Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-mewt ma tbeżżagħniex jekk inkunu fidili lejn il-Mulej

Il-mewt ma tbeżżagħniex jekk inkunu fidili lejn il-Mulej


It-Tlieta 22 ta’ Novembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-fedeltà lejn il-Mulej ma tqarraqx bina, anke fil-waqt tal-mewt u tal-ġudizzju ta’ Alla. Jekk aħna konna fidili m’għandniex għalfejn nibżgħu. Il-Papa Franġisku għamel din l-affermazzjoni waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.

 

Għandna sejħa mingħand il-Mulej biex naħsbu bis-serjetà dwar it-tmiem, it-tmiem ta’ kull wieħed u waħda minna, għax ilkoll irridu nintemmu.

Ħadd ma jieħu gost jitkellem dwar dawn l-affarijiet, osserva l-Papa, imma din hi l-verità. U meta xi ħadd minna jkun telaq, jgħaddu s-snin u kulħadd jinsiena.

Jien għandi ‘djarju’, żvela Franġisku, li fih nikteb kull meta tmut xi persuna, u kuljum nara li jkun l-anniversarju ta’ xi ħadd u nosserva kif għadda ż-żmien.
Dan jobbligana biex naħsbu dwar dak li se nħallu warajna, liema hi l-mappa ta’ ħajjitna. U wara li jasal it-tmiem, kif naqraw fil-paġna mill-Apokalissi ta’ San Ġwann fil-liturġija tal-lum, se jkun hemm il-ġudizzju għal kull wieħed u waħda minna.

Jagħmlilna tajjeb naħsbu: Kif se jkun dak il-jum li fih insib ruħi quddiem Ġesù, meta se jistaqsini x’għamilt bit-talenti li tani, meta Hu jistaqsini kif kienet qalbi meta waqgħet iż-żerriegħa, ħajti kinitx mixja jew inkella bix-xewk….. dawk il-parabboli tas-Saltna t’Alla? Kif ilqajtha l-Kelma? B’qalb miftuħa? Ħallejtha twarrad biex tkun ta’ ġid għal kulħadd, anke bil-moħbi?

Kull wieħed u waħda minna għad ikun quddiem Ġesù fil-jum tal-ġudizzju, għalhekk, wissa l-Papa hu u jikkwota l-Vanġelu: tħallux min iqarraq bikom. L-ingann li qed jitkellem dwaru hu l-aljenazzjoni, l-ingann ta’ dak li hu superfiċjali, li m’għandux traxxendenza, l-ingann li ngħix qisni qatt ma jien se mmut. Meta jasal il-Mulej, kif se jsibni?, staqsa l-Papa. Isibni nistennieH jew mgħaddas f’tant aljenazzjonijiet tal-ħajja?

Niftakar meta kont tifel, issokta l-Papa, meta kont immur għall-katekiżmu kienu jgħallmuna erba’ affarijiet: mewt, ġudizzju, infern u glorja. Wara l-ġudizzju dawn huma l-possibiltajiet.

Imma dan qed tgħidu biex tbeżżagħna?….. Le, din hi l-verità! Għax jekk int ma tiħux ħsieb qalbek biex il-Mulej ikun miegħek, u minflok tgħix dejjem bogħod mill-Mulej, forsi jkun hemm il-periklu li tkompli l-eternità b’dal-mod: bogħod mill-Mulej. Dan hu ikrah ħafna!

Għalhekk il-Papa sejħilna lkoll mill-ġdid biex nagħmlu din ir-riflessjoni: naħsbu kif se jkun it-tmiem tagħna u x’se jiġri meta nkunu quddiem il-Mulej. Il-konklużjoni biex aħna nneħħu l-biża’ ta’ dak il-waqt, il-Papa ħadha mill-ġdid mill-Apokalissi ta’ San Ġwann. Hija l-parir li jtina l-Appostlu: Kun fidil sal-mewt – jgħid il-Mulej – u ntik il-kuruna tal-ħajja.

Il-fedeltà lejn il-Mulej ma tqarraqx. Jekk aħna lkoll inkunu fidili lejn il-Mulej, meta tasal il-mewt ngħidu flimkien ma’ San Franġisk: ‘Oħti l-mewt, ejja…’
Ma tbeżżagħniex. U meta jasal il-jum tal-ġudizzju, inħarsu lejn il-Mulej u ngħidulu: ‘Mulej, jiena għandi tant dnubiet, imma għamilt ħilti biex inkun fidil.’ U l-Mulej hu twajjeb.

Dan il-parir intik, temm il-Papa: Kun fidil sal-mewt – jgħid il-Mulej – u jiena ntik il-kuruna tal-ħajja. B’fedeltà bħal din ma jkollniex għalfejn nibżgħu mit-tmiem, fit-tmiem tagħna ma jkollniex għalfejn nibżgħu fil-jum tal-ġudizzju.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: