Bil-grokkijiet jaħdem!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Darba minnhom kont qed nitħaddet ma’ ħabib li ilni nafu għal dawn l-aħħar snin. Huwa ħabib li mingħandu nitgħallem bil-bosta. Għaliex bilanċjat. U jaħsibha sewwa qabel ifattarha.

Ma nafx kif, bħaċ-ċirasa, dar id-diskors tagħna. F’daqqa waħda staqsejtu: “Allura x’tgħidli għall-Papa Franġisku?” U dan il-ħabib, bis-solita riflessjoni tiegħu, weġibni hekk: “Eh ħabib! Dak bil-grokkijiet jaħdem!”

Tbissimt! Dħakt! Ħakkejt rasi! U poġġejt idi taħt geddumi wkoll! L-għaliex ħassejt li rrid inħalli l-Mulej iniżżilni fil-fond ta’ din il-biċċa għerf kbira. Hekk hu ħbieb! Papa Franġisku jaħdem bil-grokkijiet! Jiġifieri jimxi bil-mod il-mod. B’pass wara l-ieħor. Sakemm jasal safejn għandu jasal! Bħalma tgħid eżattament l-għanja tas-Salib ta’ San Damjan li, min jaf kemm ta’ Postulant Kapuċċin, minħabba fiha, spiċċajt bis-swaba’ ta’ subgħajja ta’ jdejja x-xellugija bil-kallijiet minħabba l-għafis li kont nagħfas il-kordi mat-tustiera ta’ dik l-imbierka kitarra. Sintendi, jiena u ndoqq it-Talba ta’ San Damjan: “Tqiegħed ġebla fuq ġebla oħra u fl-aħħar tasal fuq nett.”

Papa Franġisku la jgħaġġel iżda lanqas ma joqgħod jitnikker. Dejjem għaddej. Alla jbierku! F’kelma waħda jieħu l-ħin TIEGĦU, aktar milli tiegħu. Fi mġiebtu jfakkarni ħafna f’nies kbar. Nies li għalija, f’ħajti, għamluli tant ġid! Ifakkarni, l-ewwel nett, f’dak li kien iħobb jgħid San Ġwann XXIII. Il-Papa Buono. Jiġifieri li kien iqatta’ mal-10 minuti ta’ qari spiritwali kuljum. Mhux wisq. Veru? Pjuttost narahom ftit. Bil-mod il-mod. Imma ħej, maż-żmien, ara ftit kemm il-ħażna tikber! Kemm għerf jinġama’! Biex jingħata u mhux biex jibqa’ maqful. Inkella gwaj ikollna!

Qisux hux bħal meta konna żgħar u kien ikollna dak il-famuż karus li fih konna nitfgħu l-muniti. Tiftakru? Kellek wieħed bħalu? Niftakar li jien ukoll kelli wieħed minnhom. Għadni qed narah qisu issa quddiemi. Forma ta’ ħanżira. U l-kulur ta’ din il-ħanżira kien aħdar ċar. Kont nitbellaħ kif, fl-aħħar tas-sena, kien ikolli flus biżżejjed biex nixtri rigal sabiħ lil ommi. Niftakar li dawk iż-żewġ kokijiet taċ-ċaqquf, li għadhom hemm fil-kċina tagħha, kont xtrajthom lill-għażiża ommi biċ-ċenteżmi li kont faddalt matul is-sena! Eħ ħija x’differenza jagħmlu dawk iċ-ċenteżmi! Meta mfaddlin u mhux imxerrdin u sparpaljati!

Imbagħad din ta’ “bil-mod” tfakkarni ukoll fl-eks Superjur Ġenerali tal-Mużew, Victor Delicata. Li kelli l-grazzja li jkun superjur tiegħi tal-Mużew għal tnax-il sena sħaħ. Mela altru li kont nafu! L-istess. Kemm kien jisħqilna biex fil-ħajja nimxu bil-mod! F’dak iż-żmien, fl-assenjatur, jiġifieri fil-laqgħa tal-kandidati u tas-soċi (il-membri) tal-Mużew, konna nagħmlu l-materja imsejħa “axxetika”. Sentenza minn dan it-trattat partikulari tal-assenjatur baqgħet stampata sewwa f’qalbi, f’moħħi u f’dak kollu li jien illum. Din is-sentenza kienet tgħid hekk: “Il-perfezzjoni tinqala’ b’ħidma kbira u bil-ftit il-ftit”. Hekk hu ħbieb! Il-qdusija ma tinqalgħax b’ħafna għaġla. Inkella b’affarijiet kbar. U bil-għaġla. Suq ħa mmorru! Le! Ħallina minn dan l-imbarazz! (Biex nuża’ kelma li Patri bħali kien tant iħobb juża’ meta kien jara l-ilsien Malti sejjer lura bħall-granċ). Il-qdusija hija xi ħaġa li tinbena bil-mod. Anzi! Bil-mod ħafna. Iżda kostanti! Dejjem mixja! Dejjem qiegħdha tikber! Ma tieqaf qatt! U mhux għalhekk li San Ġorġ Preca kien dejjem jitlob għad-don tal-perseveranza? Li wieħed jibqa’ għaddej anki meta l-irjieħ ivenvnu bil-bosta u bil-kontra?

Barra minhekk din il-biċċa tal-grokkijiet tfakkarni ukoll f’għalliem tal-Latin. Dak l-għalliem li, bis-saħħa tal-Mulej li taħdem kontinwament fih, illum nista’ nifraħ li kont wieħed minn dawk li għaddejt mill-matrikola tal-ilsien Latin. Hekk niftakru jgħidilna lejn l-aħħar ta’ kull lezzjoni li kien jgħallimna: “Il-Latin studjawh ftit ftit kuljum. Mela, l-ewwel studjaw il-grammatika. U għall-grammtika qattgħu ħames minuti. Wara studjaw is-sintassi. L-istess. Qattgħu wkoll ħames minuti tistudjawha. Imbagħad, lejn l-aħħar tal-istudju, qattgħu ħames minuti u studjaw il-vokabularju”. U, l-għaliex kien għalliem ta’ ħila kbira u, fl-istess ħin tassew umli, jiġifieri minn dawk li jirraġunaw li bil-cable u mhux bil-battery hu li jaqbillek, kien jgħidilna: “U itolbu dejjem lill-Mulej ħalli jgħinkom hu”.

Rajtu ħabib! Smajtu! Bil-mod! L-għaliex fil-ħajja, min għaġġel kif spiċċa? Aħħ! Ajma! Imkaħħal ma’ ħajt! Għall-bżonn ħa nerġa’ iva niftakar fl-istorja tal-fenek u l-fekruna. L-istorja li hija tant għall-qalbi! L-għaliex naraha tassew veritiera. Il-fenek ħaseb li se jsolvi kollox f’daqqa t’għajn. Ried jgħaġġel. Ried juri x’jaf. Ried iħaffef. Isa! Ħaffiflu! Imma, miskin, għaliex hekk nista’ ngħidlu għall-bluha tiegħu, ma ntebaħx li l-moħħ jaf joħlom ħolm li qatt ma jista’ isir rejaltà. Nesa li l-moħħ jaf jidħak b’dak li jkun. L-għaliex il-fenek, ta’ iblah li kien, għex f’moħħu u mhux b’saqajh mal-art, ma qagħadx jikkalkula l-konsegwenzi ta’ għemilu. Ftaħar kemm felaħ. Bħal dawk li jridu jibilgħu d-dinja. Għalhekk ġera ġirja tajba. Sab siġra. U qagħad jitgħażżen hemm. Għax ħaseb li fil-ħajja kollox isir malajr. Bl-għaġla. U, aktar ma jsir malajr aktar isir tajjeb.

Imma l-fekkruna fehmitha xorta oħra l-istorja. Pass wara pass. Bil-mod. Mingħajr ħafna paroli żejjed. B’għajnejha, b’qalbha u b’moħħha miftuħin. U, għaddi minn hawn, evita hemm, u iġbed l’hawn u qatt ‘l hemm, seħħilha li tasal u tirbaħ it-tellieqa. U meta għaddiet minfejn il-fenek ma qajmitux! L-għaliex min jagħmel is-sewwa m’għandux għalfejn jagħmel storja! Jiġifieri jagħmel il-frattariji! Għax, min jagħmel is-sewwa, jaf li t-tajjeb li qed jagħmel jitħaddet waħdu! U hekk l-għaqlija fekkruna għaddiet lill-fenek u waslet qablu!

Bil-mod. Bil-grokkijiet! L-istess kif ikellimna Papa Franġisku. Suġġett wara l-ieħor. Ħaġa torbot mal-oħra. Bħall-katina dehbija. U, bilħaqq, dejjem juża’ ħwejjeġ li aħna ngħaddu minnhom! Kliem u frażijiet li aħna familjari magħhom. Ġieli, biex iwassal il-punt li ried iwassal, uża saħansitra kanzunetti li ilkoll nafu. Tiftakru meta darba tħaddet fuq il-paroli żejjed? Jiġifieri fuq dawk li jgħidu ħafna biex imbagħad ma jagħmlux lanqas nofs dak li jgħidu? Dan kien diskors li għamel fl-Angelus tal-Ħadd 10 ta’ Lulju 2016. Il-Papa dakinnhar kien qal hekk:

“Opri tajba u mhux biss kliem li jtir mar-riħ. Qed tiġini f’moħħi din il-kanzunetta: ‘Parole, parole, parole’. Le. Aġixxi. Agħmel. U bis-saħħa tal-opri tajba li nagħmlu mal-proxxmu bl-imħabba u bil-ferħ, il-fidi tagħna twarrad u tagħti l-frott”.

Nerġa’ ngħidlek ħabib: smajtu? Issa uża’ l-kanzunetta magħrufa tal-kantanta Taljana Mina. Eh sieħbi! Għax Mina xebgħet tara l-maħbub tagħha jgħaddiha biż-żmien billi jimlieha bix-xemgħa biex imbagħad, wara ftit, iġibha bħal board tad-darts bi kliemu u b’azzjunietu! Le ħej! Ħobbni bl-għemil u mhux bil-kliem biss! Bħalma jgħid sewwasew l-Appostlu San Ġwann: “Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa” (1 Ġw 3:18).

Mela fil-ħajja ħa nimxu bil-mod. Ħa nimxu bil-għaqal. Bħall-Papa Franġisku. Li jaħdem bil-grokkijiet!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading