Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Id-dannazzjoni eterna mhix xi kamra tat-tortura imma l-firda minn ma’ Alla

Id-dannazzjoni eterna mhix xi kamra tat-tortura imma l-firda minn ma’ Alla


Il-Ġimgħa 25 ta’ Novembru 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-għażla li nibqgħu bogħod mill-Mulej – din hi d-dannazzjoni eterna, qal il-Papa waqt il-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Il-Papa wissiena biex qatt ma nidħlu fi djalogu max-xitan, għax dan isaħħarna u jqarraq bina. Minflok, b’qalb umli, għandna nibqgħu resqin dejjem lejn l-aħħar laqgħa tagħna mal-Mulej fil-jum tal-ġudizzju.

 

F’dawn l-aħħar jiem tas-sena liturġika, il-Knisja ttina riflessjoni dwar l-aħħar tad-dinja. Il-Papa tkellem dwar dan, imnebbaħ mill-qari meħud mill-Apokalissi ta’ San Ġwann.

Kif se jkun il-ġudizzju universali u l-aħħar laqgħa ma’ Ġesù?

L-ewwel ma jkun iġġudikat hu d-dragun, is-serpent antik li hu x-xitan u li l-anġlu li jinżel mis-sema jwaddbu fl-abbissi, marbut bil-ktajjen, ħalli ma jsaħħarx aktar lin-nazzjonijiet, għax hu seduttur, qal il-Papa Franġisku.

Hu giddieb, u aktar minn hekk – missier il-gideb. Hu joħloq il-gideb u huwa qarrieq. Iġiegħlek temmen li jekk tiekol din t-tuffieħa se tkun bħal Alla. Ibiegħlek dil-gidba b’mod li inti tixtriha u fl-aħħar mill-aħħar ikun qarraq bik u rvinalek ħajtek.

Imma kif nistgħu nagħmlu biex ma nħallux lix-xitan iqarraq bina? Ġesù jgħallimna li qatt m’għandna nidħlu fi djalogu max-xitan. X’għamel Ġesù max-xitan? Keċċieh, staqsieh min hu imma ma daħalx fi djalogu miegħu.
Anke fid-deżert, żied il-Papa, Ġesù ma kkwotax lilu nnifsu għax kien konxju mill-periklu. Fit-tliet tweġibiet li ta lix-xitan, iddefenda ruħu bil-Kelma t’Alla, il-Kelma tal-Bibbja.

Allura qatt m’għandna niddjalogaw ma’ dan il-giddieb, dan il-qarrieq, saħaq mill-ġdid il-Papa Franġisku, għax dan qed ifittex ir-rovina tagħna u huwa għalhekk li jintefa’ fl-abbissi.

Fil-paġna tal-Apokalissi jidhru mbagħad l-erwieħ tal-martri, l-umli, osserva l-Papa, dawk li taw xhieda ta’ Ġesù Kristu u ma adurawx lix-xitan u lis-segwaċi tiegħu: il-flus, il-mondanità, il-vanità, anzi tilfu ħajjithom minħabba f’hekk.

Il-Mulej għad jiġġudika lil kulħadd, kbar u żgħar, skont dak li jkunu għamlu. Fl-Apokalissi naqraw mill-ġdid li l-ikkundannati jintefgħu fl-għadira tan-nar.

Id-dannazzjoni eterna, issokta l-Papa, mhix xi kamra tat-tortura – din hi deskrizzjoni tat-tieni mewt. Id-dannazzjoni eterna hija mewt. U dawk li ma jkunux milqugħin fis-Saltna t’Alla jiġrilhom hekk għax ma jkunux għexu qrib il-Mulej. Huma dawk li dejjem imxew għal rashom, tbiegħdu mill-Mulej u għażlu li jitwarrbu minnu. U d-dannazzjoni eterna hi dal-fatt, li dejjem jibqgħu jitbiegħdu minn Alla.

Dejjem bogħod minn ‘Alla tal-hena’ minn ‘Alla li jridilna tant ġid’. Dan hu n-nar, qal il-Papa, din hi t-triq tad-dannazzjoni eterna.

Imma l-aħħar paġna tal-Apokalissi tinfetaħ għat-tama.

Jekk aħna niftħu qlubna kif jistedinna nagħmlu Ġesù, u ma naqdfux għal rasna, ikollna l-ferħ tas-salvazzjoni. Sema u art ġodda, li naqraw dwarhom fl-ewwel qari. Allura nħallu lil Ġesù jmellisna, u jaħfrilna, mingħajr suppervja, imma bit-tama. Din hi l-istedina tal-aħħar:

It-tama li tiftaħ il-qlub għal-laqgħa ma’ Ġesù. Dan hemm jistenniena: il-laqgħa ma’ Ġesù. Dan hu sabiħ, sabiħ ħafna! U Hu jistedinna biex inkunu umli u biex ngħidu: ‘Mulej, biżżejjed dik il-kelma,’ imbagħad Hu jagħmel il-bqija, ikkonkluda l-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: