Nagħtu parir u Ngħallmu


37. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 23 ta’ Novembru 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Issa li ntemm il-Ġublew, illum nerġgħu lura għan-normalità, imma baqgħalna xi riflessjonijiet fuq l-opri tal-ħniena, u għalhekk inkomplu dwar hekk.

Ir-riflessjoni fuq l-opri tal-ħniena spiritwali llum hi dwar żewġ għemejjel marbuta sew ma’ xulxin: agħti parir lill-ħosbien u għallem lil min ma jafx. Il-kelma injorant hi qawwija ħafna, imma tfisser dawk li ma jafux xi ħaġa u li jridu min jgħallimhom. Huma għemejjel li nistgħu ngħixuhom kemm f’dimensjoni sempliċi, familjari, li jista’ jkollu sehem fiha kulħadd, u kemm – speċjalment it-tieni waħda, dik li ngħallmu – fuq livell iżjed istituzzjonali, organizzat. Naħsbu, ngħidu aħna, f’kemm tfal għadhom ibatu mill-analfabetiżmu. Din ma nifhmuhiex: f’dinja fejn il-progress teknoloġiku u xjentifiku laħaq livelli hekk għoljin, għad fadal tfal ma jafux jiktbu u jaqraw! X’inġustizzja! Kemm tfal qed ibatu minħabba n-nuqqas ta’ tagħlim. Hi kundizzjoni ta’ inġustizzja kbira li thedded l-istess dinjità tal-persuna. Mingħajr tagħlim faċli wieħed jisfa priża tal-isfruttament u ta’ bosta xejriet ta’ tbatija soċjali.

Matul is-sekli l-Knisja ħasset il-ħtieġa li tħabrek fil-qasam tat-tagħlim biex il-missjoni tagħha ta’ evanġelizzazzjoni tiġbor fiha l-impenn li trodd id-dinjità lill-iżjed foqra. Mill-ewwel eżempju ta’ “skola” mwaqqfa propju hawn Ruma minn San Ġustinu, fit-tieni seklu, biex l-Insara jsiru jafu aħjar l-Iskrittura Mqaddsa, sa San Ġużepp Calasanz, li fetaħ l-ewwel skejjel b’xejn għall-poplu fl-Ewropa, għandna lista twila ta’ qaddisin irġiel u nisa li f’diversi żminijiet għallmu lil dawk li kienu l-inqas vantaġġjati, għax kienu jafu li b’din it-triq setgħu jegħlbu l-faqar u d-diskriminazzjoni. Kemm Insara, lajċi, aħwa kkonsagrati, saċerdoti taw ħajjithom fit-tagħlim, l-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ. Din xi ħaġa kbira: jien nistedinkom tagħtuhom omaġġ b’applaws qawwi! [applaws tal-fidili] Dawn il-pjuniera tat-tagħlim kienu fehmu sew l-opra tal-ħniena u għamlu minnha stil ta’ ħajja hekk li bidlu mill-qiegħ lill-istess soċjetà. Permezz tal-ħidma sempliċi tagħhom u ftit strutturi għarfu jroddu d-dinjità lil tant persuni! U t-tagħlim li kienu jagħtu spiss kien orjentat ukoll lejn ix-xogħol. Aħsbu f’San Ġwann Bosco li kien iħejji liż-żgħażagħ tiegħu tat-triq għall-ħajja tax-xogħol, bl-oratorju u mbagħad bl-iskejjel, l-uffiċċji. Hekk nibtu bosta skejjel differenti u kollha professjonali, li kienu jħejju għall-ħajja tax-xogħol waqt li jedukaw fil-valuri umani u Nsara. Għalhekk it-tagħlim hu tabilħaqq għamla partikulari ta’ evanġelizzazzjoni.

Iktar ma jiżdied it-tagħlim, iżjed il-persuni jiksbu ċertezzi u għarfien, li lkoll għandna bżonnhom fil-ħajja. Edukazzjoni tajba tgħallimna l-metodu kritiku, li jinkludi wkoll xi għamla ta’ dubju, siewi biex nistgħu nagħmlu ċerti mistoqsijiet u nivverifikaw ir-riżultati milħuqa, fid-dawl ta’ għarfien ikbar. Imma l-opra tal-ħniena li nagħtu l-parir lill-ħosbien mhix dwar din l-għamla ta’ dubju. Nuru ħniena ma’ min hu ħosbien ifisser inserrħu dak l-uġigħ u dik it-tbatija li jiġu mill-biża’ u l-ansjetà li huma konsegwenza tad-dubju. Għalhekk hu att ta’ mħabba vera li bih irridu nwieżnu persuna fid-dgħufija li tiġi mill-inċertezza.

Naħseb xi ħadd jista’ jistaqsini: “Dun, imma jien għandi tant dubji fuq il-fidi, x’għandi nagħmel? Int qatt ma jkollok dubji?”. Ikolli ħafna… Bla dubju, f’ċerti mumenti kulħadd jiġuh id-dubji! Id-dubji li jmissu l-fidi, f’sens pożittiv, huma sinjal li rridu nsiru nafu aħjar u iktar fil-fond lil Alla, lil Ġesù, u l-misteru ta’ mħabbtu lejna. “Imma jien għandi dan id-dubju: infittex, nistudja, nara jew nitlob parir fuq kif għandi nagħmel”. Dawn huma dubji li jgħinuk tikber! Mela hi ħaġa tajba li nagħmlu ċerti mistoqsijiet fuq il-fidi tagħna, għax b’dan il-mod inħossuna mqanqla biex ninżlu iktar fil-fond tagħha. Madankollu, id-dubji qegħdin hemm biex negħlbuhom. Għalhekk jeħtieġ nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, u nifhmu dak li tgħallimna. Triq importanti li tgħinna ħafna f’dan hi dik tal-katekeżi, li biha x-xandir tal-fidi jiġi jiltaqa’ magħna fil-konkret tal-ħajja personali u komunitarja tagħna. U fl-istess waqt hemm triq oħra daqstant ieħor importanti, dik li kemm hu possibbli ngħixu l-fidi. Ma nagħmlux mill-fidi xi teorija astratta fejn id-dubji joktru. Pjuttost irridu nagħmlu mill-fidi l-ħajja tagħna. Infittxu li nipprattikawha fil-qadi ta’ ħutna, speċjalment ta’ dawk l-iżjed fil-bżonn. U hekk ħafna dubji jisfumaw fix-xejn, għax inħossu l-preżenza ta’ Alla u l-verità tal-Vanġelu fl-imħabba li, mingħajr merti tagħna, tgħammar fina u naqsmuha mal-oħrajn.

Għeżież ħuti, kif tistgħu taraw, lanqas dawn iż-żewġ opri ta’ ħniena mhuma maqtugħa minn ħajjitna. Kull wieħed u waħda minna jista’ jħabrek biex jgħixhom u jqiegħed fil-prattika l-kelma tal-Mulej meta jgħid li l-misteru tal-imħabba ta’ Alla ma ġiex muri lill-għorrief u lil dawk li moħħhom jilħqilhom, imma liċ-ċkejknin (ara Lq 10:21; Mt 11:25-26). Għalhekk, it-tagħlim l-iżjed profond li aħna msejħin ngħaddu u ċ-ċertezza l-iżjed żgura biex noħorġu mid-dubju, hi l-imħabba ta’ Alla li biha ġejna maħbuba (ara 1 Ġw 4:10). Imħabba hekk kbira, b’xejn u mogħtija għal dejjem. Alla qatt ma jerġa’ lura minn imħabbtu! Dejjem jimxi ’l quddiem u jistenna; jagħti mħabbtu għal dejjem, li għalhekk għandna nħossu qawwija r-responsabbiltà tagħha, biex inkunu xhieda tagħha billi noffru ħniena lil ħutna. Grazzi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.