R…A…D…A…R!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Il-ħajja tal-kuvent sabiħa. L-għaliex hija sample ta’ dak li hemm barra, fis-soċjetà. Hija ħajja ta’ nies li għandhom saqajhom fl-art. Għalkemm jittammaw li ruħhom tkun fis-sema!

Kienu għall-ħabta tas-1.00 pm. Kienet ġurnata fejn kelli x’nagħmel bil-bosta. Mhux biżżejjed kelli xift iebes l-isptar. Nirringrazzja l’Alla tad-don tal-ħajja! Għalhekk kont qiegħed ftit il-kunvent. Nirranġa naqra l-kamra. Għax jien Sur raġel m’għandix il-mara li tagħtini daqqa t’id! U wara li lestejt inżilt ħa nittrejjaq. U iva! Ħa niekol. Is-soltu!

Issa hekk kif se naqbad nieżel isfel iltqajt miegħu. “Ara! Merħba bik!” sellimli bit-tbissima. “U merħba bik int ukoll ħabib!” dlonk weġibtu jien. Rajtlu fuqu flok li tgħidx kemm interessani. Mhux biex noħodulu. Tinsewx! Hemm il-kmandament! La tisraqx! U lanqas l-għaliex dan il-flok xtaqtu għandi. Mela insejnieh il-kmandament La tixtieqx …? Issa dak mhux għan-nisa u l-irġiel biss qiegħed. Imma wkoll għall-affarijiet! U int ma tafx kif qalbi u qalbek tintrabat ma’ kollox? Għaġeb mela li Santa Tereża t’Avila qalbha, anki jekk għal żmien żgħir, intrabtet ma’ pjanta?

Il-flok abjad kien interessanti. L-għaliex, eżatt fuq in-naħa tax-xellug tiegħu, mela fuq il-qalb, kellu meħjut raġel liebes in-nuċċali. U veru biċċa ta’ nuċċali tafux! Kemm laqagħtni dan l-imbierek nuċċali! “Alla jbierek x’nuċċali għandu sieħbek tal-flokk!” inbixtu jien. “Iva!” qalli. “Qisux bħal dawk li jħobbu jittrumbjaw!” erġjat weġibtu jien. Il-Patri daħakha. U qalli: “R…A … D… A… R!.

Iva ħbieb! R…A … D… A… R! Ma tista’ tgħid xejn. Ma tista’ tagħmel xejn. Għaliex għid li se jqislek il-passi tiegħek. Inkella tipprova tindheslek u tagħmillek friend request ħa titkixxef naqra fuqek fuq il-Facebook! R…A … D… A… R! Ngħidha biss il-kelma ukoll tqabbadni l-bard ta’ Jannar. Anki jekk ikun fl-eqqel t’Awwissu. L-għaliex hu ta’ qsiem il-qalb tkun taf li għandek min iqislek il-passi tiegħek. U dak li jkun, meta jibda’ isib lil min iqislu l-passi tiegħu, jibda’ jiddejjaq. Għall-ewwel ma jgħidlix. L-għaliex jaħseb li se nkun matur u matura biżżejjed biex nintebaħ. Imma mbagħad, meta jispiċċa jindaħal fil-ħajja personali ta’ ħaddieħor, imbagħad iż-żejjed kollu żejjed!

Ikrah tkun R…A … D… A… R! Bil-kelma biss kollox tħossu qiegħed iriegħed. U tibżax! Kemm triegħdu żwiġijiet, vokazzjonijiet, ħbiberiji u ma nafx xiex l-għaliex kien hemm hu, iċ-checker! Jew inkella hi li tissindika minn wara l-persjana! Imma, ngħid jien, x’ħa nieħu billi noqgħod ngħasses? Xi gwadann se jkolli? Ħalliehom lin-nies. Jiddeċiedu li jridu. Issa taħsibnix li, l-għaliex għedtlek hekk, jien tal-ħabba gozz tafx! Jekk persuna tassew inħobbha ngħidilha. Bil-mod. Bil-kalma. Iżda mhux ħa noqgħod intambrilha. Għarraftha ħalli, jekk tiġġarraf, ma tiġix bil-jedd kollu tippunta subgħajha lejja li m’għedtilhiex. Imma lanqas hemm bżonn li nqisilha l-passi tagħha lanqas. Għedtilha. Avżjatha. Urejtha. Imbagħad … f’idejha!

Ejjew nevitawh ir-R…A … D… A… R! Ejjew ma nwaħħlux R…A … D… A… R fil-kmamar tas-sodda jew tal-kċina, fil-kurituri tal-kunventi jew fis-sagristiji tal-knejjes tagħna. Lanqas ma nwaħħluhom mal-postijiet tad-divertiment tagħna. Biżżejjed il-ħajja hija dik li hi. Biżżejjed hawn problemi u diffikultajiet. Ir-R…A … D… A… R jonqosna ħa niġu ottu!

U int Kunċett, jekk m’għandekx tagħmel, nagħtik suġġeriment li tkellem lil xi ħadd ħalli jgħinek biex tara kif ħa timla’ il-ħin tiegħek. Min jaf? Forsi jekk tħobb toħroġ għall-quddiesa kuljum tibqa’ titlob iktar. Inkella, jekk tirraġuna li m’għandekx bżonn tmur għall-quddiesa, forsi wasallek iż-żmien li ssib min ifissirlek, b’ħafna mħabba u għaqal, is-siewi kbir li tisma’ il-quddiesa ta’ kuljum. Imma, f’ġieħ l-imħabba tal-Mulej, ħallik mir- R…A … D… A… R! Iżżidx aktar piż fuq il-kuxjenza tiegħek! Ftakar li minn hawn irridu ntiru ħfief għan-naħa l-oħra. Inkella jkollna nħallsu taxxa għolja ħafna fid-Dwana! Jiġifieri fil-Purgatorju!

Uża’ l-wifi ħa iċċempel lil xi ħadd li hu waħdu u tagħtih kelma ta’ kuraġġ. U żżommlu kumpanija. Imma r-R…A … D… A… R, dak le! U qatt!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading