għerq, ‘l-assemblea’. Biex niġbru t-trab tal-art aħna ngħidu nikinsu li għandha l-istess għerq. Aħna l-knisja – mhux għax aħna knis, kultant ukoll – imma aħna knisja miġburin, nistgħu ngħidu li aħna trabiet li l-Mulej jiġbor bl-ixkupa tal-ħniena tiegħu. Il-kelma għall-ġemgħa tagħna sellifnieha wkoll għal fejn niltaqgħu; aħna l-knisja, imma fejn niltaqgħu għandu l-istess isem, ‘ecclesia’ bil-Grieg.

It-tempju ngħidulu wkoll is-sinjal tal-komunità tagħna, imma huwa wkoll sinjal tal-ġisem ta’ Ġesù: “ħottu dan it-tempju u fi tliet ijiem nerġa’ nibnih”. San Ġwann l-Evanġelista jgħidilna li kien qed jirreferi għat-tempju tal-ġisem tiegħu. Fl-Evanġelju tal-lum aħna xhieda tal-mument meta t-tempju jinħatt, meta Ġesù minxur fuq is-salib jiġi għal darba, darbtejn, tlieta, jiġi zzikat u umiljat bl-impotenza tiegħu. “Salva oħrajn, ħa jsalva lilu nnifsu” (Lq 23, 35). “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek” (v. 37). “Inti m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna” (v.39). Il-Mulej jiġi sfidat tliet darbiet biex jagħmel xi ħaġa għalih innifsu, “għamilt tant għall-oħrajn, salva lilek innifsek!”, sotto-intesi: “jekk inti kapaċi”, għax ‘wara kollox inti quddiemna għarwien, imsallab bħall-iskjavi, bħal dawn iż-żewġ kriminali ta’ maġenbek, inżel, inti pretensjonijiet waħdek, int fantasija, illum sirna nafu min int’.

Sirna nafu min hu! Dawn l-aħħar tliet tentazzjonijiet ta’ Ġesù, il-Mulej jirbaħhom bis-silenzju tiegħu, bl-imħabba li tibqa’ msallba mas-salib, imma hemm xi ħadd li jagħraf tassew lil Ġesù. “Tagħna hija ġusta l-kundanna, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin” (v. 41). Dan il-kriminal idur fuq il-Mulej u jsejjaħlu b’ismu. La jgħidlu ‘salva oħrajn’, la jgħidlu ‘Sultan tal-Lhud’, la jgħidlu ‘Messija’ – dan il-kriminal lill-Mulej isejjaħlu b’ismu: “Ġesù, Ġesù”. Waqt li qed ilissen dan l-isem, qed jgħid l-ikbar verità, Alla jsaltan, Yeshua. “Ftakar fija meta tiġi fis-saltna tiegħek” (v. 42). Dan il-kliem li huma waħda mill-isbah xhieda ta’ fidi, jgħidhom kriminal imsallab, ikkundannat u i jaf li se jmut. Fihom sinteżi tal-missjoni ta’ Ġesù. L-ewwel nett jammettu li huwa sultan, “is-saltna tiegħek” – ma jistax ikollok saltna jekk m’intix sultan. “Ftakar fija meta tiġi fis-Saltna tiegħek”. Bħalma nagħmlu aħna l-bnedmin, meta nindunaw li qed inkellmu lil xi ħadd li verament jista’ jagħtina xi ħaġa kbira, imma b’fidi kbira jgħidlu “ftakar fija”.

Wara t-trasfigurazzjoni, għall-aħwa ta’ ulied Żebedew kienet faċli jmorru għand il-mama tagħhom u jgħidulha: “x’wieħed sibna, rajnih fil-glorja”. Hi tmur quddiem il-Mulej għarkubbtejha u tgħidlu: “nixtieq pjaċir”. “Xi tridni nagħmillek?” jgħidilha Ġesù. “Agħmel li wliedi, wieħed ikun fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fis-saltna tiegħek”, (ara Mt 20, 20-22) imma fil-glorja. Wieħed minn dawn l-aħwa qiegħed ħdejn is-salib mal-mama ta’ Ġesù, Ġwanni kien ukoll fit-trasfigurazzjoni. Mhuwiex qiegħed fuq il-lemin jew fuq ix-xellug ta’ Ġesù għax għadu ma wasalx il-mument ta’ l-aħħar xhieda, tal-martirju, imma qiegħed taħt is-salib mal-mama ta’ Ġesù u qiegħed jifhem is-saltna glorjuza ta’ Ġesù verament x’inhi. Il-kapaċità li tagħtina sens tal-ħajja lil hemm mill-ħajja li naraw u li waqt li tagħmel hekk, tagħti togħma ġdida, bnina, sabiħa, vera li l-ħajja li ngħixu f’din id-dinja, “tassew ngħidlek illum tkun miegħi fil-ġenna” (Lq 23, 43).

Dawn il-kliem huma kliem ta’ maħfra, huma kliem ta’ mħabba, huma kliem ta’ ħniena. Il-kriminal mhux biss maħfur imma gglorifikat. “Illum tkun miegħi fil-ġenna”, speċi ta’ kanonizzazzjoni qabel il-mewt. Il-Mulej wegħdu l-ġenna u dak li jwieġħed jagħmlu. Aħna wkoll, ibda mit-tempju li se niddedikaw lill-Mulej illum, irridu “nroddu ħajr lill-Missier li għamilna denji li nissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl għax hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam u daħħalma fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet” (Kol 1, 12-14).

Dawn il-kliem tal-appostlu Missierna jikkonfermaw li l-kliem ta’ Ġesù fuq is-salib għall-ħalliel, li għalina jibqa’ l-ħalliel it-tajjeb, huma wkoll għalina: “daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż”. “Ftakar fija meta tiġi fis-saltna tiegħek”. “Ngħidlek illum tkun miegħi fil-ġenna”. Din hija s-saltna tal-Mulej, saltna ta’ paċi, saltna ta’ ġustizzja, saltna ta’ libertà, saltna ta’ sliem, saltna ta’ maħfra, saltna ta’ ħniena. Aħna nifirħu li ġejna f’dar il-Mulej għaliex għalina hija l-għatba tal-ġenna. “Fraħt meta qaluli immorru f’dar il-Mulej”. Minn hawnhekk nistgħu ngħidu “diġa qegħdin riġlejna fi bwiebek Ġerusalemm”.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.